Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kiteb il-messaġġ ta’ mibgħeda li ġie mtella’ fuq facebook kif jidher mill-viżwal li wkoll qed jingħata separatament, liema individwu hu kuntrattat għal xogħol mal-PBS?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-individwu m’huwiex impjegat tal-PBS iżda jipprovdi biss servizz ta’ traduzzjoni fuq bażi ta’ self employed. Minkejja dan xorta waħda l-Kumpanija ġibdet l-attenzjoni għal dan l-aġir u talbet lill-individwu sabiex ineħħi l-post immedjatament.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — żjarat barra minn Malta
Question
B’referenza għaż-żjarat li l-Ministru għamel barra minn Malta skont l-iskeda li d-dettalji dwarha qed tingħata separatament, jista’ l-Ministru jgħid:
a. x’kienet ir-raġuni taż-żjara li huwa għamel;
b. ma’ min iltaqa’ waqt din iż-żjara;
c. jekk il-Ministru kienx akkumpanjat minn uffiċjali tal-Gvern u/jew tal-Ministeru tiegħu u/jew entitajiet tal-Gvern għal din iż-żjara; u
d. min ħallas għaż-żjara?
Jista’ jippreżenta l-irċevuti tal-ispejjeż tal-lukanda li qagħad fiha f’kull każ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħi fuq impenji ministerjali, kif indikati fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari 5248, tħallsu kollha mill-Ministeru, skont l-istess proċeduri li jintużaw f’dan ir-rigward.
Nixtieq ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li dawn iż-żjarat servew għal laqgħat skedati bilaterali u/jew ma’ intraprendituri barranin li juru interess li jinvestu f’pajjiżna u allura biex jinġieb aktar investiment lejn xtutna.
L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li t-tkabbir bla preċedent fl-ekonomija nazzjonali u fl-għadd ta’ investimenti barranin ma jseħħux b’kumbinazzjoni jew b’xi simpatiji partikolari u din il-ħidma kienet tirrikjedi numru ta’ żjarat barra minn xtutna għal raġunijiet varji.
Għax fuq kollox kien u jibqa’ d-dmir tiegħi, fost oħrajn, li nattira aktar investimenti lejn pajjiżna, bid-differenza tal-istess Onor. Interpellant li ż-żjarat tiegħu barra minn Malta jużahom partikolarment biex jagħmel ħsara lil pajjiżna.
Fl-aħħar irrid inżid li għal għadd ta’ drabi, matul amministrazzjonijiet preċedenti tal-Partit Nazzjonalista, din il-Kamra mhux biss kienet imċaħħda minn tagħrif ta’ tali laqgħat simili, iżda lanqas kienu jingħataw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ Ministri u Prim Ministri.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna kellha l-kuntratt ta’ impieg tagħha mibdul minn kuntratt definit għal kuntratt indefinit ai termini tad-Direttiva maħruġa mis-Segretarju Permanenti Prinċipali nhar it-18 t’April 2017? Jista’ jgħid ukoll f’liema aġenzija jew entitajiet pubbliċi jaħdmu dawn il-persuni, kemm-il persuna hemm f’kull aġenzija u/jew entità u f’liema grad iddaħħlu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li inbidlet s-sistema. Meta l-ħaddiema fis-settur pubbliku issa m’għadhomx fuq kuntratt definit, ifisser li l-probation tal-ħaddiema fis-settur pubbliku saret bhal tal-ħaddiema l-oħra kollha fl-ekonomija, jiġifieri ta’ massimu ta’ 12 – il xahar. Sal-2013 ma kull elezzjoni ġenerali, kienu jinqalbu diversi kuntratti bi pjaċir u mhux bi dritt. Din l-amministrazzjoni qatgħet din id-drawwa kerha.
Fl-istess ħin ma hemm ebda problema li ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’ID Malta u fil-MITA kien hemm persuna waħda kull wieħed li hadu d-drittijiet tagħhom, fl-MGA kien hemm 27 persuna u fl-MCST kien hemm 55 persuna.
B’referenza għaż-żjara li għamel f’Monaco fil-weekend tal-Grand Prix tal-2015, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-irċevuti tal-lukanda li qagħad fiha, tar-restaurants li mar fihom u tal-ispejjeż l-oħra kollha mħallsa mill-erarju pubbliku ammontanti għal kważi €11,000 għal tliet ijiem biss? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-laqgħat li attenda l-Ministru li huwa tenut li jippreżenta skont il-proċeduri regolari tal-Gvern?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 5961.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5502 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus b’kollox lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bejn l-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5501 u ċjoè: F’April 2017, il-Gvern ġie rrapportat li ħallas miljun ewro lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bil-ġustifikazzjoni li l-Awtorità tat-Turiżmu se tagħmel reklami fuq il-magazine tal-kumpanija u peress li issa li għaddiet iktar minn sena, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-reklami? Kemm hu kkalkolat li laħqet nies din il-pubbliċità?
Ċittadini ta’ pajjiżi oħra mill-Unjoni Ewropea – assigurazzjoni medika
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk tintalabx assigurazzjoni medika mingħand ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li jkunu residenti f’Malta? Jekk iva, x’tip ta’ assigurazzjoni tintalab u kemm hemm nies li għandhom din l-assigurazzjoni? Jista’ jgħid jekk din l-assigurazzjoni hijiex kundizzjoni biex tingħata Karta tal-Identità Maltija lil dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti f’Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li karti tal-Identità jinħarġu biss lill-ċittadini Maltin. Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jgħixu Malta jinħarġilhom dokument ta’ residenza.
Il-polza tal-assikurazzjoni medika tintalab lill-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirreġistraw ruħhom bħala residenti f’Malta skont il-provedimenti tal-liġi sussidjarja L.S. 460.17 – Free Movement of European Union Nationals and their Family Members li timplimenta inter alia id-Direttiva 2004/38/EC tal-Unjoni Ewropea. Fost ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jintalbu polza tal-assikurazzjoni medika hemm dawk li jottjenu dokument ta’ residenza għal skopijiet ta’ studju jew fuq bazi ta’ economic self-sufficiency.
Konsulent tal-Prim Ministru – rigali mill-Gvern tal-Ażerbajġan
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ rigali li aċċetta mill-Gvern tal-Ażerbajġan il-konsulent tiegħu li ismu qed jingħata separatament meta dan kien deputat parlamentari u membru tad-delegazzjoni parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid meta ngħataw dawn ir-rigali u x’inhu l-valur tagħhom individwalment?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li qed isemmi fl- interpellanza tiegħu kien membru ta' delegazzjoni parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fil-vesti tiegħu ta' membru ta' din il-Kamra u mhux bħala rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
F’April 2017, il-Gvern ġie rrapportat li ħallas miljun ewro lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bil-ġustifikazzjoni li l-Awtorità tat-Turiżmu se tagħmel reklami fuq il-magazine tal-kumpanija u peress li issa li għaddiet iktar minn sena, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-reklami? Kemm hu kkalkolat li laħqet nies din il-pubbliċità?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus b’kollox lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bejn l-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Ladarba issa ġie żvelat li l-kumpanija reġistrata fid-Dubai, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a), kienet indikata bħala l-“klijent ewlieni” tal-kumpanija tal-Ministru tat-Turiżmu reġistrata fil-Panama li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament (b), u dan skont e-mail żvelata permezz ta’ Daphne Project li kopja tagħha qed tingħata separatament (c), jista’ l-Ministru jgħid min hu s-sid jew min huma s-sidien tal-kumpanija (a) li minn għandha kien mistenni jdaħħal $150,000 kull xahar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 3994 u 5261.
Tieġ ta’ individwu – preżenza ta’ persuni mis-Segretarjat
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk għat-tieġ li attenda tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separament, kienx akkumpanjat jew fil-preżenza ta’ uffiċċjali li jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu, u f’dan il-każ min kienu dawn il-persuni?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid fejn siefer fil-kapaċità uffiċjali tiegħu minn Marzu tal-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija u f’liema minn dawn l-okkażjonijiet ġie akkumpanjat miċ-Chief of Staff tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Għall-perjodu Marzu 2013 – Jannar 2017 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 26,715, 26,832 u 29,670 tal-leġiżlatura li għaddiet.
Matul l-2017 il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Interpellant akkumpanjani waqt safar uffiċjali, f’Settembru fi New York, f’Ottubru fl-Emirati Għarab Magħquda u f’Novembru fir-Renju Unit u f’Hong Kong.
Matul l-2018 sal-lum, ma kienx hemm okkazjonijiet fejn il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Interpellant akkumpanjani waqt safar uffiċjali.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3994, peress li fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu m’hemm l-ebda referenza għall-kumpanija li isimha qed jingħata separatament, jista’ l-Ministru tat-Turiżmu jikkonferma li dan ifisser li huwa m’għandu l-ebda rabta mal-imsemmija kumpanija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi l-ebda rabta.
Negozji, ħwienet jew outlets li huwa involut iċ-Chief of Staff
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3965, jista’ l-Prim Ministru jgħid fejn hemm ippubblikat l-informazzjoni rikjesta f’dik il-Mistoqsija, ċjoè l-lista sħiħa ta’ negozji, ħwienet jew outlets kummerċjali oħra li ċ-Chief of Staff tiegħu huwa involut fihom hu jew il-konjugi tiegħu, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Wieħed jassumi li l-Onor. Membru żgur qara r-rapporti fuq il-mezzi tax-xandir li tant ilu jikkwota.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’liema post u f’liema belt fl-Italja sar it-tieġ li attenda għalih tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk bħala uffiċjal pubbliku, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, responsabbli minn dipartiment importanti, setax jikteb bil-mod li kiteb fuq il-media soċjali, hekk kif muri fl-istampa li qed tingħata wkoll separatament, u jekk le, x’passi ttieħdu kontra tiegħu?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċjali kollha li jaħdmu fis-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea huma persons jew f’position of trust, għaldaqstant id-direttiva 5 kif ukoll id-direttiva emendata 5.1 dwar l-attiviżmu politiku ma japplikawx għalihom. Il-metodu tal-ingaġġ tal-istess ħaddiema ilu fis-seħħ mill-2004.
Rigward dak li ttella fuq il-midja soċjali mill-persuna li qed issir referenza għaliha, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-predeċessur tal-Kap preżenti sa 8 xhur ilu, hekk kif jidher fl-iscreenshot li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, datata Mejju 2017, kienet tippostja materjal politiku fuq il-midja soċjali waqt li kienet tokkupa l-istess kariga u ma ttieħdux passi fil-konfront tagħha. Dak iż-żmien l-ebda Deputat tal-Oppożizzjoni ma ħass li kellu jagħmel xi mistoqsijiet fuqha, anke meta l-Onorevoli interpellant kien hu Kap tal-Oppożizzjoni.