Jista' l-Ministru jara jekk jistax isir reserved parking għall-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li għadu kif ħa l-kura barra minn Malta u jinsab marid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jittella' ċint madwar art privata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li r-residenti ilhom xhur sħaħ jilmentaw imma s'issa għadu ma sar xejn?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sit in kwistjoni huwa kopert minn permess validu tal-iżvilupp (PA 864/06). Wara li ġie ikkuntattjat, l-applikant stqarr li ma setax jagħlaq is-sit minħabba restirzzjonijiet loġistiċi li issa ġew sorvolati. Huwa wiegħed li ser itella l-ilqugħ skond il-kundizzjoni tal-permess fiż-żmien qasir. L-awtorità se tibqa' ssegwi il-każ fejn jekk ma jkunx osservat l-ftehim fiż-żmien stipulat jittieħdu l-passi opportuni skont il-Liġi.
Jista' l-Ministru jara li jerġa' jopera s-servizz tal-karozza tal-linja li kien hemm minn ħdejn iċ-ċimiterju sal-Belt, li qabel kienet ir-rotta numru 11, peress li tkun ta' għajnuna kbira għal dawk li jżuru l-istess ċimiterju?
Response (GATT, AUSTIN)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għaċ-Ċimiterju Maria Addolorata, ninsab infurmat li dan is-servizz jeżisti diġà.
Jista' l-Ministru jara l-applikazzjoni ta' persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u peress li ommha għandha 91 sena u din applikat biex tidħol f'Dar il-Kaptan u tkun tista' tibda tattendi kuljum skola jew day centre? Jista' jara l-każ u din il-familja tiġi kkuntatjata?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna b’diżabilità imsemmija applikat għal servizz ta’ matul il-jum mal-Aġenzija Sapport nhar id-9 ta’ Marzu 2012. L-applikazzjoni tagħha qed tiġi kkunsidrata. Ninsabu infurmati wkoll li l-persuna applikat għal servizz ta’ matul il-jum ġewwa Dar il-Kaptan u l-applikazzjoni tagħha qed tiġi kkunsidrata ukoll.
Jista' l-Ministru jara każ ta' ex pulizija li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament u li dan ħarġulu r-relief fuq il-mara li kien jamonta għall-€77.67 fil- ġimgħa? Jista' jara l-każ peress li anke kellu jieħu xi arrettrati u ma ħa xejn?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-peruna koncernata giet infurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament peress li din qatgħulu r-relief u anke l-allowance u l-anqas m'għadha tieħu l-manteniment mingħand ir-raġel u tinsab bla ebda dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari 33367 dwar l-istess każ. Jiena nfurmat ukoll li l-persuna kkonċernata reġgħet applikat għal għajnuna soċjali u ġiet infurmata dwar il-każ tagħha dwar din it-talba mid-dipartiment. Infurmat wkoll li din il-persuna hija f’kuntatt mal-uffiċċjali tad-dipartiment dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn single parents li jieħdu l-benefiċċju tas-single parent u minn liema lokalità huma?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant n-numru ta' single parents li jieħdu l-benefiċċju hu ta 2938 u huma mqassma f'lokalitajiet kif indikati fuq it-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li għandhom applikazzjoni għal post alternattiv? Mil-liema lokalità huma? Kemm hawn nies li ħadu post tal-gvern mis-sena 2000 'il quddiem? Jista' jgħid meta applikaw u fejn kienu joqogħdu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 2, 410 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva sal-aħħar ta’ Marzu. L-applikanti ġejjin mil-lokalitajiet kif jidher fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Minsitru jara li xi ħadd mill-Awtorità tad-Djar jagħmel spezzjoni fuq saqaf ta' post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li fih qed jidhru l-konsenturi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-awtorità toffri Skema SM f’każijiet bħal dawn. L-inkwilina hija għaldaqstant mitluba tavviċina l-Customer Care tal-awtorità sabiex tapplika.
