B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22577 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal referenza preliminary (preliminary references) mill-Qrati Maltin għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Mejju 2004 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’Malta mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-3 ta’ Diċembru 2018 saru tliet Referenzi Preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-Qrati Maltin. Dawn huma s-segwenti:
Referenza Preliminari magħmula mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kawża AJD Tuna Ltd vs Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd et rigward il-validita` u l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 530/2008 tat-12 ta’ Ġunju 2008 u l-validita` tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) No 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002. Din ir-Referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fis-17 ta’ Ġunju 2009.
Referenza Preliminari magħmula mill-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża Vodafone Malta Ltd et vs L-Avukat Ġenerali et rigward Artikolu 12 u 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Din ir-Referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fl-10 ta’ Frar 2012.
Referenza Preliminari magħmula mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kawża Malta Dental Technologists Association et vs Superintendent tas-Saħħa Pubblika et rigward id-Direttiva 2005/36/KE, rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, tekniki dentali, kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti, rekwiżit li tabib dentist ikun obbligatorjament intermedjarju, applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit fir-rigward tat-tekniki dentali kliniċi li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-Artikolu 49 TFUE. Din ir-referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fid-29 ta’ Frar 2016.
Sadanittant fil-Qorti ta’ Għawdex infurmat li ma saret ebda talba għal referenza preliminary (preliminary references) mill-Qrati f’Għawdex għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-lum.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7109 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Ħadd, 9 ta’ Settembru 2018, bejn is-sitta u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, is-sistema tat-telefon fir-Residenza San Vinċenz de Paul kienet totalment mhux qed tiffunzjona, bil-konsegwenza li ma setgħux jidħlu telefonati għand it-telephone operators u dan wassal biex, fost oħrajn, ma kienx possibbli li jissejjaħ it-tabib fil-każi fejn pazjenti kellhom bżonnu u għalhekk lis-staff tas-swali kellhom imorru jfittxu huma lit-tabib? Jekk dan huwa l-każ, x’kien li wassal għal dan it-tul kollu ta’ ħin mingħajr servizz daqstant essenzjali f’post bħar-Residenza San Vinċenz de Paul li barra li jservi ta’ sptar iservi wkoll ta’ residenza? Kien hemm xi ħadd responsabbli on duty matul dak il-ħin, biex jieħu ħsieb dan l-inċident ta’ din ix-xorta ġewwa r-Residenza? X’kienet ir-raġuni għal dan in-nuqqas totali ta’ ffunzjonar tas-sistema tat-telefon? Barra minn hekk, kien tul ta’ ħin raġonevoli dak ta’ sagħtejn u nofs biex is-sistema terġa’ tiġi lura għan-normal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fid-9 ta’ Settembru 2018, ġiet irrapurtata ħsara fis-sistema tat- telefonija ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paule. Il-proċeduri interni jesiġu li r-rapporti ta’ ħsarat fuq is-sistema tat-telefonija jiġu mressqa lill-kuntrattur ewlieni li jieħu ħsieb l-imsemmija sistema (GO plc). Wara li t-tekniku ġie fuq l-post, l-problema ġiet risolta minnufih. Kif żviluppat l-ħsara, il-management tar-Residenza ħa ħsieb jara li s-sezzjonijiet kollha jiġu nfurmati sabiex l-inkonvenjent ikun wieħed minimu, kif filfatt kien.
Filwaqt li sar arranġament minn night managers biex is-sejħiet għat-tobba isiru fuq is-sistema ċellulari, kien hemm madwar 2 talbiet fejn il-carers għamlu kuntatt mat-tobba fl-uffiċini tagħhom.
B’referenza għall-ħlas ta’ €15,000 li sar lill-artist miżżewweġ Ministru u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Prim Ministru:
a. jgħid ta’ xiex sar dan il-ħlas;
b. jippreżenta ritratt jew stampa tax-xogħol li sar;
c. jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti qabel dan ix-xogħol ġie assenjat lill-artist in kwistjoni;
d. jippreżenta kopja tal-ftehim jew kuntratt li sar mal-artist in kwistjoni; u
e. jgħid kemm saru ħlasijiet b’kollox lill-artist imsemmi bejn Marzu 2013 u d-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iStat Malti ilu għal snin shah jixtri xogħolijiet tal-arti minn galleriji tal-arti u minn kollezzjonijiet privati. Dawn ix-xogħolijiet tal-arti, li jirrapreżentaw b’mod wiesa t-talenti tal-komunita artistika lokali, jinxtraw speċikament biex ikomplu jsahhu l-kollezzjoni nazzjonali tal-arti.
