Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar l-investigazzjoni tagħha biex ikun stabbilit jekk f’numru ta' każi ta' dixxiplina li kienu jikkonċernaw uffiċjali pubbliċi li jaqdu dmirijiethom fir-Residenza San Vinċenz de Paule, jekk il-Kap Eżekuttiv tal-istess residenza kenitx abbużat jew użat ħażin l-awtorità delegata lilha biex teżerċita kontroll dixxiplinarju fuq l-istess uffiċjali, jew inkella naqsitx milli teżerċita sew dan il-kontroll skont ma jipprovdu r-Regolamenti tal-Proċedura ta' Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku?
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – passi dixxiplinarji kontra eks canvasser
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kenux inbdew passi dixxiplinarji mill-Ministeru tiegħu jew mill-entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu, dwar l-eks canvasser tiegħu u ċjoè l-individwu (a) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament b’relazzjoni mal-akkuża ta' tixħim miġjuba kontrih mill-individwu (b) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn dan l-individwu kien insista li l-eks canvasser tal-Ministru kien talbu ħlas minn taħt, ta’ €30,000 biex jitħallas il-flus li kienu dovuti lilu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni b’rabta ma’ xogħol fuq estensjoni tas-sixth form f’Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant illi hemm proċeduri ġudizzjarji fil-konfront ta’ dan l-individwu li bħalissa jinsab sospiż. Għaldaqstant, mhux għaqli li jsiru kummenti addizzjonali minħabba li l-kawża hija sub judice.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament ġie ttrattat b’mod privileġġjat minn ħaddiema oħrajn meta f’Novembru 2016 huwa kien ingħata l-awtorità li jissospendi lilu nnifsu mix-xogħol filwaqt li kompla jirċievi s-salarju sħiħ tiegħu mingħand il-Gvern, biex b’hekk baqa’ jirċievi paga sħiħa daqslikieku għadu jaħdem meta fil-fatt kien sospiż mix-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1889 u Informazzjoni Addizzjonali mogħtija lill-Kamra fid-19 ta’ Ottubru u fit-30 ta’ Ottubru 2017 rispettivament.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingħata trattament differenti minn ħaddiema oħra akkużati b’reati kriminali ħafna inqas serji, li ġew sospiżi mix-xogħol mill-ewwel filwaqt li matul il-perjodu ta’ sospensjoni tagħhom ma rċevewx proporzjon ta’ salarju ogħla min-nofs il-paga u f'ċerti każi anke kienu arrestati taħt kustodja preventiva għal perjodu ta' żmien?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li isimha qed jingħata separatament fl-1 ta’ Ġunju 2013 ġiet maħtura f'pożizzjoni ta' fiduċja fi rwol ta’ Kap Eżekuttiv fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paule, fejn din kienet ingħatat l-approvazzjoni biex tkompli tagħmel xogħol privat ta’ tabib u tmexxi l-klinika privata tagħha f'San Pawl il-Baħar u dan bi ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, peress li din ir-Residenza sservi kemm bħala nursing home, kif ukoll bħala sptar, u għalhekk ix-xogħol privat ta' natura medika wassal biex joħloq kunflitt ta’ interess li jikkonfliġġi mal-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħha bħala Kap Eżekuttiv tar-residenza in kwestjoni? Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu biex dan il-kunflitt u dan il-ksur tal-Kodiċi ta’ Etika jitwaqqaf?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet illi diġa kien hemm matul il-leġiżlatura preċedenti. Dawn it-tweġibiet ingħataw għall-mistoqsijiet parlamentari, 17325, 17326, 17327, 17518, 17519, u 19312.
Negozju tal-business management – involviment ta’ Chief of Staff
Question
Jista’ l-Prim Ministru jispeċifika x’inhu l-involviment, kemm dirett kif ukoll indirett, taċ-Chief of Staff tiegħu fin-negozju tal-business management?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba hija disponibbli pubblikament.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3957, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ħallsu b’kollox, il-Vitals Global Healthcare (VGH) lill-Gvern minn kemm ilhom joperaw f’Malta sad-data ta’ din il-mistoqsija (u għalxiex sar dan il-ħlas b’mod itemised) u mhux sempliċement konferma li dawn ħallsu l-ammont dovut lill-Gvern kif stipulat?
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4023, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra u/jew dokument li biha l-Gvern awtorizza l-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare (VGH) lill-kumpanija privata Amerikana, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokument huwa ta’ natura kummerċjali. Kif tiga ġie spjegat il-Gvern ta l-kunsens tiegħu.
