Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #10196 Sitting 230 2019-06-03 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Laqgħa ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-elezzjoni tal-2013 ‘l hawn, qattx iltaqa’ mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jekk iva, meta u għal liema raġuni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva ltqajt mal-individwu kkonċernat. Mhux possibbli li jinżamm rekord tal-persuni kollha li Ministru jiltaqa’ magħhom u d-dettalji ta’ kull laqgħa.
Leg 13 PQ #10197 Sitting 230 2019-06-03 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Laqgħa ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-elezzjoni tal-2013 ‘l hawn, qattx iltaqa’ mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jekk iva, meta u għal liema raġuni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva ltqajt mal-individwu kkonċernat. Mhux possibbli li jinżamm rekord tal-persuni kollha li Ministru jiltaqa’ magħhom u d-dettalji ta’ kull laqgħa.

Skejjel tal-istat – politika partiġġjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kellux rapporti li f’ċerti skejjel tal-istat, matul il-jiem tal-1 ta’ Mejju li għadda, kien hemm tfal tal-iskola li bdew jagħjtu “Viva l-Labour” jew “Viva Joseph” jew f’ċerti każi, anki saħansitra tħallew iwaħħlu badge tal-Partit Laburista fuq l-uniformi? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’għamel dwar dawn ir-rapporti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mill-Kulleġġi tal-Istat, kien hemm każ wieħed fi skola waħda fejn studenti li kienu ħerġin mis-sala tal-iskola bdew jagħjtu u ġew immedjatament imwaqqfa mill-SMT u l-għalliema. L-istudenti obdew mill-ewwel.

Skejjel tal-istat – politika partiġġjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu għandux policy sabiex jiżgura li fl-iskejjel tal-istat ma tiddaħħalx politika partiġġjana fejn tfal jitħallew, jekk mhux saħansitra, jiġu inkoraġġiti, jagħjtu slogans politiċi bħal “Viva l-Labour”? Jekk teżisti policy bħal din, jista’ jgħid x’qed jagħmel biex jiżgura li din qed tiġi segwita u x’sanzjonijiet hemm f’każ li tinkiser? Jista’ jgħid ukoll jekk qatt kienx hemm każi, kemm ilu ministru responsabbli hu, li ġew imposti tali sanzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda slogans politiċi ma jiġu inkoraġġiti u lanqas tollerati. Teżisti policy għall-Imġiba Pożittiva biex kull skola timxi magħha. Rigward persuni fis-servizz pubbliku, il-PSMC jirregola l-imġiba ta' kull uffiċjal. Kemm ili Ministru ma kelli ebda informazzjoni dwar każi simili ħlief il-wieħed imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10198.
Leg 13 PQ #10200 Sitting 230 2019-06-03 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni — uffiċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista tan-numru ta’ uffiċjali li jaħdmu fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u l-grad tagħhom f’kull każ? Jista’ jgħid, f’kull każ, jekk il-postijiet humiex mimlija, meta mtlew, u jekk imtlewx wara sejħa pubblika?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in-numru ta’ uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni huma dawk kif murija fit-tabella hawn taħt. Grad Data ta' ingaġġ Ingaġġ wara sejħa għall-applikazzjonijiet Direttur (Management Support) 21/07/2004 ✔ Assistent Personali 09/12/2014 Uffiċjal tas-Segretarjat 22/12/2014 Uffiċjal tas-Segretarjat 22/06/2015 Head (Projects Implementation) 13/06/2018 ✔ Senior Coordinator 05/09/2018 ✔ Manager I (Compliance) 05/11/2018 ✔ Senior Manager (Project Management) 25/03/2019 ✔ Assistent fl-Uffiċċju / Sewwieq 02/05/2019

Sptar Mater Dei – servizz tal-IT

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9725, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jirrispondi iva jew le, jekk hemmx xi ħadd li jaħdem fis-segretarjat tiegħu li għandu parentela mas-sidien tal-kumpanija li toffri servizzi ta’ IT fl-Isptar Mater Dei? U jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid min?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nerġa nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex speċifikament jindika għal-liema persuna/persuni qed jirreferi għalihom.

