Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li neħewlha r-reserved parking, liema reserved parking kienet ilha aktar minn ħames snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat
Jista' l-Ministru jara li ssir l-operazzjoni li għandu bżonn l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li ilu jistenna żmien twil?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħed taħt il-kura tas-Sur Esposito.
Saru kuntatti ma’ dan il-konsulent fejn ġie assigurat li l-intervent kirurġiku li għandhu bżonn din il-persuna ser isirlu kif meħtieġ u f’waqtu. Dati speċifici f’każijiet bħal dawn ma jistgħux jingħataw minħabba urġenzi ta’ każijiet oħra. Huwa ilu fuq il-lista ta’ stennija sa mill-2010 u klassifikat bħala każ li mhuwiex urġenti.
Jista' l-Ministru jara li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jirċievi l-kont tad-dawl u l-ilma peress li ilu li għamel it-talba tiegħu lill-Arms Ltd żmien twil?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-pazjent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kellu kanċer fil-frixa u li issa qed jistenna biex jieħu l-kimo?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant giet nviżtata mill-konsulent ikkonċernat fl-20 ta’ Settembru 2012, jiġifieri l-għada li wasslet l-istorja medika fl-isptar Boffa. It-trattament tal-kimoterapija beda fis-27 ta’ Settembru 2012.
Jista' l-Ministru jara li tiġi solvuta l-problema fis-sistema tad-drenaġġ li hemm fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Koperazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet investigazzjoni fil-post u sabet blockage fis-sistema tad-drenaġġ. Dan tneħħa u sar ukoll tindif tal-katusi.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji tas-Servizzi t'appoġġ li huma miftuħa għall-pubbliku li jeħtieġ għajnuna bla appuntament u proċeduri twal per eżempju ċentri Aċċess Qawra, Kottonera, B'Kara, Valletta? X'servizzi hemm miftuħin għall-pubbliku bla appuntament u bla proċess twil ta' referral? Għal kull servizz f'dawn iċ-ċentri aċċess, minn x'ħin sa x'ħin huma miftuħin għall-pubbliku fix-xitwa u fis-sajf? Rigward iċ-ċentri ta' Matul il-Jum għal persuni b'diżabilità, jistgħu persuni b'diżabilità jirrikorru għas-servizz f'dawn iċ-ċentri bla appuntament, meta jkollhom bżonn? Jekk hemm xi servizzi oħra ta' appoġġ fil-komunità, jista' jingħata l-istess dettalji dwarhom?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-Ċentri Aċċess joffru diversi servizzi minn diversi entitajiet u Dipartimenti li wħud minnhom huma bl- appuntament u ħafna oħra huma mingħajr appuntament. Sabiex nagħti eżempju ser insemmi s-Servizzi tal- ETC li sabiex wieħed japplika għall-korsijiet ta’ taħrig b’ xejn jew jingħata lista ta’ xogħlijiet wieħed m’għandux bżonn appuntamenti. Min-naħa l-oħra s-servizzi tas-Sigurtà Soċjali huma wkoll bla appuntament sakemm wieħed ma jkunx mitlub mill-manager jew l-uffiċjali tad-dipartiment sabiex jagħmel kuntatt.
Fiċ-Ċentru Aċċess tal- Birgu wieħed isib l-uffiċċju tal-Awtorità tad-Djar (liema ufiċċju se jkun qed jagħti servizzi tiegħu wkoll fil-Qawra u fl-Imsida) fejn wieħed m’għandux bżonn jagħmel appuntament sabiex jagħmel kuntatt.
Isibu wkoll l-uffiċċju ta’ Smart Kids (fil-Qawra u l-Birgu) u ċ-Ċentru ta’ matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità (fil- Birgu) li joffru servizzi tagħhom fil- Komunità. Iċ-Ċentru AĊĊESS tal-Kottonera joffri servizz ta’ ċentru ta’ matul il-jum għal madwar sittax-il persuna b’diżabilità provdut minn Aġenzija SAPPORT. Hawnekk kull klijent igawdi minn programm li hu mfassal apposta għalih b’tir li jgħin il-persuna tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha, tiżdied l-integrazzjoni fil-komunità, toffri rikreazzjoni xierqa lil- klijent fil-waqt li wkoll joffru ħin ta' serħan lill-familjari ta l-istess klijenti.
Qabel klijent jibda jirċievi dan is-servizz, isiru preparamenti biex naċċertaw li l-programm imfassal ikun jirrifletti sew il-bżonnijiet tal- klijent partikolari. Għaldaqstant, dan is-servizz mhux possibli li jiġi offrut lill-persuni li jgħaddu saċ-ċentru mingħajr appuntament.
