Korp tal-Pulizija – pulizija li ddaħħal lura fil-korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid il-Pulizija li tella’ video post fuq Facebook (link qed jingħata separatament) bi kliem partiġġjan fejn fost l-oħrajn jgħid kliem bħal “aħna l-Laburisti, aħna s-suldati tal-azzar, aħna li żammejna l-Partit Laburista ħaj” u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, meta ddaħħal lura fil-korp, f’liema grad iddaħħal u kemm kien ilu barra mis-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-uffiċjal inkwistjoni ddaħħal lura fil-Korp fis-27 ta’ Lulju 2016 fil-grad ta’ Surġent wara li l-Grievances Unit sab li l-istess persuna sofriet għadd ta’ inġustizzji taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. Hu kien ilu barra mill-Korp mis-26 ta’ Ottubru 2005.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separtament li tella’ video post fuq Facebook (link qed jingħata separatament) bi kliem partiġġjan fejn fost l-oħrajn jgħid kliem bħal “aħna l-Laburisti, aħna s-suldati tal-azzar, aħna li żammejna l-Partit Laburista ħaj” għandux blue badge tad-diżabilità waqt li huwa parti mill-Korp tal-Pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-‘blue badges’ ma joħorġux mill-Kummissarju tal-Pulizija iżda mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni B’Diżabilità (CRPD). Infurmat li l-uffiċjal imsemmi nħarġitlu ‘Blue Badge’ fl-2011.
Jista’ l-Ministru jgħid l-entità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, meta applikat u ngħatat il-liċenzja biex topera bħala università? Jista’ jgħid ukoll meta bdiet l-operat tagħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont ir-reġistru tal-NCFHE, l-istituzzjoni li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ma teżistix. L-unika istituzzjoni fir-reġistru tal-NCFHE li l-Onor. interpellant jista’ jkun qed jirreferi għaliha hija dik li l-informazzjoni dwarha qed tingħata lill-Onor. Interpellant separatament u b’mod kunfidenzjali. Imma din l-istituzzjoni qatt ma kellha liċenzja ta’ Università. Din hija Istituzzjoni ta’ Edukazzjoni Ogħla u bdiet l-operat tagħha f’Ġunju tal-2018.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda ta’ ħlasijiet li saru lil kull credit rating agency li tagħti rating lil Malta, aġenzija b’aġenzija u sena b’sena minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li fejn tidħol in-nefqa globali, jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 8089.
Għal raġunijiet ta’ natura kummerċjali ma jistax jingħata l-valur fuq livell ta’ aġenzija b’aġenzija.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li l-Gvern Malti għandu mal-credit rating agencies li jħallashom għar-rating li jagħti lil Malta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt li jirrigwardja l-Aġenzija tar-rating li qed jitħallas mill-Ministeru għall-Finanzi, u li kien iffirmat mill-Ministru tal-Finanzi tal-Amministrazzjoni preċedenti, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta nirċievu permess mir-Rating Agency relatata, imħabba n-natura kummerċjali tal-kuntratt.
Għar-rigward ta’ l-Aġenzija l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Peress illi din ir-risposta ma tinkludix lill-Bank Ċentrali nitlob lill-Onorevoli Interpellant ili jekk jixtieq tali nformazzjoni jagħmel mistoqsija speċifika.
Malta Development Social Fund – konsulenza minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ konsulenza li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandu mal-Malta Development Social Fund u/jew kwalunkwe entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru?
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt, inkluż tal-ħlasijiet miftehma u mħallsa, li għandu mad-ditta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern diġa ppubblika l-ispiza marbuta ma’ dan il-kuntratt.