Servizz ta’ IT — kuntratt

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9720 u ċjoè: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ IT, inkluż manutenzjoni, bħalissa viġenti, fil-Ministeru tiegħu kif ukoll l-entitajiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija, flimkien ma' dettalji f’kull każ ta’ min huma l-entitajiet jew persuni fiżiċi u/jew legali li joffri dan is-servizz, id-data tal-bidu u t-tmiem tal-kuntratt viġenti u kemm qed jitħallsu kull sena, sena b’sena, għas-servizz li joffru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Kampanja ta’ reklamar permezz ta’ billboards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema, minn fost l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, qed jagħmlu kampanja ta’ reklamar permezz ta’ billboards mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena sad-data ta’ din il-mistoqsija? F’dak il-każ, jista’ l-ministeru jagħti wkoll tagħrif dwar (i) liema huma l-entitajiet; (ii) il-perjodu tal-kampanja, mill-bidu sat-tmien tagħha; (iii) l-ammont ta’ flus li qed jintefqu; (iv) kopja tar-reklami li ntużaw fuq il-billboards sad-data ta’ din il-mistoqsija; (v) il-kumpanija li minn għandha nxtara s-servizz ta’ użu ta’ billboards; u (vi) il-kumpanija li minn għandha nxtara s-servizz ta’ disinn tal-billboard?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, l-informazzjoni mitluba qiegħda annessa hawn taħt. Filwaqt li qed nqegħdu fuq il-mejda tal-kamra, kopja ta’ d-disinni li ntużaw fuq l-imsemmija billboards. Entitajiet Jekk IVA - il-perjodu tal-kampanja, mill-bidu sat-tmien tagħha (li taqa' bejn (01/01/2019) (30/04/2019) ; l-ammont ta’ flus li qed jintefqu (mill-01/01/2019 sa 30/04/2019); € Isem il-kumpanija li minn għandha nxtara s-servizz ta’ użu ta’ billboards; Isem il-kumpanija li minn għandha inxtara s-servizz ta’ disinn tal-billboard Aktar Dettalji Infastructure Malta Sett '18 - Aww '19 €26,630 (excl. VAT) Digital Hub Pure Concepts Il-kampanja indikata tifforma parti mill-impenn ta' Infrastructure Malta li żżomm il-pubbliku aġġornat b'tagħrif dwar proġetti u ħidmiet fit-toroq. Il-billboards indikati jinsabu fl-istess postijiet fejn ikunu qed jiġu ppjanati u mwettqa dawn il-proġetti. Il-figura indikata, tinkludi l-kera u l-manutenzjoni tal-billboards għall-perjodu indikat, id-disinn tal-immaġni, l-istampar u l-installazzjoni ta’ dawn l-istess immaġni.

Ministeru għat-Trasport – kuntratti pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu u ġew assenjati kuntratti pubbliċi minn kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu minn Ġunju 2017 sad-data ta’ din il-mistoqsija? Jista’ f’kull każ jgħid (i) min rebaħ il-kuntratt; (ii) l-ammont totali tal-kuntratt; (iii) jekk il-kuntratt kienx kompetittiv jew b’direct order; u (iv) l-oġġett tal-kuntratt (x’tip ta’ xogħol jew servizz ieħor qed jinxtara)?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar

Independent Police Complaints Board — investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9714, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni tal-Independent Police Complaints Board intemmitx? Jekk iva, x’kien l-eżitu tagħha u jekk le, meta mistennija tintemm?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Independent Police Complaints Board wasal fl-aħħar tal-investigazzjoni tiegħu u mistenni li jibgħat ir-rapport tiegħu.
Leg 13 PQ #10194 Sitting 229 2019-05-29 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Safar — Dubai

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9513 u 9712 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9237 li fiha l-Ministru għat-Turiżmu ammetta li żar Dubai fil-leġiżlatura li għaddiet, jista’ l-Ministru jgħid meta żar Dubai, bid-dati preċiżi taż-żjarat, għal liema raġuni mar, kemm dam, jekk kienx akkumpanjat minn uffiċjali u f’dak il-każ minn min kien akkumpanjat jew jekk kienx hu li akkumpanja lil ħaddieħor, u f’dak il-każ lil min akkumpanja? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa ż-żjara tiegħu, maqsuma fi spejjeż li jirriflettu l-ispejjeż tal-vjaġġ, tal-lukanda, tal-ikel u spejjeż oħra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żort Dubai tlett darbiet fuq xogħol tal-Gvern f’Awwissu 2015, fi Frar 2016 u f’Novembru 2016.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Xogħol ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9776 u ċjoè: Peress li f’Novembru 2016, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kienet inħatret uffiċjalment bħala Kummissarju għall-Anzjani mill-Prim Ministru, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-ħidma ta' din il-persuna f’dawn l-aħħar sentejn u erba’ xhur u jekk qattx ħareġ rapport ta’ ħidma dwar ix-xogħol li wettqet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ħidma kienet tikkonsisti fil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-anzjani minn kull abbuż, ħsara, trattament mhux xieraq, negliġenza jew sfruttament.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Uffiċċju lill-persuna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9775 u ċjoè: Peress li f’Novembru 2016, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet inħatret uffiċjalment bħala Kummissarju għall-Anzjani mill-Prim Ministru u fl-istess ħin ukoll, kienet ġiet espressa t-tama mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabiltà u Anzjanità Attiva responsabbli ta' dak iż-żmien biex minn Jannar 2017 din il-persuna jkollha l-uffiċċju tagħha, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx, fil-fatt ingħata uffiċċju lil din il-persuna f'Jannar 2017 jew sussegwentement?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien ingħata uffiċju lill-Kummissarju għall-Anzjani.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – użu ta’ uffiċċju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9766 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċċju mniżżel fil-website https://family.gov.mt/en/The-Ministry/Pages/Contact-Details.aspx li jidher bħala tal-Commissioner for the Older Persons, u li jġib l-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, hux fil-fatt qed jintuża mill-Kummissarju għall-Anzjani u jekk le, minn fil-fatt qiegħed jużah, jekk qiegħed jintuża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċju msemmi, qiegħed jintuża mill-Kummissarju għall-Anzjani.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — website

