Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux qed jiġi investigat mill-Pulizija in konnessjoni ma’ allegat tixħim fl-għoti ta’ visas u jekk iva, kemm ilha għaddejja l-imsemmija investigazzjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli interpellant saret mill-Economic Crime Unit.Bosta nies ġew intervistati, inklużi l-persuna li saru l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha u dik li għamlet l-allegazzjonijiet fl-ewwel lok.Minn dawn irriżulta li l-allegazzjonijiet kienu għal kollox bla bażi u l-istess persuna li għamlet l-allegazzjonijiet diġà tressqet quddiem il-Qorti akkużata li għamlet rapport falz lill-Pulizija u b’attentat ta’ frodi.
Għaldaqstant l-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija, kif ukoll kienu rrapportati pubblikament, ġew konklużi.
Peress li skont rapport fil-ġurnal is-Sunday Times of Malta tal-Ħadd, 15 t’Ottubru, 2017, il-Pulizija baqgħu ma ressqux lill-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minkejja li hemm biżżejjed evidenza biex dan l-individwu jitressaq il-Qorti fuq każ ta’ frodi marbut ma’ allegat tixħim fuq kuntratti u ċekkijiet pubbliċi mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) filwaqt li fl-istess ħin bena blokka appartamenti fir-Rabat u peress li f’pajjiż demokratiku wieħed għandu jistenna li Ministru ma jindaħalx fl-operat tal-Pulizija, jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid x’biħsiebu jagħmel, bħala Ministru responsabbli mill-Pulizija, sabiex jara li l-Pulizija twettaq dmirha u tieħu l-passi meħtieġa dwar dan il-każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi waqt li l-Pulizija waslet biex tikkonkludi l-investigazzjonijiet tagħha fuq il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, jonqos l-aħħar stadju ta' verifiki qabel proċeduri ulterjuri jkunu jistgħu jiġu meħuda.
Peress li l-investigazzjonijiet fil-każ ta’ allegat frodi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadhom għaddejjin, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-perjodu ta’ sena huwiex żmien twil wisq biex tintemm investigazzjoni mill-Pulizija f’dan il-każ? Jaqbilx il-Ministru li hija koinċidenza stramba li din il-persuna li għadha ma tressqitx kienet ukoll canvasser tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dwar il-persuna li d-detalji dwarha ngħataw separatament, il-Pulizija investigat il-każ relatat bl-istess manjiera kif tagħmel ma’ kull individwu. Infurmat illi l-perjodi li jieħdu l-investigazzjonijiet ivarjaw għal diversi raġunijiet, fosthom kif jiġri f'ħafna każijiet ta' frodi, minħabba ammonti kbar ta' dokumenti li jkunu jridu jiġu eżaminati bir-reqqa mill-investigaturi, kif fil-fatt ġara dan il-każ. Infurmat ukoll illi li dan il-każ hu fi stadju avvanzat u azzjonijiet ulterjuri ser jittieħdu fil-futur qarib.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ingaġġ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux ingaġġat b’xi mod kwalunkwe mal-Ministeru u/jew ma’ xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu u f’dak il-każ, x’tip ta’ kuntratt ġie ingaġġat bih u b’liema kundizzjonijiet, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament m’għadux ingaġġat b’ebda mod mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jew ma’ xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokumenti PL 639 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 45 tat-Tnejn, 30 ta' Ottubru 2017)
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija hijiex qed tagħmel investigazzjoni biex tistħarreġ il-provenjenza tal-fondi li bihom l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament seta’ jibni blokka appartamenti fir-Rabat filwaqt li kien qed jaqla’ salarju ta’ xogħol mal-Gvern u speċjalment meta wieħed iqis li għal dan il-proġett huwa ma ħa l-ebda self bankarju?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi waqt l-investigazzjonjiet tagħha, il-Pulizija għamlet l-istħarriġ kollu, anke dak relatat mal-provenjenza tal-fondi li bihom il-persuna li d-detalji dwarha ngħataw separatament, seta’ jibni l-blokka msemmija fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tat-Taxxi Interni hux qed jinvestiga l-provenjenza tal-fondi li bihom l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament seta’ jibni blokka appartamenti fir-Rabat minkejja li kellha biss salarju ta’ xogħol mill-Gvern u speċjalment meta wieħed iqis li għal dan il-proġett huwa ma ħa l-ebda self bankarju?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien bħala Ministru għall-Finanzi mhux se nidħol fuq ħidmiet il-Kummissarju tat-Taxxi Interni u/jew kull investigazzjoni li dan jidhirlu li għandu jagħmel b'mod xieraq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jaħdimx u/jew għandux kuntratt ta’ xogħol u/jew ingaġġ ieħor fil-Ministeru jew f’xi entità li l-Ministeru huwa responsabbli għaliha u jekk fl-affermattiv, meta sar dan l-ingaġġ u/jew impjieg, x’inhuma l-kundizzjoni ta’ impjieg jew ingaġġ, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jikkonferma jekk l-individwu in kwistjoni jirrapurtax għax-xogħol fil-Ministeru jew fl-entità li għaliha huwa responsabbli l-Ministru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numru 31084 u 31085 li ngħataw fil-leġiżlatura li għaddiet.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jaħdimx u/jew jirrapportax għax-xogħol f’Kastilja u jekk iva, meta sar dan l-ingaġġ u/jew impjieg, b’liema tip ta’ ingaġġ u/jew impjieg u b’liema tip ta’ kundizzjonijiet u f’liema sezzjoni ta’ Kastilja jaħdem?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1896.
