Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #9236 Sitting 207 2019-03-13 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Safar – Bahamas jew Bermuda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx mar il-Bahamas jew Bermuda minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija u f’każ li mar, jagħti d-dati taż-żjara tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tiegħhi hija fin-negattiv, jiġifieri le.
Leg 13 PQ #9237 Sitting 207 2019-03-13 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Safar — Dubai

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx mar id-Dubai minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija u f’każ li mar, jagħti d-dati taż-żjara jew żjarat tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żort Dubai fil-leġiżlatura li għaddiet. F’din il-leġiżlatura ma kien hemm l-ebda żjara.
Leg 13 PQ #9274 Sitting 207 2019-03-13 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – konsulenza ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ konsulenza li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament għandu man-National Development and Social Fund u/jew kwalunkwe entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-ditta legali tal-persuna msemmija bdiet tagħmel xogħol ta’ konsulenza legali flimkien ma’ ditta legali oħra għan-National Development and Social Fund (NDSF) wara li l-NDSF għamel sejħa pubblika għal espressjonijiet ta’ interess. Sal-lum il-ħlas li sar lil dawn iż-żewġ ditti legali jammonta għal €2,700. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija m’għandha ebda konsulenza ma' xi entità oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 13 PQ #9299 Sitting 207 2019-03-13 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Grievances Board

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9089 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8886, jista’ l-Prim Ministru jagħti d-dati u terminu ta’ żmien relevanti meta l-persuni li isimhom ġie anness mat-tweġiba kienu effettivament membri tal-Grievances Board jew bordijiet li jaqa’/jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Mediċina Concerta

Question

In segwitu għall-mistoqsija parlamentari 8852, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu t-talbiet tat-38 persuna li applikaw biex jerġgħu jingħataw il-mediċina Concerta mill-gvern? Jista’ jgħid kemm minnhom inqdew u kemm għad baqa’ pazjenti jistennew? Jista’ jgħid ukoll kemm żmien jikkalkula li se jieħu biex il-pazjenti kollha jingħataw lura l-prodott Concerta mill-gvern, anki ġaladarba dawn qed isibuha diffiċli jixtruha privatament minħabba li jidher li tinsab out of stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif ilu isir f’diversi legiżlazzjonijiet preċedenti, l-Gvern jixtri mediċina abbażi ta’speċifikazzjonijiet ġeneriċi li jassiguraw mediċini ta’ kwalità li huma reġistrati fl-Ewropa. F’dan il-każ beda l-proċess biex jiġu analizzati mil-kap tad-Dipartiment tal-Psikjatrija bl-għajnuna ta’ esperti biex tinstab alternattiva klinika. Il-Gvern qiegħed b’komunikazzjoni mas-settur privat biex il-mediċina tkun f’Malta fl-inqas żmien possibbli.

Pulizija – arrest ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid abbażi ta’ liema liġi u awtorità ġie arrestat u meħud l-Isptar Mount Carmel l-eks uffiċjal tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Frar 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant il-pulizija aġixxiet skont is-setgħat mogħtija lilha mill-provedimenti tal-Kap. 525 dwar Att tas-Saħħa Mentali. Kif diġà indikat fit-tweġiba għal mistoqsija oħra, dan il-każ hu suġġett ta' investigazzjoni mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija.

Uffiċjal tal-Pulizija — inkjesta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk infetħitx inkjesta jew stħarriġ ieħor biex jiġi stabbilit jekk ġietx segwita l-liġi u regolamenti applikabbli kif ukoll il-protokoll applikabbli fil-każ fejn ġie arrestat u meħud l-Isptar Mount Carmel eks uffiċjal tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Frar 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li dan il-każ ġie rriferut u huwa suġġett ta' investigazzjoni mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija. Intqal pubblikament ukoll li, kif normalment isir, hemm l-iskrutinju tal-Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali.