Tajjeb li l-Onor Interpellant ikun jaf li fost ohrajn jeżistu anki fondi specifici għal dan il-għan, fosthom wieħed imsejjaħ Contemporary Art Fund, amministrat minn Heritage Malta. Fl-ahhar 8 snin permezz ta’ dan il-fond biss inxtraw iktar minn 100 bicca xogħol tal-arti ta’ iktar minn 40 artist bi spiża ta’ madwar €400,000. Dawn ix-xogħlijiet kollha llum jagħmlu parti mill-kollezzjoni nazzjonali tal-arti.
Tajjeb ukoll li l-Onor. Interpellant ikun jaf li minhabba n-natura tal-akkwist innifsu, qatt ma kienet il-policy, taht kull amministrazzjoni, li biċċiet tal-arti għall-kollezzjoni nazzjonali, jinkisbu b’sejħiet għall-offerti. Fatt iehor li jidher li l-Onor. Interpellant mhux informat dwaru huwa li qabel ma tinxtara bicca xogħol tal-arti, l-esperti ta’ Heritage Malta jagħtu l-approvazzjoni taghhom kemm f’dik li hija kwalita u anki f’dak li huwa prezz. Hekk sar fil-kaz tal-pittura li qed jaghmel riferenza ghaliha fil-mistoqsija tieghu. Tajjeb li fl-istess hin l-Onor Intepellant ikun jaf li fl-2010 l-istess artist kien magħżul minn Heritage Malta biex itella wirja ta’ xogħolijiet tiegħu fil-Muzew Nazzjonali tal-Arti. Kif inhi l-prassi l-artist dak in-nhar kien anki għadda pittura tiegħu għall-kollezzjoni nazzjonali tal-arti.
Awtorità tal-Ippjanar – membru miġjub Malta – passi kontra l-Kap Eżekuttiv
Question
In vista tat-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari 7087, 7089, 7090 u 7091 fejn ripetutament qal li ma jaqbilx mad-deċiżjoni li ħa l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jinġieb membru tal-Awtorità minn barra permezz ta’ ajruplan privat imħallas mill-istess Awtorità sabiex tkun tista’ tivvota dakinhar tal-vot fl-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni numru PA/03807/17 magħruf bħala ‘City Centre’, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu fil-konfront tal-istess Kap Eżekuttiv tal-Awtorità u jekk le, min se jerfa r-responsabilità għal din id-deċiżjoni manifestament ħażina?
Response (BORG, IAN)
Kif diġa nfurmajt lil Onorevoli Interpellant fir-risposta tiegħi għal mistoqsija parlamentari bin-numru 7087, ic-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kien fil-limiti tal-poteri finanzjarji tiegħu (€10,000) meta awtorizza is-servizz ta’ ajruplan privat.
Kif diġa’esprimejt fil-pubbliku jien la kont infurmat u wisq anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni. B’mod kategoriku urejt ukoll li ma qbiltx ma d-deċiżjoni li l-ħadet l-Awtorita’ tal-Ippjanar li kif jaf l-Onor. Interpellant topera b’mod awtonomu u indipendenti.
Identity Malta – servizzi ta’ konsulenza minn individwu
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsistu s-servizzi ta’ konsulenza li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jagħti lil Identity Malta u x’xogħol sar minnu mid-data tal-bidu tal-kuntratt sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tal-persuna kkonċernata jikkonsisti f’konsulenza legali marbuta mal-Aġenzija Identity Malta. Flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Aġenzija, il-persuna kkonċernata kienet u għadha involuta, fost affarijiet oħra, f’diskussjonijiet u tħejjijiet ta’ numru ta’ riformi li għamlet u li ser twettaq din l-Aġenzija, kif ukoll emendi għall-abbozzi ta’ liġi [inkluż Legislazzjoni Sussidjarja] li tressqu jew li ser jitressqu quddiem din il-Kamra. Dan sabiex jiġu aġġornati l-liġijiet u policies li jirregolaw is-servizzi relatati mal-istess Aġenzija, inkluz entitajiet u materji li tagħhom hi responsabbli l-Aġenzija Identity Malta. Dan apparti xogħol relatat mat-twaqqif ta’ żewg Aġenziji ġodda, tfassil ta’ memos minn żmien għal żmien u pariri anċillari li jkunu meħtieġa.