Peress li skont statistika tal-NSO (163/2017) matul l-2016 Malta ġġenerat biss 5.6% tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jista’ l-Ministru jgħid kif Malta se tlaħħaq mal-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea sal-2020 fil-ftit snin li baqa’ biex dan isir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha l-mira li tilħaq 10% f’dak li hi enerġija rinnovabbli sal-2020 u dan jinkludi mhux biss elettriku, li għalih qiegħda ssir referenza fil-mistoqsija, iżda s-sorsi kollha ta’ enerġija rinnovabbli li flimkien huwa stmat li jlaħhqu 6% sal-aħħar tas-sena 2016. Dan intlaħaq b’tagħmir li qiegħed jiġġenera elettriku jew sħana minn sorsi rinnovabbli kif ukoll b’bijokarburanti fil-konsum tad-diżil. B’hekk Malta se tkun qabżet il-mira ndikata lilha fid-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (2009/28/KE) għas-snin 2015-2016, cio’e’ ta 4.5%.
Il-Gvern se jkompli jaħdem biex jilħaq il-mira Nazzjonali ta’ 10% tal-enerġija ġġenerata minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sena 2020 b’żieda ta’ mill-anqas 1% fis-sena hekk kif ġie ppjanat fin-
National Renewable Energy Action Plan
(
endorsed
mill-Kummissjoni Ewropea). Dan qiegħed jagħmlu billi jkompli l-ħidma b’numru ta’ inzjattivi fis-settur, fosthom b’numru ta’ skemi għal sapport ta’ teknoloġiji solari rinnovabbli (fosthom għal panelli fotovoltajiċi u
solar water heaters
) li huma mmirati għal-familji u l-intrapriżi. Barra minn hekk wara l-pubblikazzjoni tas-
solar farm policy
, fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jniedi skema ġdida għal sistemi fotovoltajċi b’kapaċita’ ta’ mhux inqas minn 1
Megawatt peak
.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jieħu liċ-Chief of Staff miegħu fl-okkażjoni taż-żjarat li se jagħmel f'Dubai u Hong Kong in konnessjoni mal-bejgħ tal-passaporti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li lil min nieħu miegħi għal żjarat jiġi deċiż fil-waqt opportun. Nixtieq ukoll niċċara li Malta ma tbiegħx passaporti iżda għandha Programm ta’ Ċittadinanza b'Investiment bħal m’għandhom pajjiżi oħra Ewropej.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid iħossx liċ-Chief of Staff tiegħu m’għandux jakkumpanjah waqt mawriet b’rabta mal-bejgħ tal-passaporti ġaladarba dan jinsab investigat mill-Qorti tal-Maġistrati dwar reati serji ta’ ħasil ta’ flus u commissions fuq bejgħ ta’ passaporti u dan skont rapport uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-premessa tal-mistoqsija tiegħu hija fattwalment żbaljata.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għandux rabta kuntrattwali jew obbligu ieħor kwalunkwe sabiex jattendi u jipparteċipa regolarment għall-avvenimenti barra minn Malta marbuta mal-bejgħ tal-passaporti u/jew organizzati mid-ditta Henley & Partners?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Le. Jien nattendi għal avvenimenti barra minn Malta biex inġib investimenti lejn il-pajjiż, u qatt mhu se naħdem kontra pajjiżna.
Peress li skont statistika tal-NSO (163/2017) matul l-2016 Malta ġġenerat aktar minn żewġ terzi tal-elettriku (67.9%) mill-interconnector, jista’ l-Ministru jgħid x’persentaġġ ta’ elettriku ġie ġġenerat mill-power station ġdida tal-Electrogas minn meta din, skont stqarrijiet tal-Gvern, bdiet tiġġenera l-elettriku aktar kmieni din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Peress li skont statistika tal-NSO (163/2017) matul l-2016 Malta ġġenerat aktar minn żewġ terzi tal-elettriku (67.9%) mill-interconnector, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jiswa l-elettriku li nxtara mill-interconnector u kemm kien jiswa li kieku nxtara mill-powerstation ġdida tal-Electrogas?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Peress li skont statistika tal-NSO (163/2017) matul l-2016 Malta ġġenerat aktar minn żewġ terzi tal-elettriku (67.9%) mill-interconnector, jista’ l-Ministru jgħid x’persentaġġ ta’ elettriku ġie ġġenerat mill-powerstation magħrufa bħala BWSC matul din is-sena? Jista’ jgħid kemm tħallas għal dan l-elettriku mixtri mill-powerstation tal-BWSC u jekk hemmx obbligu fuq l-Enemalta li tħallas lis-sidien tal-impjant tal-BWSC għal elettriku li ma tkunx użat jew xi forma oħra ta’ kumpens lill-BWSC kwalunkwe?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kariga ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, x’kariga jew funzjoni tokkupa fil-Ministeru u/jew f’xi entità kwalunkwe li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jista’ jgħid x’salarju, allowances, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha u għal kemm żmien ġiet appuntata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet li bihom huwa ingaġġat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi inkarigu pubbliku f’Malta jew barra minn Malta u f’dak il-każ, x’inhu l-inkarigu, x’inhuma s-salarju, allowances u perkaċċi u x’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ impjieg?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ m’għandu l’ebda kuntratt ta’ inkarigu mal-persuna li qed tagħmel referenza għaliha il-Mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi inkarigu pubbliku f’Malta jew barra minn Malta u f’dak il-każ, x’inhu l-inkarigu, x’inhuma s-salarju, allowances u perkaċċi u x’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ impjieg?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, m’għanddhiex inkarigu pubbliku fl-ebda entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kariga ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, x’kariga jew funzjoni tokkupa fil-Ministeru u/jew f’xi entità kwalunkwe li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jista’ jgħid x’salarju, allowances, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha u għal kemm żmien ġiet appuntata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.