Kumpaniji li għandhom ishma f'idejn kumpaniji fejn hemm involut Chief of Staff
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kumpaniji li b’xi mod għandhom xi ishma f’idejn kumpaniji li fihom hemm involut iċ-Chief of Staff tiegħu u/jew il-konjuġi tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija aċċessibbli pubblikament.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rabta jew konnessjoni kwalunkwe, kemm diretta kif ukoll indiretta, mal-kumpanija reġistrati f’Dubai, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Pulizija – regolamenti fuq kummenti fuq mezzi ta’ media soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regolamenti, gwida jew protokoll li jgħodd għall-uffiċjali tal-pulizija dwar l-użu ta’ facebook u/jew applikazzjonijiet oħra tal-media soċjali b’mod partikolari jekk pulizija jistgħux itellgħu kummenti ta’ natura politika fuq il-mezzi tal-media soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi kif diġà ġie relevat fi tweġibiet oħra fuq l-istess suġġett, il-gwidi għall-uffiċjali tal-Pulizija dwar użu ta' siti ta' media soċjali fosthom il-facebook, hu regolat permezz ta' ċirkularijiet interni. Dawn kienu mehmuża ma’ tweġibiet oħra. Fost il-kontenut dawn jagħmlu referenza għal reati dixxiplinarji relatati, meta jkun hemm ksur ta’ dak il-kontenut fihom, inkluż opinjonijiet ta' natura politika.
In segwitu għall-mistoqsija parlamentari 3872, jista’ l-Ministru tat-Turiżmu jwieġeb għat-talba oriġinali u ċjoè jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra u/jew dokument li biha ta awtorizzazzjoni sabiex il-Vitals Global Healthcare (VGH) tkun tista’ tgħaddi l-interess tagħha fit-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Vitals Global Healthcare mhix mistennija tgħaddi l-interess tagħha fit-tlett sptarijiet pubbliċi, iżda kienet u għadha l-konċessjonarja tas-servizzi tas-saħħa msemmija, anke bl-akkwist tal-ishma minn Steward Healthcare.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3834, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk qabel wieġeb l-imsemmija mistoqsija parlamentari, huwa kienx ivverifika maċ-Chief of Staff tiegħu stess dwar interessi kummerċjali fil-qasam tal-films jew tal-film studios li jirriżulta li għandu l-istess Chief of Staff, hekk kif ġie rrapportat f'gazzetta lokali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-premessa tal-mistoqsija parlamentari tiegħu hija żbaljata, kif tikkonferma t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3834.
In vista tar-rapport fil-ġurnal Times of Malta ta’ nhar it-Tlieta 6 ta’ Frar 2018, fejn ġie rrapportat li l-Managing Director tal-kumpaniji taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatment, huwa involut fil-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li huma involuti fin-negozju ta’ magni meħtieġa għar-riċiklar ta’ fliexken tal-plastic, in vista tal-proġett imħabbar mill-Prim Ministru dwar dan it-tip ta’ riċiklaġġ. Jista’ l-Prim Ministru jgħid (i) jekk skont hu, dan huwiex kunflitt ta’ interess da parti taċ-Chief of Staff tiegħu peress li l-persuna involuta hija fl-istess ħin il-persuna li tmexxi n-negozji taċ-Chief of Staff tiegħu, (ii) jekk iċ-Chief of Staff tiegħu ddikjarax dan il-konflitt ta’ interess u (iii) x’passi ħa l-Prim Ministru dwar dan il-konflitt ta’ interess?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Iċ-Chief of Staff fl-uffiċċju tiegħi m’għandu x’jaqsam xejn la direttament u lanqas indirettament fil-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament. Dan japplika wkoll għall-Kasco Group. Kull suġġeriment f’das-sens huwa falz u malizzjuż.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid b’kollox, il-Vitals Global Healthcare (VGH) kemm ħallsu lill-Gvern minn kemm ilhom joperaw f’Malta sad-data ta’ din il-mistoqsija u għal xiex sar dan il-ħlas?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-VGH ħallsu l-ammont dovut lill-Gvern kif stipulat fil-kuntratt tal-konċessjoni bejn l-istess partijiet li jinkludu concession fees u ħlasijiet għal servizzi addizzjonali fl-isptarijiet Karen Grech u t’Għawdex.
Malta Film Studios – sejħa għall-offerti internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tas-sejħa għall-offerti msemmija f’mistoqsija parlamentari 3828 flimkien mad-dokument li jiċċertifika l-eżitu ta’ din is-sejħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tas-sejħa għall-offerti.