Identity Malta – servizzi ta’ konsulenza minn individwu
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih Identity Malta ingaġġat is-servizzi ta’ konsulenza tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt pre¿enti tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament.
Identity Malta – servizzi ta’ konsulenza minn individwu — ħlas
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħallset minn Identity Malta l-persuna li isimha qed jingħata separatament mid-data meta ġiet ingaġġata sad-data ta’ din il-mistoqsija u jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-invoices u riċevuti relevanti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Awwissu 2017 sal-lum, il-persuna kkonċernata tħallset €29,200 (excl. VAT) għax-xogħol li għamlet.
Awtorità tal-Ippjanar – tieni passiġġier miġjub Malta
Question
In vista tal-fattura (invoice) ppreżentata mill-Ministru għat-Trasport għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 7090, jista’ l-Ministru jgħid min kien it-tieni passiġġier li twassal minn Sqallija għal Malta dakinhar tal-vot fl-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni numru PA/03807/17 magħruf bħala ‘City Centre’ u jista’ jgħid ukoll għaliex kien meħtieġ li jinġieb it-tieni passiġġier?
Response (BORG, IAN)
Infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li t-tieni passiġġier kien il-minuri li kien qiegħed fuq il-btala mal-persuna kkonċernata. L-awtorità nfurmatni li s-servizz jkopri t-titjira magħmula u mhux kemm il-passiġġier ivvjaġġa.
Awtorità tal-Ippjanar – membru miġjub Malta – għażla tal-kumpanija
Question
In vista tal-fattura (invoice) ppreżentata mill-Ministru għat-Trasport għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 7090, jista’ l-Ministru jgħid għaliex u fuq liema bażi ntgħażlet kumpanija Svizzera bbażata f’Ġinevra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li wara li l-Awtorità ġabet żewġ kwotazzjonijiet, il-kumpanija ntgħażlet peress li kienet l-irħas offerta.
Awtorità tal-Ippjanar – membru miġjub Malta – ħlas ta’ VAT fuq invoice
Question
In vista tal-fattura (invoice) ppreżentata mill-Ministru għat-Trasport għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 7090, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma tħallasx VAT fuq din il-fattura?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li Il-VAT dovuta ser titħallas f'Malta fid-denunzja tal-VAT tal-Awtorità għall-perjodu relattiv. Dan minħabba l-fatt li l-kirja ta’ ajruplan hija meqjusa bħala servizz ta’ trasport. Il-post tal-provvista ta’ servizz huwa rregolat mir-regoli tal-post ta’ tgawdija. Dawn ir-regoli jistabbilixxu li servizz jiġi ntaxxat fil-post fejn is-servizz huwa meqjus li jseħħ. Ir-regola ġenerali hija li l-post tal-provvista ta’ servizz lil persuna taxxabbli (provvista B2B) huwa l-post fejn il-klijent huwa stabbilit.
Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Ħadd, 9 ta’ Settembru 2018, bejn is-sitta u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, is-sistema tat-telefon fir-Residenza San Vinċenz de Paul kienet totalment mhux qed tiffunzjona, bil-konsegwenza li ma setgħux jidħlu telefonati għand it-telephone operators u dan wassal biex, fost oħrajn, ma kienx possibbli li jissejjaħ it-tabib fil-każi fejn pazjenti kellhom bżonnu u għalhekk lis-staff tas-swali kellhom imorru jfittxu huma lit-tabib? Jekk dan huwa l-każ, x’kien li wassal għal dan it-tul kollu ta’ ħin mingħajr servizz daqstant essenzjali f’post bħar-Residenza San Vinċenz de Paul li barra li jservi ta’ sptar iservi wkoll ta’ residenza? Kien hemm xi ħadd responsabbli on duty matul dak il-ħin, biex jieħu ħsieb dan l-inċident ta’ din ix-xorta ġewwa r-Residenza? X’kienet ir-raġuni għal dan in-nuqqas totali ta’ ffunzjonar tas-sistema tat-telefon? Barra minn hekk, kien tul ta’ ħin raġonevoli dak ta’ sagħtejn u nofs biex is-sistema terġa’ tiġi lura għan-normal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel — studenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li minn din is-sena bdew jużaw is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel:
a. tal-Knisja; u
b. Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li hemm 11,625 student tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti li bdew jużaw is-servizz ta’ trasport b’xejn minn din is-sena.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – spejjeż addizzjonali għas-servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża addizzjonali biex ġie provdut is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-istima tal-ispiża biex jiġi pprovdut is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti hi ta’ madwar €8.5m għal sena. Madankollu, ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa eżerċizzju ongoing li jiddependi minn kemm studenti jagħmlu użu minnu.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – vannijiet u vetturi addizzjonali
Question
Jista’ l-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid kemm hemm vannijiet u/jew vetturi addizzjonali li qed jintużaw biex jingħata s-servizz ta’ trasport b’xejn lill-istudenti tal-iSkejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li sal-lum vetturi rreġistrati ma’ MEDE li qed joffru servizz ta’ trasport b’xejn lill-istudenti li jattendu skejjel tal-Knisja u/jew Indipendenti hemm 972.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – ilmenti dwar dewmien fis-servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rapporti li tfal li jattendu fl-iSkejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti mhux qed jinqdew mis-sistema l-ġdida ta’ trasport b’xejn għall-istudenti, fis-sens li t-trasport qed regolarment jiġborhom tard mid-dar u jwassalhom regolarment tard l-iskola? Jista’ jgħid x’azzjoni ħa dwar dawn l-ilmenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li qed jidħlu ilmenti mill-ġenituri/legal guardians fuq is-servizz provdut mill-operaturi li qed jipprovdu s-servizz lil studenti li jattendu skejjel tal-Knisja u Indipendenti. Għalkemm ir-rwol tal-Gvern mhux li jidħol fl-operat ta’ dan is-settur, id-dipartiment fi ħdan il-MEDE qiegħed jindirizza dawn l-ilmenti mal-operaturi konċernati sabiex kemm jista’ jkun itejjeb is-servizz provdut.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – servizz ta’ superviżjoni
Question
Jista’ l-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid jekk hux qed jiġi provdut servizz ta’ superviżjoni fuq is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iSkejjel tal-Knisja u Indipendenti u jekk le, għaliex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-inizjattiva ta’ servizz ta’ trasport b’xejn lill-istudenti kollha qed tiġi introdotta gradwalment.
Għal din is-sena skolastika, fuq it-trasport provdut għall-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, il-Gvern ħalla s-servizz tas-superviżjoni jopera kif kien jopera fis-snin li għaddew. Jiġifieri, jekk is-sena l-oħra kien hemm provdut superviżjoni, il-Gvern ħalla f’idejn il-ġenituri/legal guardians jekk jagħżlux li jkollhom dan is-servizz li bħalissa għadu qed jiġi mħallas mill-ġenituri jekk jagħżlu li jeħduh.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li dwarha hemm rapport tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni? Jista’ jgħid jekk hemmx deċiżjoni definittiva dwar jekk il-persuna msemmija hux se titressaq il-Qorti jew le fuq akkużi ta’ korruzzjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-każ indikat mill-Onor. Interpellant qed ikompli jiġi attivament investigat mill-Iskwadra ta’ kontra r-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija.
Awtorità tal-Ippjanar – membru tal-bord miġjub Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar kienx fil-limitu tal-poteri tiegħu biex jordna li membru tal-Bord tal-Awtorità tinġieb Malta għall-vot dwar l-applikazzjoni PA/03807/17 magħruf bħala ‘City Centre’? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-limitu finanzjarju li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità jista’ jonfoq bla ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ic-Chairman Eżekuttiv ta l-Awtorita’ tal-Ippjanar kien fil-limiti tal-poteri tiegħu. Il-limitu finanzjarju huwa ta €10,000.
Il-PA hija awtorità independenti u awtonoma.
Jiena la kont infurmat w anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni; u kif diġà esprimejt fil-pubbliku jien ma qbiltx ma din id-deċiżjoni.
Awtorità tal-Ippjanar – deċiżjoni biex membru tal-istess awtorità jinġieb Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ttieħdet deċiżjoni biex membru tal-Awtorità tal-Ippjanar jinġieb minn barra għall-vot permezz ta’ ajruplan privat bħalma ttieħdet fil-każ tal-applikazzjoni numru PA/03807/17?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-deċizjoni ttieħdet darba.
Il-PA hija awtorità independenti u awtonoma.
Jiena la kont infurmat w anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni; u kif diġàesprimejt fil-pubbliku jien ma qbiltx ma din id-deċiżjoni.