Fid-dawl tal-aħbar li l-American University of Malta daħlet biss tużżana studenti għall-ewwel sena akkademika meta suppost kienet marbuta li ddaħħal elf student fl-ewwel sena, jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’kienu l-obbligi kuntrattwali tal-investitur f’termini ta’ studenti li kellhom jidħlu fl-ewwel sena u jista’ l-Ministru jgħid ukoll x’passi biħsiebu jieħu jekk kemm-il darba dawn l-obbligi kuntrattwali ma jintlaħqux?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehimiet li qed jirreferi għalihom huma fid-dominju pubbliku.
L-obbligazzjoni tal-entità li taqa’ fid-dekasteru tiegħi, l-NCFHE, huwa fil-kuntest ta’ għoti ta’ liċenzja u akkreditazzjoni, cioè fil-kwalità ta’ edukazzjoni li tingħata u l-proċessi rigwardanti. L-NCFHE għandha l-inkariku li tara li l-obbligazzjonijiet kollha li timponi fuq kull entità edukattiva post-sekondarja f’pajjiżna jinżammu u jiġu mħarsa.
L-akkreditazzjoni ta’ liċenzja huwa spjegat fil-leġislazzjoni relevanti, partikolarment S.L. 327.433, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-liċenzja imposti mill-NCFHE fuq il-provditur, li fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant dawn jinsabu fid-dominju pubbliku wkoll.
National Commission for Higher and Further Education — titolu lill-American University of Malta
Question
Fid-dawl tal-aħbar li l-American University of Malta daħlet biss tużżana studenti għall-ewwel sena akkademika meta suppost kienet marbuta li ddaħħal elf student fl-ewwel sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk in-National Commission for Higher and Further Education hijiex se terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha li tassenja t-titolu ta’ università lil din l-entità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li jidħlu f’istituzzjoni mhuwiex kundizzjoni għal liċenzja ta’ entità fil-qasam ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla inkluża l-AUM. Id-deċiżjoni li titneħħa akkreditazzjoni u konsegwentement il-possibiltà ta’ revoka jew restrizzjoni ta’ liċenzja huwa spjegat fil-leġislazzjoni relevanti, partikolarment S.L. 327.433 kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-liċenzja imposti mill-NCFHE fuq il-provditur.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1632 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ntalbet tagħti servizz legali bħala avukat lill-Awtorità tal-Artijiet minn Ġunju 2017 ‘il hawn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li 7 persuni intalbu jagħtu servizzi legali bħala avukat minn Ġunju 2017 ‘il hawn
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1631 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għas-servizz li qiegħda tagħti lill-Awtorità tal-Artijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Avukata msemmija qed titħallas skont it-tariffa li toħrog mil-liġi u skont il-linji gwida għall-ħlasijiet professjonali li toħrog il-kamra tal-avukati skont kif applikabli. Minbarra hekk, jista’ wkoll jirreferi ghat-tweġibiet diġà mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq mistoqsijiet parlamentari 1633 u 2253 dwar l-istess tema.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1630 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġiet maħtura bħala avukat għall-Awtorità tal-Artijiet u jekk dan sarx wara sejħa pubblika? Jekk le għaliex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Avukatessa li isimha qed jingħata separatament inħatret bħala avukata tal-Awtorità tal-Artijiet fil-25 ta’ Ġunju 2017 b’mod dirett. Dan għaliex hija persuna intiża kemm fil-liġi tal-Awtorità u dik tal-Artijiet tal-Gvern. Minbarra hekk, jista’ wkoll jirreferi ghat-tweġibiet diġa mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq mistoqsijiet parlamentari 1633 u 2253 dwar l-istess tema.
Konferenza tal-IIP organizzati minn kumpanija – attedenza taċ-Chief of Staff
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1791, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ċ-Chief of Staff tiegħu attenda miegħu jew waħdu jew ma' xi ħaddieħor għal konferenzi tal-IIP organizzati mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament barra minn Malta, u f’dak il-każ, meta u fejn?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-dettalji mitluba minn naha tiegħu ingħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29670 tal-legizlatura XII.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1633, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk it-tweġiba tiegħu “Iva” tirreferix għall-ewwel parti tal-mistoqsija “Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kienet waqqfet Awtorità għandhiex tinħatar avukat għall-istess Awtorità li kienet waqqfet, ftit biss wara li tkun tilfet postha fil-Parlament?” jew għat-tieni parti tal-mistoqsija “jista’ jgħid jekk hux se jagħti ordni sabiex din il-ħatra tal-persuna tiġi revokata”? Fi kliem ieħor, il-Prim Ministru se jagħti ordni biex din il-ħatra tiġi revokata jew le?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li kif diga stqarrejt pubblikament, wara l-kontribut ċentrali li tat fit-tħejjija tal-liġi tal-ippjanar, il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsja tieghu, kienet l-ahjar persuna għall-impjieg imsemmi.