Jista' l-Ministru jinforma jekk wara li l-gvern Malti kien ġab bejn 80 u 90 mobile homes minn Napli sabiex jintużaw għall-immigranti irregolari li bħalissa jinsabu f'pajjiżna, fejn għalihom kien ħallas €900-il waħda għat-trasport u x-shipping biss, mingħajr ma ħallas xejn għalihom, issa li reġa' għandu l-opportunità li jġib madwar 1,400 mobile homes oħra, fejn għalihom se jerġa' jħallas biss għat-trasport u x-shipping hux se jerġa' jġib dawn il-mobile homes minn Napli bl-istess kundizzjonijiet kif kien sar skont il-ftehim bejn il-gvern Malti u dak Taljan? Jista' jgħid dawn issa minn fejn se jinġiebu u kemm se jiswew lill-Gvern?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ma jeżisti ebda ftehim mal-Gvern Taljan li permezz tiegħu jistghu jinġiebu mobile homes mill-Italja, u dawk li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienu mobile homes second hand li nġiebu xi snin ilu b’arranġamenti ad hoc li saru bejn il-Forzi tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta u tal-Italja. Infurmat ukoll li l-100 mobile homes li nxtraw riċentement bil-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt l-emergency measures tal-Fond Ewropej tar-Refuġjati (ERF) nġiebu mill-Italja wara sejħa għall-offerti u jiswew €889,992 li minnhom sehem il-Gvern kien ta’ 20% u ċioe' €177,998.
Jista' l-Ministru jara li tiġi indirizzata l-problema tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li jidher li hemm żball ta' €1000 fil-kont tad-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha madwar ħames ġimgħat ma tieħu r-relief u issa dieħla tagħmel operazzjoni l-isptar mingħajr m'għandha l-ebda dħul finanzjarju?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata dwar ħlasijiet ta’ għajnuna soċjali (SAB) dovuti permezz ta’ ittra.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jbati mid-dimensja u għalkemm applika biex jidħol f'dar tal-anzjani jew fir-Residenza San Vinċenz de Paul, għadu bla risposta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ma rċieva l-ebda applikazzjoni għall-Ammissjoni fid-Djar tal-Anzjani jew fir-Residenza ta’ San Vinċenz minn għand l-anzjan li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jara jekk l-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux qed jieħu l-pensjoni li ħaqqu peress li din mhux qed tirrifletti l-bolla li kien iħallas?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li għandhom s-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek? Kemm ilhom b'dan is-servizz? Liema huma l-lokalitajiet li għad m'għandhomx dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi speċjali li l-gvern kien ta bħala għajnuna għall-kunsilli lokali? Min kienu dawn il-kunsilli? Kemm talbu huma? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li talbu fondi speċjali u l-gvern ma laqgħax it-talba tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 il-Gvern għadda €565,000 lil 20 kunsill lokali permezz tal-iskema Fondi Speċjali għal Lokalitajiet bi Bżonnijiet Speċjali. Intant matul l-2010 il-Gvern għadda €538,000 lil 25 Kunsill Lokali taħt l-istess skema. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba i.e. lista tal-kunsilli lokali li bbenefikaw u kemm talbu oriġinalment għas-snin 2009 u 2010 kif ukoll lista ta’ kunsilli lokali li applikaw iżda ma bbenefikawx mill-iskema għas-snin 2009 u 2010.
Attachments:33609 - Tabella B - Ghajnuna.xls33609 - Tabella A Ghajnuna.xls
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tas-sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li talab biex jifdi ċ-ċens ta' post li qabel kien każin?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li dan l-aħħar saru kuntatti bejn id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u s-sinjur li d-dettalji dwaru ntbagħtu separtament sabiex it-talba tiegħu tkun tista’ tiġi proċessata.
Jista' l-Ministru jara li l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienu ħadulha r-raba xi 30 sena ilu fejn infetħet triq ġewwa l-Gudja (tal-Ħofra), tingħata l-kumpens mistħoq?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-informazzjoni li ngħatat separatament, mhux possibbli li mir-records tad-dipartiment, tiġi identifikata l-art li ġiet użata biex tinfetaħ triq fil-Gudja (tal-Ħofra) u li s-sinjura anzjana hija s-sid tagħha. Ta’ min jgħid li mhux possibbli li jinżamm record tas-sidien ta’ l-art li ttieħdet mill-gvern peress li diversi drabi dawn ma jkunux magħrufa l-aktar għar-raġuni li s-sidien tal-art ivarjaw matul is-snin minħabba wirt jew bejgħ tal-art. Għalhekk, l-anzjana li d-dettalji tagħha ngħataw separatament għandha tibgħat site plan tal-art in kwistjoni fid-Dipartiment biex il-każ tagħha jkun jista' jiġi ttratat. F’każ li dan huwa difficli għaliha, tista' tibgħat persuna ta’ fiduċja tagħha fid-dipartiment li jkun kapaċi jiddentifika l-art tagħha.