Il-ftehim mal-kumapnnija ta’ konsulenza nternazzjonali li għalih qed tirreferi l-Mistoqsija, fih kontenut dettaljat tax-xogħol li kellu jitwettaq sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terrorizmu, suġġetti li huma marbutin mas-sigurta’ tal-pajjiz. Għaldaqstant, mhux qed jiġi ppubblikat dan il-ftehim.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8886, jista’ l-Prim Ministru jagħti d-dati u terminu ta’ żmien relevanti meta l-persuni li isimhom ġie anness mat-tweġiba kienu effettivament membri tal-Grievances Board jew bordijiet li jaqa’/jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li taghrif ghadu qed jingabar.
In segwitu għall-mistoqsija parlamentari 8675 dwar il-mediċina Concerta għal persuni li jbatu bl-ADHD, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid:
a. ladarba l-prodott ġeneriku alternattiv għal Concerta ma kienx effikaċi għalihom, x’se jagħmel il-Gvern sabiex jara li l-persuni involuti jingħataw aċċess għall-farmaċewtika effikaċi kemm jista’ jkun malajr;
b. x’se jagħmlu t-38 persuna li applikaw biex jerġgħu jingħataw il-Concerta ġaladarba jidher li din tinsab out of stock sa Ġunju ta’ din is-sena filwaqt li l-prodott alternattiv ma kienx effikaċi għalihom;
c. min hi l-kumpanija li hija l-aġent u/jew timporta l-prodott ġeneriku li qed jingħata mill-Gvern bħala prodott alternattiv għal Concerta; u
d. kemm jiswa l-prodott ġeneriku meta mqabbel mal-prodott Concerta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz taċ-Chairperson Kliniku fil-Psikjatrija, d-Dipartiment tas-Saħħa kkummissjona rapport ta' evidenza bbażat xjentifikament. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżultati ta 'dan ir-rapport indipendenti, id-Dipartiment tas-Saħħa jiddeċiedi dwar l-aħjar trattament li dawn il-pazjenti jkunu jeħtieġu fuq bażi ta' każ b'każ, skont il-kundizzjonijiet kliniċi tagħhom.
Huwa pertinenti li wieħed jinnota li għalkemm internazzjonalment ma kien hemm l-ebda kwistjoni bl-alternattiva ġenerika mogħtija mill-Gvern minħabba li din hija liċenzjata għal kollox u użata f'pajjiżi oħra tal-UE, id-Dipartiment tas-Saħħa huwa mpenjat li jaġixxi fl-aħjar interess, saħħa u sigurtà tal-pazjenti.
Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Saħħa huwa f'kuntatt mal-aġent lokali kif ukoll mal-importaturi esterni sabiex il-prodott tad-ditta (Concerta) jkun disponibbli fil-komunità malajr kemm jista' jkun.
Il-prezz tal-prodotti tad-ditta u tal-prodotti ġeneriċi jvarjaw minn industrija għal oħra u minn pajjiż għal ieħor, madankollu l-prijorità ta’ dan il-Gvern mhix in-nefqa iżda l-benesseri tal-pazjenti tagħna filwaqt li ma jikkompromettix il-kompetizzjoni.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Grievances Board - membri
Question
In segwitu għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 8672, 8673, 8674, jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Grievances Board jew bordijiet li jaqa’/jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess kollu tal-Grievances Boards sar bil-kunsens tal-Kummissjoni ghas-Servizz Pubbliku u tal-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Fl-istess ħin it-tliet membri li servew fuq kull Grievances Board, inħatru abbażi ta’ proċedura sanzjonata fl-2012 mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar użu ta’ uffiċjali pubbliċi irtirati.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li f’dan il-proċess l-Uffiċċju tal-Ombudsman inżamm bħala possibbilità għall-appell f’każ li persuna ma qablitx mar-rakkomandazzjoni ta’ xi wieħed mill-Grievances Boards.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-Grievances Board kurrenti, li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngharraf lill-Onor Interpellant li it-tagħrif mitlub huwa dan :
Cerperson : Is-Sur Joseph Bonello
Membri : Is-Sur Paul Debattista u s-Sa Catherine Falzon
Membru sostitut : Is-Sur Lawrence Flask