Għaldaqstant, il-loġika titlob li t-tweġiba kienet ghall-ewwel parti tal-mistoqsija 1633 u t-tieni parti mhux rilevanti.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kariga ta’ persuna
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1723 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, x’kariga jew funzjoni tokkupa fil-Ministeru u/jew f’xi entità kwalunkwe li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jista’ jgħid x’salarju, allowances, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha u għal kemm żmien ġiet appuntata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġiet appuntata Direttur tal-Malta Enterprise għal perjodu ta’ sentejn sa 31 t’Awissu 2019.
Kif stipulat fiċ-cirkolari ta’ 2017
Guidelines for Board Appointments
, id-Diretturi tal-Malta Enterprise jitħallsu €7,000 fis-sena.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kariga ta’ persuna
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1722 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, x’kariga jew funzjoni tokkupa fil-Ministeru u/jew f’xi entità kwalunkwe li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jista’ jgħid x’salarju, allowances, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha u għal kemm żmien ġiet appuntata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tokkupa l-kariga ta’ Private Secretary fis-segretarjat tal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Zgħar u titħallas salarju ta’ Skala 5 massimu u intitolata għal allowance ta’ 25% ta’ Skala 7 u transport allowances ta’ € 4,658.75 fis-sena u free telephone. Il-kuntratt tal-Private Secretary huwa b’effett mis-6 ta’ Ġunju 2017 għall-perjodu ta’ sena.
Hi wkoll Direttur tal-Malta Enterprise għal perjodu ta’ sentejn sa 31 t’Awissu 2019. Kif stipulat fiċ-cirkolari ta’ 2017
Guidelines for Board Appointments
, id-Diretturi tal-Malta Enterprise jitħallsu €7,000 fis-sena.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – individwu — safar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1721 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, kemm-il darba siefer mal-Ministru bejn Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Settembru 2017, x’kienu l-okkażjonijiet u n-natura tas-safar u kemm sewa s-safar b’rabta ma’ dan l-individwu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kariga ta’ individwu
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1720 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, x’kariga jew funzjoni tokkupa fil-Ministeru u/jew f’xi entità kwalunkwe li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jista’ jgħid x’salarju, allowances, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha u għal kemm żmien ġiet appuntata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tokkupa l-kariga ta’ Policy Consultant fis-Strategic and Priorities Unit fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Zgħar. Il-persuna titħallas is-salarju ta’ Skala 3.
L-Uffiċjal huwa intitolat wkoll għal
mobile phone
u ADSL connection id-dar sa massimu ta’ €815 fis-sena.
Il-Kuntratt tal-
Policy Consultant
huwa b’effett mis-6 ta’ Ġunju 2017 għall-perjodu ta’ sena.
FIAU – rapport dwar allegat ta’ flus mgħoddija mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG lejn kumpanija f’Dubai
Question
Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “Exclusive: Proof of Kickbacks to Mizzi and Schembri from LNG tanker - FIAU” li deher f’The Malta Independent tad-29 ta’ Mejju 2017, fejn ġie allegat li għaddew flus mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG li jinsab Marsaxlokk lejn kumpanija miftuħa apposta f’Dubai (a) li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, dejjem skont ir-rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), sabiex jgħaddu minnha flus intenzjonati biex jaslu għand il-kumpaniji fil-Panama li nfetħu mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c), jista’ l-Ministru jgħid, x’sar minn dan ir-rapport tal-FIAU, jekk tlestix, jekk għaddhiex għand il-Pulizija jew xi awtorità oħra u jekk hu l-każ, x’passi ttieħdu jew se jittieħdu dwar dan il-każ?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
L-Onorevoli Membru huwa infurmat illi l-Ministru għall-Finanzi ma jkollux informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet individwali tal-FIAU kif fil-fatt lanqas ma jkollu din l-informazzjoni l-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU stess.