Arrest ta’ uffiċjal tal-Pulizija – imġiba tal-pulizija involuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-imġiba tal-Pulizija involuti fl-arrest tal-eks uffiċjal tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Frar 2019 u li ttieħed l-Isptar Mount Carmel kenitx imġieba konformi mal-liġi, regolamenti u/jew kodiċi applikabbli għall-Pulizija involuti f’operazzjonijiet simili?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kif diġà ġie indikat fit-tweġibiet oħra fuq l-istess suġġett mill-Onor. Interpellant, dan il-każ huwa suġġett ta' investigazzjoni mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija.

Intervent tal-pulizija biex individwu jittieħed fl-Isptar Monte Carmeli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ċirkustanzi huwa maħsub u ġustifikat skont il-liġi li l-Pulizija jintervjenu sabiex tiġi arrestata persuna minn darha u meħuda l-Isptar Mount Carmel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-provedimenti tal-liġi li jirregolaw ċirkostanzi bħal dawk imsemmija mill-Onor. Interpellant, jinsab fl-Artikolu 44 ta' Kap. 525 tal-Liġijiet ta’ Malta u ċjoè l-Att dwar is-Saħħa Mentali.

Intervent tal-pulizija biex individwu jittieħed fl-Isptar Monte Carmeli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ seħħ minn Marzu tal-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena, li l-Pulizija kienet involuta sabiex tiġi arrestata persuna minn darha u meħuda l-Isptar Mount Carmel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-istatistika tal-Pulizija tiġbor l-ammont ta’ rapporti dwar il-każi kollha relatati ma’ insanità ta’ persuni. Dawn jinkludi talbiet fejn il-Pulizija tintalab tikkontrolla tali persuni. Dawn l-ammonti jidhru fit-tabella t’hawn taħt li tkopri l-perjodu mill-ewwel ta’ Marzu 2013 sas-sebgħa u għoxrin ta’ Frar 2019. Sena 2013 (minn Marzu) 2014 2015 2016 2017 2018 2019 (sa 27 ta’ Frar) Total Ammont 250 319 294 373 336 341 42 1955 Ta’ min jinnota li bejn is-sena 2014 u s-sena 2018 (5 snin) kien hemm 1,663 każ, filwaqt li bejn is-sena 2008 u s-sena 2013 (5 snin) kien hemm 1,591 każ.
Leg 13 PQ #9234 Sitting 206 2019-03-12 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Safar — Panama

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx mar il-Panama minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija u f’każ li mar, jagħti d-dati taż-żjara tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tiegħi hija fin-negattiv, jiġifieri le.

Kors tal-Mediċina fl-Università – kriterji ta’ eleġibbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji ta’ eleġibbiltà sabiex studenti jirreġistraw u jidħlu għall-Kors tal-Mediċina fl-università li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istituzzjoni li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ma teżistix fir-reġistru tal-NCFHE. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istituzzjoni li l-informazzjoni dwarha qed tingħatalu separatament u b’mod kunfidenzjali, dawn għandhom akkreditat Baċellerat fil-Mediċina (Livell 6 fuq l-MQF) kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9224. Il-kriterji ta’ eleġibbiltà jinkludu livell tal-edukazzjoni f’Livell 4 fuq l-MQF, ekwivalenti għall-MATSEC, test onlajn li jeżamina l-kapaċitajiet tal-istudenti li jlestu l-kors, u intervista. Dawn it-tip ta’ kriterji japplikaw għall-maġġoranza ta’ programmi f’Livell 6.

Università – Kors tal-Mediċina – standards u kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li l-Kors tal-Mediċina offrut mill-Università li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament huwa tabilħaqq kors li jilħaq l-istandards u l-kriterji imposti mil-liġi Maltija u Ewropea għad-dħul fil-kors u għall-eleġibbiltà għall-professjoni u warrant ta’ tabib kif ukoll għar-rikonoxximent ta’ tali kwalifiki f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istituzzjoni li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ma teżistix fir-reġistru tal-NCFHE. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istituzzjoni li l-informazzjoni dwarha qed tingħatalu separatament u b’mod kunfidenzjali, il-Baċellerat f’Livell 6 fuq l-MQF mhuwiex eleġibbli għal warrant skont id-Direttiva 2005/36/EC li tipprovdi linji gwida fuq ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-liċenzja ta’ Istituzzjoni ta’ Edukazzjoni Ogħla, din l-istituzzjoni hija obbligata tinforma lil kull student prospettiv li dan il-kors ma jwassalx għal warrant la f’Malta u lanqas fl-Ewropa.

