B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31560, jista' l-Ministru issa jgħid x'inhi l-proċedura biex l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, jagħmel permess għal parker?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proċedura ta’ kif wieħed għandu japplika għal liċenza ta’ car park attendant, hija dettaljata fis-sub regolament 2 tar-regolament 65 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur (L.S 65.11).
Minkejja dan, ninsab infurmat li fil-preżent Transport Malta m’hijiex tilqa’ applikazzjonijiet ġodda għal tali liċenzi, kemm minħabba li s-siti ta’ parkeġġ pubbliku huma kollha assenjati, kif ukoll għar-raġuni li Transport Malta u l-Ministeru jinsabu f’taħdidiet mar-rappreżentanti tal-
car park attendants
bil-għan li jiġi riformat dan is-settur.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31391, peress li għadda ż-żmien minn meta l-Ministru qal li l-ARMS Ltd kienet se tikkomunika mal-klijent u għadu ħadd ma kkuntatjah, jista' l-Ministru jara l-każ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li kuntatt mal-konsumatur diġà sar fl-aħħar ta’ Jannar. Stħarriġ ulterjuri huwa meħtieġ sabiex jissolva l-każ. Għaldaqstant, il-konsumatur għandu jerġa jiġi kkuntattjat min-naħa ta’ ARMS Ltd. aktar 'il quddiem.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-fondi Ewropej mill-programm Leonardo Da Vinci għas-snin 2010 u 2011 ġewx mitlufa minn Malta jew jekk ingħatawx? F'każ li dawn ingħataw, jista' l-Ministru jgħid meta l-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li huma intitolati għal dawn il-fondi se jkunu qed jirċievu dak dovut lillhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-2010 il-Fondi Leonardo da Vinci ma ingħatawx. Fl-2011, il-fondi ngħataw u kull applikant li kien eliġibbli li jirċievi l-Fondi Ewropej mill-Leonardo Da Vinci ngħatawlu.
Jista' l-Minsitru jara l-każ tal-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għalkemm għamlet ittra bil-miktub biex tiġi trasferita mill-dar tal-anzjani fejn qiegħda għar-Residenza San Vinċenz de Paul, xi sena ilu xorta waħda għadha fejn hi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mir-relocation report li sar sabiex din il-pazjenta tiġi trasferita għal San Vinċenz, irriżulta (mill-parir tal-Community Home Advisory Committee (CHAC)) li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandha l-kura u l-attenzjoni kollha meħtieġa. L-applikazzjoni ta’ din l-anzjana ġgiet imqiegħda fil-lista ta’ stennija għal San Vinċenz de Paul.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-Protezzjoni Ċivili? Jekk iva, dawk li qed jaħdmu b'mod volontarju se jingħataw prijorità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li meta tinħass il-ħtieġa li jidħlu impjegati ġodda din issir permezz ta’ kriterji li joħorġu mal-istess sejħa għall-impjieg biex jiġi żgurat li ir-rekluti l-ġodda jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dipartiment kif ukoll il-proċeduri bażiċi applikabbli li jirregolaw dawn is-sejħiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema għal min kien jaħdem u kien jonqsu xi bolol biex ikun jista' jieħu l-penzjoni? Jekk iva, x'inhi din l-iskema? Xi jridu jagħmlu? Fejn iridu jmorru?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, dawn għandhom il-possibiltà li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li ma jkunux ġew imħallsa sa’ ħames snin b’lura qabel jitlħqu l-eta’ tal-pensjoni jew qabel ma japplikaw għall-pensjoni għall-irtirar. It-talba sabiex jitħallsu dawn il-kontribuzzjonijiet nieqsa għandha ssir lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali u l-ħlas wara li joħroġ il-kont għandu jsir lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
Persuni impjegati li jkollhom xi kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mhux imħallsu mill-imgħallem tagħhom jiġu mitluba mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex iġibu kopja tal-FS3 għas-sena jew snin li fihom hemm xi nuqqas ta’ ħlas sabiex isir ‘deeming’ tal-kontribuzzjonijiet nieqsa u għaldaqstant ma jitilfux id-dritt għall-benefiċċji kontributori dovuti taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jista' l-Ministru jara x'sar mill-Kartuna Skema V tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li għadha ma rċeviet xejn u dalwaqt trid iġġib il-mediċini?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li ġie kkuntattjat il-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant biex tiġi nvestigata l-problema, il-pazjent ikkonferma li ma kienx hemm problemi peress li l-permess li kien qed jistenna kien wasal bil-posta. Il-pazjent kellu wkoll kartuna safra f’idejħ u għalhekk ma kellux problemi biex jiġbor il-mediċini.