L-FIAU tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha permezz tal-istaff eżekuttiv tagħha stess li huwa mmexxi mid-Direttur tal-FIAU.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att kontra l-Money Laundering (Kap 373) jekk l-FIAU jidhrilha li mill-investigazzjoni tagħha jkun irriżulta suspett raġjonevoli li jkun sar ħasil ta’ flus jew iffinanzjar ta’ terroriżmu hija tgħaddi r-rapport tagħha lill-Pulizija. F’dan il-kuntest l-Onorevoli interpellant qiegħed jiġi riferut għall-artikoli 16 (1) (b), 31, 33, u 34 tal-Att Kontra l-Money Laundering.
FIAU – rapport dwar allegat ta’ flus mgħoddija mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG lejn kumpanija f’Dubai
Question
Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “Exclusive: Proof of Kickbacks to Mizzi and Schembri from LNG tanker - FIAU” li deher f’The Malta Independent tad-29 ta’ Mejju 2017, fejn ġie allegat li għaddew flus mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG li jinsab Marsaxlokk lejn kumpanija li ġiet miftuħa apposta f’Dubai li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a), dejjem skont ir-rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), sabiex jgħaddu minnha flus intenzjonati biex jaslu għand il-kumpaniji fil-Panama li nfetħu mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c), jista’ l-Ministru jgħid dan ir-rapport tal-FIAU għaddhiex għand l-Avukat Ġenerali u f’dak il-każ, x’passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-Avukat Ġenerali dwar dan il-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
L-Onorevoli Membru huwa infurmat illi la jiena u lanqas il-kollega tieghi l-Ministru għall-Finanzi ma jkollna informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet individwali tal-FIAU kif fil-fatt lanqas ma jkollu din l-informazzjoni l-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU stess.
L-FIAU tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha permezz tal-istaff tagħha li huwa mmexxi mid-Direttur tal-FIAU.
Skond id-dispożizzjonijiet tal-Att kontra l-Money Laundering (Kap 373) jekk l-FIAU jidhrilha li mill-investigazzjoni tagħha jkun irriżulta suspett raġjonevoli li jkun sar ħasil ta’ flus jew iffinanzjar ta’ terroriżmu hija tgħaddi r-rapport tagħha lill-Pulizija u mhux lill-Avukat Ġenerali jew lill-Board tal-Gvernaturi. Kif intqal kemm-il darba u anke gie ribadit mill-President tal-Kamra tal-Avukati fi pronunzjamenti ricenti li ghamel lill-mezzi tax-Xandir, l-Avukat Generali ma ghandux poteri investigattivi.
F’dan il-kuntest l-Onorevoli interpellant qiegħed jiġi riferut għall-artikoli 16 (1) (b), 31, 33, u 34 tal-Att Kontra l-Money Laundering.
Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “MFSA chief linked to BVI-Russia investment” li deher f’The Times of Malta tas-6 ta’ Novembru 2017, fejn qed jingħad li ċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għandu interessi kummerċjali f’entitajiet reġistrati fil-BVI u li jinvolvu kumpanija Russa tal-mining, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux komdu li ċ-Chairperson tal-MFSA, li huwa l-wiċċ tas-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta, settur daqstant importanti, ikollu tali interessi u jekk iħossx li l-aġir tal-imsemmi Chairperson hux etiku, leġittimu u regolari f’għajnejn il-Ministru? Jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossx li, in vista ta’ dan, l-imsemmi Chairperson m’għadx għandu lok li jmexxi l-MFSA?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1791, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema premessa fil-mistoqsija hija żbaljata u għaliex? Fi kwalunkwe każ, jista’ l-Prim Ministru jgħid iħossx jekk huwiex xieraq li ċ-Chief of Staff tiegħu jsiefer miegħu fuq konferenzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar l-IIP ġaladarba dan l-istess jinsab investigat mill-Maġistrat Inkwerenti dwar flus li allegatament irċieva fuq akkwist ta’ passporti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nifhem li l-Onor Interpellant bħala avukat jaf x’inhu l-għan ta' inkjesta Magisterjali u huwa fuq din il-bażi li l-premessa tal-mistoqsija parlamentari 1791 u ta’ din il-mistoqsija, huma zbaljati.
Konferenzi organizzati minn kumpanija – obbligu kuntrattwali ta’ attendenza
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1791, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx obbligu kuntrattwali kwalunkwe li xi Ministru, Prim Ministru jew rappreżentant ieħor tal-Gvern jattendi għal konferenza organizzati mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jekk iva, x’inhu dan l-obbligu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Infakkar lill-Onor Interpellant li l-kuntratt mal-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw b’mod separat, ilu li sar pubbliku iktar minn sentejn u disa xhur, meta kien ippreżentat quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubblici ta’ dan l-istess Parlament. Id-dettal li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant fil-mistoqsija tiegħu jinsab f’dan il-kuntratt, li jgħid li minn żmien għal żmien il-gvern jibgħat rappreżentant tal-għazla tiegħu għal konferenzi organizzati mill-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw b’mod separat. Huwa fl-interess tal-gvern li jkun irrappreżentat f’dawn il-konferenzi, biex bhal f’kull okkazjoni ohra barra minn xtutna, jiġbed lejn Malta iktar talent u investiment li jgib miegħu ikar holqien ta’ impjiegi u iktar ġid.
Attendenza ta’ Ministri oħra għall-konferenza ta’ kumpanija dwar l-IIP
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1791, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk qatt kienx hemm Ministru ieħor tal-Gvern, apparti hu stess, li qatt mar għall-konferenza tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar l-IIP? U jekk hu l-każ, min kien il-Ministru u meta u fejn mar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpelant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija din :
2013 L-Onor Edward Zammit Lewis Stati Uniti
2016 L-Onor Edward Zammit Lewis u l-Onor Dr George Vella Libanu
2016 L-Onor Owen Bonnici Renju Unit
2017 L-Onor Julia Farrugia Portelli Emirati Għarab Magħquda
Malta Institute of Accountants — Accountancy Board – investigazzjoni ta’ individwi
Question
Wara l-aħbar li ż-żewġ persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament rriżenjaw mill-Malta Institute of Accountants (MIA) flok komplew jiġu investigati u possibilment imkeċċija minn dan l-organu prestiġġjuż minħabba l-involviment tagħhom f’Panama Papers, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Accountancy Board hux qed jinvestiga l-istess każ u jekk għamel dan x’kien l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni, jekk il-persuni indikati tneħħilhomx il-warrant, u f’każ li l-Accountancy Board għadu ma ħa l-ebda passi, iħossx il-Ministru li l-Bord għandu jagħmel dan?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Bord tal-Accountancy li ladarba l-imsemmi kaz bħalissa huwa s-suġġett ta' inkjesta/i Maġisterjali, ikun prudenti u sensibbli ai termini tal-liġi Maltija li l-Bord tal-Accountancy jistenna l-konkluzjoni tal-inkjesta/i Maġisterjali qabel ma jinvestiga l-kaz. Dan a skans tal-preġudizzju tal-validità ta’ xi proċeduri li jistgħu eventwalment jittieħdu.
F'dan ir-rigward, il-Bord tal-Accountancy għandu d-dmir li ji¿gura li d-drittijiet kostituzzjonali tal-persuni involuti ma jinkisru bl-ebda mod. Ukoll is-subartikolu (5) tal-Artikolu 7A tal-Att dwar l-Accountancy jistipula li s-setgħat supervizorji u investigatorji tal-Bord għandhom jiġu ezerċitati b’konformità sħiħa mal-liġi Maltija, u b’mod partikolari, mal-prinċipji tar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt ta’ difiza.
Jiena infurmat ukoll li huwa importanti li l-inkjesta/i Maġisterjali li għaddejjin bħalissa ma jiġu bl-ebda mod stultifikati sabiex jiġi zgurat li ma jkunx hemm il-possibiltà ta’ ostruzzjoni tal-ġustizzja. F’dan il-kaz il-Bord ukoll qed jimxi fuq il-prassi deċiza f’kazijiet preċedenti.
Individwu – investigazzjoni mill-pulizija/Ministeru/awtoritajiet oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux suġġett għal xi tip ta’ investigazzjoni mill-Pulizija jew mill-Ministeru jew minn xi awtorità oħra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Individwu – investigazzjoni mill-pulizija/Ministeru/awtoritajiet oħra
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux suġġett għal xi tip ta’ investigazzjoni mill-Pulizija jew mill-Ministeru jew minn xi awtorità oħra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 1900.