Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li qed jaqtgħulha xi flus li hija ħadet żejda u tixtieq li jkollha spjegazzjoni peress li qed issostni li hemm xi żball?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Pjanijiet għal tibdil tal-post minflokk ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 34675 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: Jista' jgħid x'inhuwa l-pjan fejn qabel kien hemm ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34824 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33468, jista' l-Ministru issa jara li l-anzjana li d-dettalji dwarha (flimkien ma' site plan) qed jingħataw separatament, li kienu ħadulha r-raba xi 30 sena ilu fejn infetħet triq ġewwa l-Gudja (tal-Ħofra), tingħata l-kumpens mistħoq?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34824.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33781, jista' l-Ministru jara li s-sinjura tiġi ikkuntatjata mill-ħaddiema tal-ARMS Ltd peress li għadha ma ġietx ikkuntatjata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-konsumatur ġie kkuntatjat fis-16 ta’ April 2012 u ngħata l-informazzjoni kollha relatata mal-każ.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33675, peress li qabel kienet tgħaddi l-karozza 11 u issa anke inbidel l-istage u l-karozza tal-linja ma tgħaddiex minn hemm, jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-bus stop imsemmi ta’ quddiem iċ-Ċimiterju tal-Addolorata tneħħa minn Transport Malta minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Jirriżulta li sabiex in-nies f’dawn l-akwati jużaw l-imsemmi bus stop, kienu qegħdin jaqsmu t-triq arterjali ta’ Vjal Santa Luċija b’konsegwenza li kienu qegħdin jikkawżaw periklu kemm għalihom infushom kif ukoll għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq.
L-eqreb
bus stop
fid-direzzjoni tal-Belt huwa l-
bus stop
li jġib l-isem “ Xwieni”, li jinstab 350 metru 'l bogħod fi Triq il-Labour. L-eqreb
bus stop
fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid iġib l-isem ta’ “ Addolorata”, li jinstab 300 metru 'l bogħod fi Vjal Sir Paul Boffa.
Jista' l-Ministru jgħid meta se toħroġ it-tender biex jitkompla x-xogħol tad-drenaġġ minn Triq it-Terħa Ħal Għaxaq għal ġol-mina ħdejn il-Bank of Valletta peress li x-xogħol jinsab wieqaf skont il-persuna li tatni l-informazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tender ma tistax toħroġ għalissa. Hemm problema kbira ta’ cables taħt l-art fejn irid isir ix-xogħol. Qed tiġi studjata l-mod ta’ kif dan ix-xogħol jista’ jitkompla.
Tista' l-Ministru tara li jingħata l-kumpens ta' flus lit-tim tal-minimoto li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fejn dawn jirrapreżentaw lill-pajjiżna ġewwa Sqallija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Gvern għandu 26 skemi ta’ assistenza li minnhom jistgħu jibbenefikaw dawk l-entitaijiet sportivi li huma reġistrati mall-Kunsill Malti għall-Isport. Il-Kunsill Malti għall-iSport diġa irċieva talba għal assistenza mil-klabb imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Kull talba tiġi aġġudikata fuq il-validita u l-merti tagħha mill-istess Kunsill Malti għall-Isport.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33468, jista' l-Ministru issa jara li l-anzjana li d-dettalji dwarha (flimkien ma' site plan) qed jingħataw separatament, li kienu ħadulha r-raba xi 30 sena ilu fejn infetħet triq ġewwa l-Gudja (tal-Ħofra), tingħata l-kumpens mistħoq?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern qed jagħmel kull ma jista’ biex iħallas kumpens f’każi bħal dan li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament u li ilhom pendenti numru konsiderevoli ta’ snin. Però billi n-numru ta’ dawn il-każi huwa sostanzjali u d-Dipartiment għandu ċertu prioritajiet li jrid jimxi magħhom, mhux possibbli li jħallas kumpens għat-talbiet pendenti kollha immedjatament. Però id-Dipartiment qiegħed jieħu nota tal-każ li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament biex ikun jista’ jipproċedi bil-ħlas tal-kumpens malli jkollu r-riżorsi neċessarji għal dan il-għan. Sadanittant sejra ssir stima riveduta tal-proprjetà in kwistjoni skont it-termini ta’ l-Ordinanza dwar l-akkwist ta’ Artijiet (Kap 88).
Jista' l-Ministru jara li jinħareg iċ-ċekk tar-relief ta' missier b'erbat itfal li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu kif għamel operazzjoni u jinsab bla ebda dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Inteprellant li l-persuna ndikata minnu giet infurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l- Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u ilma tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma joħroġ madwar sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara għaliex l-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kellha 4 siegħat sevizz ta' home help, issa naqsulha dan is-servizz għal 3 siegħat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kellha 4 siegħat fil-ġimgħa approvati. Din il-klijenta kienet approvata sagħtejn fil-ġimgħa fl-10 ta' Lulju 2007 u fuq talba tagħha stess il-Bord ta' Allokazzjoni fl-24 ta' Awissu 2010 approva siegħa fil-ġimgħa addizjonali. Għaldaqstant fil-prezent din il-klijenta qed tibbenefika minn 3 siegħat fil-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru mistoqsija parlamentari 34302 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien hemm ġenituri tul din il-leġislatura li weħlu multi minħabba li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr awtorizzazzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34173.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna separata li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament, peress li kitbet ittra lill-ARMS Ltd biex issir revision tal-kont ta' żmien fejn kienu jgħixu ż-żewġ persuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paul u tinsab taħt lista ta' priorità imma kif jidher f'ċertu dokumenti, hemm każ urġenti li tidħol f'home minħabba li qed taqa ħafna u tbati bid-dimentia?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata sabiex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u b’hekk tpoġġiet fuq il-lista ta’ stennija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34219 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33076, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni li qed jingħataw is-servizz tal-home help fil-lokalitajiet kollha ta' Malta? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti minn persuni li jixtiequ u li għandhom bżonn il-home help u għadhom ma nqdewx minn dan is-servizz importanti? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-preżent qed jibbenefikaw 2,713 households mis-Servizz ta’ Għajnuna fid-Djar f’Malta li jammontaw għal-3,662 benefiċċjarji.
Fil-preżent hemm 89 każ approvat li qed jistennew dan is-servizz.
Il-każ li ilu l-aktar jistenna li jingħata dan is-servizz imur lura għall-10 ta' Ġunju 2011. Dan huwa fil-lokalita’ tal-Qawra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33964, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija koperativa li l-ħaddiema qed jilmentaw li mhux jitħallsu u kull meta l-ħaddiema jgħidu lil ta' fuqhom, jgħidulhom li għadu ma ħax il-fondi mingħand il-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija msemmija mhijiex koperattiva.
Fl-aħħar xhur kienu, u għadhom, għaddejjin diskussjonijiet bejn uffiċjali tal-Ministeru u uffiċjali ta’ din l-entita’. Dawn id-diskussjonijiet huma fuq issues ta’ konformita’ mar-rekwiżiti legali, u dan sabiex ikunu jistgħu jitħallsu fondi nazzjonali u mill-Unjoni Ewropea li jistgħu jgħinu lill-bdiewa. Irrid nenfasizza li dawn il-fondi m’humiex intiżi biex iservu ta’ ħlasijiet lill-ħaddiema.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità — sussidju
Question
Jista' l-Ministru jara li jinħareġ is-sussidju mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità lis-sinjura li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li ċ-ċekk għadu ma waslilhiex?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-individwu gie infurmat b’ittra datata 30 t’April, 2012, sabiex jipproduci l-ircevuta neccessarja sabiex ikun jista’ johrog ic-cekk.
Jista' l-Ministru jara li tinħareġ il-kartuna s-safra tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li ilha xahrejn li applikat u s'issa għadha ma rċeviet xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet kkuntattjata permezz tat-telefon iżda kelmitna t-tifla tiegħu peress li bħalissa huwa indispost. Il-persuna kkonċernata kellha kartuna roża tad-dijabete u saret talba biex tinbidel il-kartuna għal waħda safra. L-Uffiċċju tal-Kartuna s-Safra rċieva applikazzjoni għal din il-kartuna safra fis-16 ta’ Mejju 2012. Din diġà ġiet ipproċessata u ser tintbagħat lill-persuna minnufih.