Individwu li għajjar konsulent tan-Nazzjonijiet Uniti u membru ta’ PEN International

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi dixxiplinarji ħa fil-konfront tal-assistent tiegħu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li kien involut f’inċident li fih għajjar bi kliem indiċenti konsulent tan-Nazzjonijiet Uniti u membru ta’ PEN International?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-narrativa tiegħu u n-narrattiva ta’ dak li seħħ hija differenti.

Korp tal-Pulizija – operazzjoni għall-arrest ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija kien involut fl-operazzjoni biex jiġi arrestat u meħud l-Isptar Mount Carmel l-eks uffiċjal tal-Pulizija li ismu qed jingħata separatament nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Frar 2019 u x’kien, wieħed wieħed, il-grad tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fil-proċess biex, fuq parir mediku, jieħdu l-Isptar Mater Dei lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant biex isirulha iżjed eżamijiet, kien hemm Spettur u żewġ kuntistabblijiet. Dawn kienu taħt is-superviżjoni ta’ Supretendent. Bħalma jiġri f’każijiet partikolari tittieħed kull prekawzjoni neċessarja.

Korp tal-Pulizija — operazzjoni għall-arrest ta’ individwu – preżenza ta’ uffiċjal mediku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm preżenti uffiċjal mediku waqt u flimkien mal-membru tal-Korp tal-Pulizija li kienu involut fl-operazzjoni biex jiġi arrestat u meħud l-Isptar Mount Carmel l-eks uffiċjal tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Frar 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Pulizija intervjeniet wara parir mediku, waqt illi kif diġà ġie indikat fi tweġibiet oħra dan il-każ huwa suġġett ta' investigazzjoni mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija u f’dan l-istadju ma jista’ jingħad xejn iżjed biex il-proċeduri ma jiġux ippreġudikati.

Pulizija – Ordni għall-arrest ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ta l-ordni biex il-Pulizija jarrestaw u jieħdu l-Isptar Mount Carmel lill-eks uffiċjal tal-Pulizija li ismu qed jingħata separatament nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Frar 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li dan il-każ huwa suġġett ta' investigazzjoni mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija.

Korp tal-Pulizija – Passi kontra pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li tella’ video post fuq Facebook (link qed jingħata separatament) bi kliem partiġġjan fejn fost l-oħrajn jgħid kliem bħal “aħna l-Laburisti, aħna s-suldati tal-azzar, aħna li żammejna l-Partit Laburista ħaj”?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi dan il-każ ġie rriferut għall-investigazzjoni mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija.

Korp tal-Pulizija – regoli interni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’regoli interni japplikaw fil-Korp tal-Pulizija u x’passi jistgħu jittieħdu f’każ bħal dak tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li tella’ video post fuq Facebook (link qed jingħata separatament) bi kliem partiġġjan fejn fost l-oħrajn jgħid kliem bħal “aħna l-Laburisti, aħna s-suldati tal-azzar, aħna li żammejna l-Partit Laburista ħaj”?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ tal-Pulizija, il-provedimenti tat-Tieni Skeda tal-Kap. 164 Att dwar il-Pulizija jiġu applikati meta jkun hemm ksur ta’ xi reat dixxiplinarju.

Korp tal-Pulizija – passi kontra l-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossx li għandhom jittieħdu passi fil-konfront tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separtament li tella’ video post fuq Facebook (link qed jingħata separatament) bi kliem partiġġjan fejn fost l-oħrajn jgħid kliem bħal “aħna l-Laburisti, aħna s-suldati tal-azzar, aħna li żammejna l-Partit Laburista ħaj”?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif diġà ġie mwieġeb fil-mistoqsija 9217 li saret ukoll mill-Onor. Interpellant, dan il-każ ġie rriferut għall-investigazzjoni mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija.