Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-perċentwali ta' nies arrestati relatati mad-drogi? Kemm minn dawn jispiċċaw il-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mit-total globali ta’ persuni arrestati mill-Pulizija matul is-sena l-oħra, kien hemm 16.6% li kienu ġew arrestati fuq reati relatati mad-droga.
Għalkemm ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-mistosija, ninsab infurmat illi mill-każi relatati ma' droga, mill-Qorti kien hemm 79 persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs matul is-sena l-oħra,.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-perċentwali ta' nies arrestati fuq offiżi relatati ma' kannabis? Kemm min dawn jispiċċaw il-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mit-total globali ta’ persuni arrestati mill-Pulizija matul is-sena l-oħra b’konnessjoni ma' droga, kien hemm 26% li kienu ġew arrestati fuq reati relatati mal-Cannabis.
Għalkemm ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-mistosija ninsab infurmat illi mill-każijiet relatati mal-Cannabis deċizi mill-Qorti matul is-sena l-oħra, kien hemm 14-il persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs wara li kienu misjuba ħatja ta’ traffikar tal-Cannabis.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fl-2010 u fl-2011 li tinkludi pulizija, qrati u ħabs fuq kawżi relatati ma' pussess jew traffikar ta' kannabis?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol tal-Korp tal-Pulizija ma jinvolvix biss investigazzjonijiet dwar abbuż mill-Cannabis, lanqas ma hemm xi grupp ta’ Pulizija assenjati biss fuq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet relatati mal-Cannabis. Barra minnhekk, minħabba n-natura tax-xogħol tal-Pulizija minnu nifsu u l-esiġenzi li jistgħu jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibbli li wieħed jikkwantifika bl-eżatt kemm qed tkun l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq kawzi relatati ma’pussess jew traffikar ta’ Cannabis.
Għar-rigward tan-nefqa totali għall-perijodu msemmi li tirrigwardja l-ħabs fuq kawzi relatati ma' pussess jew traffikar ta' kannabis, ninsab infurmat illi mhux kull priġunier għandu l-istess bżonnijiet, għalhekk din l-istatistika ma tistax tkun eżatt.
Fejn jidħol il-Qorti, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' drogi — lakuna fil-liġi
Question
Peress li fl-1996 Malta rratifikat il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' drogi narkotiċi tal-1988 u l-Istat aċċetta li ssir distinzjoni bejn ikkultivar għall-użu personali u kkultivar għal traffikar, iżda fil-liġi Maltija kull kultivazzjoni hija meqjusa bħala traffikar, anke meta jkun ċar li dan sar għall-użu personali, jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu l-gvern jirranġa din il-lakuna fil-liġi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-United Nations Convention against Illicit Traffic in Narcotic Drugs and Psychotropic Substances, Vienna, 1988’, ma timponi ebda obbligu fuq Stati Firmatarji sabiex issir distinzjoni bejn kultivazzjoni ta' droga għall-użu personali u kultivazzjoni ta' droga għal skopijiet ta' traffikar.
L-artikoli rilevanti li qed jigu riprodotti fit-test originali, jindikaw b'mod cjar li l-obbligu fuq Stati Firmatarji hu dak li l-kultivazzjoni ta' droga għall-użu personali ghandu jsir reat kriminali:
"Article 3
1. Each Party shall adopt such measures as may be necessary to establish as criminal offences under its domestic law, when committed intentionally
a)... ii) the cultivation of opium poppy, coca bush or cannabis plant for the purpose of the production of narcotic drugs contrary to the provisions of the 1961 Convention and the 1961 Convention as amended;......
2. Subject to its constitutional principles and the basic concepts of its legal system, each Party shall adopt such measures as may be necessary to establish as a criminal offence under its domestic law, when committed intentionally, the possession, purchase or cultivation of narcotic drugs or psychotropic substances for personal consumption contrary to the provisions of the 1961 Convention, the 1961 Convention as amended or the 1971 Convention.
Article 14
2. Each Party shall take appropriate measures to prevent illicit cultivation of and to eradicate plants containing narcotic or psychotropic substances, such as opium poppy, coca bush and cannabis plants, cultivated illicitly in its territory. The measures adopted shall respect fundamental human rights and shall take due account of traditional licit uses, where there is historic evidence of such use, as well as the protection of the environment."
Jekk wieħed iqabbel il-figuri tal-ispejjeż totali tal-gwerra kontra d-droga f'dawn l-aħħar 30 sena kontra l-figuri ta' konsum ta' reati konnessi ma' drogi, jaħseb il-Ministru li din il-gwerra qed tirnexxi? Jista' jkun li għandna bżonn nevalwaw rapporti bħad-Drug Commission Report u nħarsu lejn stejjer ta' suċċess bħal tal-Portugal? Id-drug policies tagħna qegħdin jirnexxu jew qegħdin jistigmatizzaw u jkabbru l-problema ta' min juża jew jabbuża mid-drogi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemmx dubju li f’dawn l-aħħar tletin sena, minkejja li l-importazzjoni, t-traffikar, il-pussess u l-konsum tagħha huma illegali, id-droga ħalliet għadd ta’ vittmi kemm fis-sens ta’ nies dipendenti minnha bil-konsegwenzi kollha li ġġib magħha d-dipendenza , kemm bħala vittmi ta’ reati kommessi minħabba d-droga, u kemm fl-imwiet traġiċi kawża ta’ overdose.
Iżda meta wieħed jiġi biex jevalwa jekk “il-gwerra kontra d-droga’’ kellhiex suċċess jew le, irid iqis ukoll kemm kien ikun hemm aktar problemi soċjali u mwiet li kieku d-droga kienet disponibbli b’mod legali. L-esperjenza tal-alkoħol turina li sustanza (droga) legali taħsad ħajjiet iktar minn dawk is-sustanzi illegali, u toħloq diffikultajiet soċjali kbar ħafna.
Madankollu, id-Drug Commission Report u l-esperjenza Portugiża ġiegħlu lil dawk li jaħdmu f’dan il-qasam f’diversi pajjiżi li jirriflettu fil-fond fuq il-kwistjoni tal-illegalità ta’ ċerti sustanzi. Jidher li f’Malta hawn kunsens favur id-dekriminilzzazzjoni ta’ ċerti sustanzi. B’dekriminilizzazjoni wieħed jifhem li waqt li s-sustanza tibqa’ illegali u reat, ma tkunx punibbli b’habs biex b’hekk min hu dipendenti minnha jintbagħat għall-kura u mhux il-ħabs.
Jista' l-Ministru jgħid kif jista' riċerkatur lokali jġib kannabis medical-grade għal riċerka medika?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li biex issir riċerka medika, ir-riċerkatur għandu japplika għall-permess meħtieġ skont l-Avviż Legali 490 tal-2004 “Regolamenti tal-2004 dwar Provi Kliniċi” kif emendat b’Avviż Legali 248 tal-2007. Jekk il-permess għal prova klinika jinħareġ, ir-riċerkatur irid japplika lis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika biex jinħarġulu il-permessi relattivi biex tkun tista’ tiddaħħal f’Malta l-ammont ta’ kannabis meħtieġ għall-iskop tar-riċerka. Biex jinħarġu dawn il-permessi is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika jkollha bżonn titlob kwota għall-kwantita’ ta’ kannabis meħtieġa mill-International Narcotics Control Board fi Vienna, li huwa bord indipendenti tal-Ġnus Magħquda li jirregola l-moniteraġġ tal-konvenzjonijiet internazzjonali ta’ kontroll tad-drogi.
Residenza San Vinċenz de Paul — sala Patri Piju - ilment
Question
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li fis-sala Patri Piju fir-Residenza San Vinċenz de Paul, lill-pazjenti u lir-residenti ma jħalluhomx joqgħodu fil-kuritur tas-sala?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fis-swali l-ġodda, fosthom il-Blokka ta’ Padre Piju, hemm spazju ddedikat magħrufa bħala atria, fejn l-anzjani jistgħu jqattgħu ftit siegħat flimkien. F’dawn l-atria, l-anzjani jistgħu joqgħodu madwar mejda, flimkien mal-familjari tagħhom, u fl-istess ħin ma jkunux qegħdin idejqu Anzjani oħra li forsi jkunu jridu jistrieħu. Għalhekk, kemm jista’ jkun l-anzjani huma mħeġġa sabiex jużaw dawn l-atria minflok joqgħodu fil-kuritur.
Jista' l-Ministru jara x'sar mill-applikazzjoni ta' koppja miżżewwġa, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikaw mal-Awtorità tad-Djar?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tas-Sinjuri msemmija daħlet għand l-Awtorità tad-Djar fid-9 ta’ Frar 2012 u għadha fil-fażi inizjali. Bhħlissa, qed issir ir-riċerka sabiex jiġu stabbiliti x-xogħlijiet neċessarji, kif ukoll tinġabar informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikanti biex b’hekk jiġi deċiż jekk l-applikanti jikkwalifikawx taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li jikkwalifikaw għalih.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li kellu jidher quddiem il-bord għall-għajnuna soċjali u għalkemm ċempel u ġew it-tobba jarawh id-dar, irċieva karta li se jaqgħtuh għax ma attendiex mingħajr ma avża, liema avviż huwa żbaljat? Jista' l-Ministru jara l-każ u jinħareġ iċ-ċekk għax dan jinsab bla dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-persuna ikkonċernata se tiġi infurmata permezz ta’ ittra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet fl-għelieqi tal-Wilġa ġewwa Ħal Għaxaq? Hemm permess għall-bini? Jekk iva, x'inhu l-permess?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan Lokali approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jidentifika ż-żona Tal-Wilġa ġewwa Ħal Għaxaq bħala sit riservat għall-Faċilitajiet Edukattivi għal żewġ skejjel skond il-policy SMGH 06. M'hemm l-ebda permess maħruġ però l-Awtorita' għandha l-applikazzjoni (PA 6738/06) għall-bini ta' kulleġġi mill-Komunità tad-Dumnikani u mill-Komunita tal-Qalb ta' Ġesù. Din l-applikazzjoni għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31798 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, fejn din qed titlob li tbiddel id-dar għal post ieħor li ma jkunx isfel?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni ġiet allokata l-fond fejn toqgħod nhar il-25 ta’ Jannar, 2010. Għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar ma tistax tikkunsidra t-talba tagħha għat-tpartit peress li għadhom m’għaddewx tliet snin mid-data tal-kuntratt.
ċens fuq proprjetà li kienet tal-knisja u saret tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jindaga fuq każ partikolari ta' inkwilin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, dwar ċens fuq proprjetà li kienet tal-Knisja, liema ċens kien jitħallas fuqu €46.60 fis-sena u liema ċens ħames snin ilu meta l-inkwilin mar iħallas sab li sar €174.75 u dan minħabba li l-proprjetà għaddiet f'idejn il-Gvern mill-Knisja mingħajr l-ebda notifika bil-miktub jew verbalment, iżda ġiet ippubblikata biss fil-Gazzetta tal-Gvern, meta mhux kulħadd jixtri jew jaqra din il-gazzetta?
Peress li minħabba dan il-każ partikolari, l-inkwilin sabiex jifdi dan iċ-ċens se jkollu jħallas is-somma ta' mhux anqas minn €17,000, jaħseb il-Ministru li din is-somma hija ġusta? Jista' l-Ministru jara li dan l-inkwilin jiġi kkuntattjat?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi iċ-ċens dovut fuq il-proprjetà tal-individwu li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament ma ġiex rivedut għas-sempliċi raġuni li l- proprjetà għaddiet għand il-Gvern imma għax hekk hemm stipulat fil-Kuntratt oriġinali. Fil-fatt, din il- proprjetà għaddiet għand il-Gvern bħala parti mill-Ftehim tal-1991 ta’ bejn is-Santa Sede u l-Istat ta’ Malta, waqt li iċ-ċens ġie rivedut b’ effett mid-9 ta’ Lulju 2011, jiġifieri f’ għeluq il-25 sena bil-bidu taċ-ċens, peress li fil-kuntratt tal-1976, hemm imniżżel li ċ-ċens temporanju huwa rivedibbli kull 25 sena u din ir-reviżjoni hija bażata fuq il-minimum wage standard paragunata ma’ ta’ dakinhar tal-kuntratt.
Rigward il-punt imqajjem mill-Onorevoli Membru dwar il-publikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern, qed nassumi li qed jirreferi għar-reviżjoni taċ-ċens u din ma tkunx ippublikata fl-ebda gazzetta lanqas fil-gazzetta tal-Gvern Il-proprjetà għaddiet mingħand il-Knisja għal għand il-Gvern, fl-1991 u dan il-fatt kien ilu magħruf miċ-ċenswalist minn meta xtara l- proprjetà tant li kien ilu jħallas iċ-ċens għand il-Gvern sa mill-1995 u ma kellux għalfejn jaqraha fuq l-ebda gazzetta.
Kif spjegat, dan il-każ ma hu partikolari xejn, anzi huwa ir-regola li iċ-ċens jiġi rivedut skond ma jkun stipulat fil-Kuntratt oriġinali. Dwar l-ammont dovut għall-fidi taċ-ċens, li fil-fatt huwa €14,698 u mhux €17,000 dan huwa maħdum skont il-parametri tal-iskema għall-fidi taċ-ċnus temporanji tal-2002.
Jista' l-Minsitru jara l-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha li applikat għal facilitator imma s'issa għadha bla risposta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Din l-applikazzjoni daħlet għand l-Istatementing Moderating Panel f’Jannar 2012 u ser tiġi proċessata matul din is-sena skolastika.
Residenza San Vinċenz de Paul — talba għal sodda partikolari
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31354, filwaqt li l-familja japprezzaw dak kolli li l-istaff jagħmel, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li hija x-xewqa tal-pazjent li jkollu sodda kif kellu d-dar mogħtija b'self mill-Community Chest Fund li kienet bir-remote control?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mill-assessments li saru mit-terapisti li jieħdu ħsieb il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, fl-opinjoni tagħhom, din il-persuna m’hijiex sejjer tibbenifika minn electrical bed (remote control bed). Kif intqal f’risposta preċedenti, qegħda tittieħed kull miżura possibbli sabiex il-persuna tkun komda u tingħata l-kura bl-aħjar mod fl-interess tagħha. M’hemm l-ebda oġġezzjoni jekk il-familjari iridu jagħmlu talba mall-Community Chest Fund għal sodda.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm attentati ta’ suwiċidju fl-2007, 2008, 2009, 2010 u 2011? X’etajiet kellhom il-persuni li ppruvaw jagħmlu dawn l-attentati ta’ suwiċidju?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31850.
Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali — care orders
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30589, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-rakkmandazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali rigward il-care orders?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ir-rwol tad-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali huwa dak ta’ regolatur. Saħansitra d-dipartiment jisma’ l-oġġezzjonijiet tal-ġenituri skont l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ. Huwa l-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ li jagħmel rakkmandazzjonijet fuq kull każ ta’ care order.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet li jiżdiedu s-sigħat tal-home help peress li l-qagħda tagħha marret għall-agħar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Bord tal-Allokazzjoni tas-Servizz tal-Home Help reġa ra l-każ imsemmi fit-23 ta’ Frar 2012 u approva żieda ta’ siegħa fil-ġimgħa.
applikazzjoni għand l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tefgħet l-applikazzjoni tagħha għand l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali imma s'issa għadha ma kellha l-ebda dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tal-persuna konċernata ġiet mistħarrġa u se tirċievi risposta bil-miktub mid-dipartiment.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li tefgħet applikazzjoni għand l-Awtorità tad-Djar u issa qed tistenna li jinbeda x-xogħol fir-residenza tagħha?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu qed tiġi pproċessata. L-Awtorità tad-Djar qed tiġbor informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikant sabiex jiġi stabbilit jekk jikkwalifikax taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li jikkwalifika għalih.
Jista' l-Ministru jikkonferma li dawk kollha li jaħdmu mal-Gozo Channel bħall-baħħara u kaptani huma kollha biċ-ċertifikati li jistgħu jaħdmu mal-Gozo Channel?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha impjegati mal-Gozo Channel abbord il-vapuri jissodisfaw ir-rekwiżiti kif stabbiliti mill-awtorita kompetenti.