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ġew appuntati l-membri tal-Grievances Board li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu u kemm huwa twil it-terminu ta’ żmien tal-mandat li għalih ġew appuntati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Grievance Board kurrenti ġew appuntati fl-1 ta’ Jannar 2019 u t-terminu ta’ żmien huwa ta’ sena.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’jiġri f’każ li quddiem il-Grievances Board li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, jirriżulta li membru tal-bord għandu kunflitt ta’ interess għax kien involut fit-teħid tad-deċiżjoni li qiegħda tiġi sindikata mill-istess bord? X’rimedju hemm f’każ bħal dan għal min jagħmel l-ilment quddiem il-bord?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’każ bħal dak li qed jirreferi għalih huwa, jissejjaħ il-membru sostitut.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk irċeviex applikazzjonijiet għal xiri ‘on a named-patient basis’ tal-mediċina CONCERTA li tintuża għall-kundizzjoni ADHD u dan minn mindu din il-mediċina branded ġiet mibdula ma’ waħda ġenerika? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il applikazzjoni rċieva u minn dawn, kemm huma ta’ tfal u ta’ adulti, u kemm-il waħda ġiet milqugħha u/jew miċħuda?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn mindu l-mediċina MethylPhenidate modified release tad- ditta CONCERTA li tintuża għall-kundizzjoni ADHD ġiet mibdula ma’ waħda ġenerika, id-Dipartiment ircieva 38-il rikjesta għall-approvazzjoni biex jingħataw l-mediċina tad-ditta Concerta.
Minn dawn, 10 kienu adulti u l-bqija kienu tfal ta’ taħt it-18 il-sena.
Fil-preżent qed jiġu evalwati dawn ir-rikjesti fid-dawl ukoll li l-mediċina ġenerika hija meqjusa bioekwivalenti għal dik tad-ditta u fl-Ewropa ma jirriżultax li l-mediċina ġenerika ġiet irtirata mis-suq. Ta’min jgħid ukoll li l-gvern jixtri l-mediċini bit-
tenders
bl-isem farmaċewtiku għall-maġġoranza tal-mediċini li jingħataw lill-pazjenti mis-servizzi tas-saħħa.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ servizz ta’ konsulenza tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għall-perjodu minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jeżisti ebda kuntratt li qed isemmi huwa fil-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk, minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex appuntat minnu fuq bord ta’ entità pubblika u f’dak il-każ jgħid f’liema bord/bordijiet, x’inhi l-kariga fil-bord, minn meta saret il-ħatra u kemm hija r-remunerazzjoni pagabbli lill-imsemmi individwu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara Marzu 2013, il-persuna li qed issir riferenza għaliha kien innominat mill-Prim Ministru fis-26 ta’ Marzu 2014 u sussegwentament fil-31 ta’ Jannar 2018 biex iservi fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Ma hemm ebda remunerazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8483 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir legali li l-Gvern ingħata mingħand ditta legali barranija dwar it-trasferiment ta’ art pubblika lill-grupp ta’ kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li pariri legali huma minn natura tagħhom kunfidenzjali u privileġġjati, u għalhekk ma jkunx prudenti jew etikament korrett illi dokumenti ta’ din in-natura jiġu mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra. Madankollu ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ diskussjonijiet relattiv għadu għaddej.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir legali li l-Gvern ingħata mingħand ditta legali barranija dwar it-trasferiment ta’ art pubblika lill-grupp ta’ kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hu u/jew xi familjari tiegħu għandux interess dirett jew indirett f’xi negozju ta’ jew assoċjat mal-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tad-ditta u tal-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fil-Malta India Film Festival? Fuq liema bażi ntgħażel dan l-individwu/ditta sabiex imexxi workshop dwar l-inċentivi f’Malta fil-qasam tal-films? X’esperjenza għandha fil-qasam tal-films? Saret sejħa jew kompetizzjoni biex tintgħażel qabel sar dan l-avveniment?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lil-Malta India Film Festival ġie organiżżat minn kumpanija privata u mhux mill-Ministeru.