Jista' l-Ministru jgħid kemm testijiet ġenetiċi intbagħtu barra fis-sena 2011? Kemm kienet l-ispiża totali ta' dawn it-testijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul is-sena 2011 intbagħtu 252 testijiet ġenetiċi barra minn Malta. Dawn ammontaw għal mijja u disa’ u għoxrin elf, mitejn u erbatax-il Ewro (€129,214).
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' żewġt anzjani, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li jinsabu veru fi stat li jinġabru f'dar tal-anzjani fejn dawn applikaw imma jidher li qegħdin fil-lista ta' prijorità u li għandhom iċ-ċertifikati anke ta' psikjatra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-mara u r-raġel li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant applikaw f’Jannar u fi Frar ta’ din is-sena rispettivament, għalhekk dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu proċessati.
Jista' l-Ministru jara li jintbagħat il-kont tad-dawl u ilma lill-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li ilu ma jirċevih mis-sajf?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-konsumatur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li kellu jirċievi somma ta' €389.35 u għalkemm bagħat ittra, baqa' ma rċeva xejn?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-mistoqsija qed issir dwar bolol mħalsa żejda, din għanda issir lill-Ministru tal-Finanzi.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li kien sar fuq it-turiżmu meta l-Onor. Francis Zammit Dimech kien Ministru u fost il-proposti li kienu saru kien intqal li kull sena għandhom jiġu rranġati tliet sandy beaches? Jista' jgħid x’sar minn dan il-pjan?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta ħadmet fuq numru ta’ proposti għall-bajjiet ġodda jew beach replenishments fis-snin li għaddew. L-Awtorita’ tat-Turiżmu rnexxielha tlesti żewġ bajjiet dawk ta’ San Ġorġ u perched beach ġewwa Buġibba.
Illum dawn huma
Blue Flag Beaches,
jiġifieri internazzjonalment konoxxuti li jirrispettaw l-aspett ekoloġiku filwaqt li joffru esperjenza lil min jużahom. Numru ta’ proġetti oħrajn ma setgħux jitkomplew minħabba li l-istudji wrew li l-impatt ekoloġiku ma kienx favorevoli. Bħalissa għaddejjin studji fuq il-Bajja tax-Xemxija. Il-politika tat-Turiżmu l-ġdida titkellem ukoll fuq il-ħtieġa li nużaw il-kosta kollha nkluż il-kosta fejn m’hemmx ramel.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Pjan mitlub mill-Onor Interpellant.
Jista’ l-Ministru jara li xi ħadd jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hi nieqsa mis-smiegħ u għandha xi problema fit-telecare, l-aktar fuq l-alarm u dan huwa każ urġenti għax hi ma tistax tikkomunika?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-sezzjoni tat-Telecare ġiet nfurmata mill-Kumpanija GO li m’hemmx ħsara fis-sistema tal-alarm tas-set tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Id-Dipartiment ħa ħsieb li tintbgħat persuna mill-GO fir-residenza tagħha li spjegatilha kif taħdem is-sistema biex b’hekk tifhem sew kif jaħdem is-servizz.
Jista' l-Ministru jara x'ġara mill-każ ta' anzjana li kellha tidħol l-isptar minħabba l-operazzjoni tal-irkoppa u ċemplulha u avżawha biex ma tmurx minħabba li kien hemm xi nuqqas ta' għodda? Jista' l-Ministru jara meta se jerġgħu jibagħtu għaliha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pazjenta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandha bżonn reviżjoni tal-irkoppa tax-xellug. It-testijiet tal-operazzjoni diġà saru u l-operazzjoni hija ppjanat li ssirilha fit-tielet ġimgħa ta’ Marzu.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li ngħatalu appuntament għas-27 ta' Awwissu, 2012 peress li jinsab muġugħ ħafna?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħti iktar dettalji dwar il-każ tal-pazjent li qiegħed jirreferi għalih fil-Mistoqsija Parlamentali.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li jieħu tal-wens u meta mar is-social service qalulu li ma jistax jieħu ż- żieda kollha tal-għoli tal-ħajja peress li qiegħed fuq relief u fil-fatt huwa jieħu tal-wens?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara li tinħareġ il-kartuna r-roża ta' anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament peress li dan ħalla kartuna biex iġibulu l-pilloli u issa infurmawh li tilfu il kartuna?
Response (CASSAR, JOSEPH)
l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil-Ministru konċernat.
Servizz tad-Drenaġġ — ilmenti dwar ħruġ ta' drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jara li xi ħadd imur fuq il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separament fejn qed joħroġ ħafna drenaġġ li minkejja li saru r-rapporti xorta waħda għadu ma mar ħadd?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport dwar dan il-każ ħlief mid-Dipartiment tas-Sanità fit-13 ta’ Frar. Minnufih beda x-xogħol biex tissolva l-problema u d-drenaġġ twaqqaf milli joħroġ fit-triq dak in-nhar stess.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għandhiex dritt għas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma issa li tinsab armla?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi infurmata dwar il-każ tagħha.