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9765 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fuq il-website tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali - https://family.gov.mt/en/The-Ministry/Pages/Contact-Details.aspx - taħt it-titlu Commissioner for the Older Persons m’hemm l-ebda isem imniżżel, la tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u lanqas ta’ xi persuna oħra, u lanqas m'hemm indirizz elettroniku jew website bħalma hemm fil-każ tal-Kummissarju għat-Tfal u l-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq il-website imsemmija hemm id-dettajli tal-Kummissarju tal-Anzjani, kif ukoll l-indirizz elettroniku.
Leg 13 PQ #10187 Sitting 228 2019-05-28 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU – kopja tat-tweġiba tal-opinjoni formali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9770 jista’ l-Ministru jgħid għaliex, ma jistax jippubblika r-risposta tal-FIAU għall-istess opinjoni ladarba l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-opinjoni tagħha (formal opinion) mibgħuta lill-FIAU fit-8 ta’ Novembru 2018? Hemm bżonn li wieħed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, ai termini tal-liġi Ewropea dwar l-aċċess pubbliku, għal informazzjoni li tista’ faċilment tingħata hawn Malta?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea ġiet ippubblikata, ir-risposta għal dik l-opinjoni tikkontjeni informazzjoni u dokumentazjoni li għandha x’taqsam mal-operat u proċessi interni tal-FIAU, u tali informazjoni u dokumentazjoni hija meqjusa sensittiva u kunfidenzjali li għal termini tal-Att Kontra l-Money Laundering (Kap. 373 tal-Liġijiet ta’ Malta) ma tistax tiġi żvelata.

Ministeru għas-Saħħa – ħaddiema li għandhom interess f’soċjetà kummerċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9726 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk hemmx persuni li jaħdmu fis-segretarjat tiegħu jew fil-Ministeru tiegħu li għandhom, fl-istess ħin, interess dirett jew indirett f’xi soċjetà kummerċjali li tagħti servizzi lill-istess ministeru permezz ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ kwalunkwe natura? Jista’ jgħid jekk jinżamm skrutinju tal-possibilità ta’ kunflitt ta’ interess fil-ministeru tiegħu, fis-sens li jista’ jkun hemm uffiċjali fis-segretarjat jew fil-ministeru tiegħu li fl-istess ħin ikollhom interess f’xi entita kummerċjali li tkun qed tipprovdi servizz lill-istess ministeru? U jekk isir dan l-iskrutinju, jista’ l-ministru jgħid x’irriżulta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li fil-Ministeru għas-Saħħa hemm 9,437 ħaddiema li jaħdmu u jipprovdu s-servizzi tagħhom, sabiex inkun nista’ nagħtih informazzjoni korretta nitolbu jispeċifika għal liema persuna/persuni qed jirreferi.

GRECO — Fifth Round Evaluation Report on Malta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, magħruf bħala l-Fifth Round Evaluation Report on Malta (GrecoEvalSRep(2018)7) li ġie addottat waqt it-82 laqgħa plenarja tal-GRECO li saret fi Strasburgu bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Membru li l-Gvern awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport imsemmi fl-interpellanza li għandu jkun disponibbli illum, nhar it-3 ta’ April 2019, fuq is-sit elettroniku tal-GRECO.

GRECO — Fifth Round Evaluation Report on Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk weġibx għat-talba tal-GRECO sabiex jiġi ppubblikat ir-rapport dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-istess GRECO dwar Malta, magħruf bħala l-Fifth Round Evaluation Report on Malta (GrecoEvalSRep(2018)7) li ġie addottat waqt it-82 laqgħa plenarja tal-GRECO li saret fi Strasburgu bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2019 u jekk tax il-kunsens tal-Gvern Malti sabiex jiġi ppubblikat dan ir-rapport, hekk kif talbet l-istess GRECO?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Membru li l-approvazzjoni tal-Gvern għall-pubblikazzjoni tar-rapport imsemmi fl-interpellanza ngħatat. Għandu jiġi preċiżat li t-talba għall-approvazzjoni ma saritx lil Malta biss u li minn dak li jidher Malta hija l-ewwel pajjiż li tat tali approvazzjoni minn dawk li r-rapporti dwarhom ġew approvati mill-GRECO fil-laqgħa li saret bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2019.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Uffiċċju lill-persuna

Question

Peress li f’Novembru 2016, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet inħatret uffiċjalment bħala Kummissarju għall-Anzjani mill-Prim Ministru u fl-istess ħin ukoll, kienet ġiet espressa t-tama mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabiltà u Anzjanità Attiva responsabbli ta' dak iż-żmien biex minn Jannar 2017 din il-persuna jkollha l-uffiċċju tagħha, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx, fil-fatt ingħata uffiċċju lil din il-persuna f'Jannar 2017 jew sussegwentement?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.