Min-naħa l-oħra l-Aġenzija APPOĠĠ toffri diversi servizzi ta’ ħidma soċjali lill-familji u tfal li jkunu għaddejien minn każijiet soċjali li fost oħrajn jikkonċernaw problemi fil-familji, relazzjonijiet, saħħa mentali u fiżika u qagħad. Sabiex l-Aġenzija APPOĠĠ tkun tista' tilħaq iżjed lill-persuni hekk kif dawn jiltaqgħu mal-problema, u għalhekk il-problema ma tilħaqx teskala, tul dawn l-aħħar tnax-il sena l-Aġenzija APPOĠĠ qiegħda toffri s-servizz minn diversi komunitajiet fosthom:
Fil- Komunità tal-Kottonera u l-Kalkara- minn Ċentru AĊĊESS Kottonera
Fil- Komunità tal-Belt Valletta u l- Furjana - minn Ċentru AĊĊESS Valletta
Fil- Komunità tal-Qawra u San Pawl il-Baħar minn Ċentru AĊĊESS Qawra
Fil- Komunità ta’ Birkirkara
U fi ftit granet ohra mill-komunità tal-Imsida minn Ċentru AĊĊESS Msida
Is-servizz tal-Appoġġ offrut minn Ċentri AĊĊESS fost servizzi oħra jinkludu sevizz ta’ Social Workers għal-klijenti Drop In (klijenti li jkunu mingħajr appuntament). F'dawn is-sitwazzjonijiet normalment il-klijent ikun jista’ jibbenefika minn:
· Parir professjonali immedjat,
· Assistenza intensiva f każ ta’ kriżi (Bħal każ fejn individwu jispiċċa bla saqaf fuq rasu)
· Referiment għal servizz ieħor (Eżempju jirreferu klijent li għandu problema minn abbuż ta sustanza, lill-Aġenzija Sedqa)
· F’ Każ li l- klijent ikun jenħtieġ assistenza fit tul, dan jiġi mogħti Social Worker u jagħmel appuntament miegħu/ magħha skond l-urġenza tal- każ u r-riżorsi umani disponnibliu.
Is-servizzi tal-Aċċess huma miftuħin mit-tmienja ta’ filgħodu sa tard fl-għaxija peress li kull entità jista' jkollha l- attivitajiet u laqgħat f’diversi ħinijiet anke wara l-ħin tal-uffiċċju.
Għal aktar tagħrif wieħed jista' jikseb l-informazzjoni billi jżur il-
website
http://www.mjdf.gov.mt
Aġenzija APPOĠĠ topera servizzi fil-komunità fi tliet ċentri tal-AĊĊESS fil-Cottonera, Qawra u l-Belt Valletta.
L-uffiċini tal-APPOĠĠ huma miftuħin:
· Fix-xitwa,
cioè
bejn l-1 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Ġunju, nhar ta' Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa bejn 7.30am u l-5.00pm, waqt li nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis jaħdmu bejn is-7.30am u 2.30pm.
· Fis-sajf,
cioè
, bejn is-16 ta’ Ġunju u t-30 ta Settembru, l-uffiċini huma miftuħin: t-Tlieta u l-Ħamis bejn 7.30am u l-5.00pm waqt li l-bqija tal-ġimgħa bejn 7.30am u 2.00pm.
Ta’ min jgħid li jekk hemm xi kriżi, jew ikun hemm bżonn li l-ħinijiet jinbidlu f’ġimgħa partikulari ghal xi bżonn speċjali tar-residenti, il-ħaddiema għandhom flessibilità fil-ħinijiet biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqdu lill-persuni li ġew bżonn is-servizz.
Il-pubbliku jista' jirrikorri għall-ghajnuna f’kull ħin bejn dawn is-siegħat anke bla appuntament. Jista' jinqala' il-każ fejn il-ħaddiema soċjali ma jkunux jistgħu jaraw in-nies jekk ikunu qed jaqdu dmirijiethom barra mill-uffiċċju.
Ladarba xi ħadd jiġi għall-għajnuna, il-ħaddiem li jara l-individwu jassessja s-sitwazzjoni, u x-xogħol fuq il-każ jibda skont l-urgenza tas-sitwazzjoni, kif ukoll skont in-numru ta’ każijiet li jkollhom il-ħaddiema soċjali f’dak il-mument. B’danakollu, jsir kull sforz biex in-nies ma jdumux jistennew għas-servizz.
Rigward iċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għal Persuni b'Diżabilità, li jaqgħu taħt l-Aġenzija SAPPORT, persuni b'diżabilità ma jistgħux jirrikorru għas-servizz f'dawn iċ-Ċentri bla appuntament. Meta jkollhom bżonn iżda, l-istess aġenzija toffri servizz ta’ Ħidma Soċjali fejn persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn ta’ għajnuna jistgħu jirrokorru għandha bla appuntament jew proċess twil ta’
referral
. Dan is-servizz ta’ Ħidma Soċjali jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-07:30 sal-17:30.
Fir-rigward tas-Servizzi fil-Komunità tal-istess Aġenzija bl-istess mod il-persuna b’diżabilità trid tirrikori għas-Servizzi ta' Ħidma Soċjali.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji tas-servizzi ta' appoġġ li huma miftuħa għall-pubbliku li jeħtieġ għajnuna bla appuntament u bla proċeduri twal per eżempju Ċentri ta' Matul il-Jum tas-Saħħa Mentali? F'liema lokalità jinsabu? Jista' l-pubbliku b'mard mentali jew qrabathom imorru minn jeddhom għall-għajnuna u pariri bla appuntament? Minn x'ħin sa x'ħin? Rigward kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunità, jista' l-pubbliku b'mard mentali jew qrabathom imorru minn jeddhom bla referral għall-għajnuna u pariri bla appuntament? Minn x'ħin sa x'ħin? Il-kliniċi tas-saħħa f'liema lokalità jinsabu u l-ħinijiet tal-ftuħ x'inhu? Rigward iċ-ċentri tal-anzjani ta' matul il-jum, teżisti l-faċilità li anzjani li għandhom bżonn l-għajnuna jaslu jirrikorru f'dawn iċ-ċentri għal għajnuna, informazzjoni u pariri? X'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ għal dan il-għan? Jekk hemm xi servizzi oħra ta' appoġġ fil-komunità, jista' jingħata l-istess dettalji dwarhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li ilu jirraporta ħsarat fit-telephone?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kumpaniji tat-telephones huma kumpaniji privati u għaldaqtstant mhux possibbli li tali informazzjoni tingħata mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-kopja anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li jinsabu morda u għandhom xi ħsarat fil-linja tat-telephone?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li l-kont tad-dawl u l-ilma ġieh għoli pparagunat mas-snin ta' qabel?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijent.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li applikat biex tifdi ċ-ċens imma għadha mingħajr risposta?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi minkejja li l-persuna, li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, kienet applikat biex tifdi ċ-ċens perpetwu rivedibbli tal-proprjetà, hija ma kinitx iċ-ċenswalista rikonoxxuta. Għal dan il-għan hija ntalbet biex tibgħat id-dokumenti neċessarji. Dawn id-dokumenti ntbagħtu u qed jiġu verifikati biex hija tkun tista’ tiġi rikonoxxuta bħala ċ-ċenswalista. Appena jsir ir-rikonoxximent, id-dipartiment ikun jista’ jkompli bil-proċess biex isir il-fidi taċ-ċens.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-injection accasta 5mg solution for infusion zoledronic acid 100ml tistax tingħata b'xejn għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Medicines Entitlement Unit ma rċieva l-ebda applikazzjoni tal-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
Il-Mediċina f’forma ta’ vjali
zoledronic acid
5mg
tinstab disponibbli fil-Formulajru tal-Gvern. Din il-mediċina tingħata bla ħlas lil pazjenti li għandhom:
· Il-marda ta’ Paget’s;
· Osteoporożi assoċjata ma’ kura bi sterojdi għal perjodu twil ta’ żmien minħabba waħda mill- kundizzjoni kroniċi li ġejjin skont il-lista tal-Ħames Skeda:
- Ażżma kronika
- Mard tal-kliewi kroniku
- Mard tal-fwied kroniku
- Mard Pulmonari Ostruttiv Kroniku
- Indeboliment Respiratorju Kroniku
- Fibrożi Ċistika
- Dermatomijosite/Polimijosite
- Mard Infjammatorju fl-Imsaren
-
Lupus Erythmatosus
- Mard ta’ natura Malinja
- Sklerożi Multipla
-
Myasthenia Gravis
- Poliartrite Nodosa
- Polimajalġja Rewmatika
- Artrite Rewmatika
- Artrite seronegattiva
- Sklerożi Sistemika
Jista' l-Ministru jara jekk jistax jiġi stallat lift fi blokk li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li wieħed mir-residenti hu marid?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkwilin huwa ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar sabiex japplika għall-iskema tal-istallar tal-lifts ġo binjiet tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rivedut il-kont tad-dawl u l-ilma tas-sinjura li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li ġie għoli ħafna?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ikollha s-servizz tat-Telecare jaħdem kif suppost?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ għamel kuntatt mal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant biex jara ezatt x’inhi l-problema tas-servizz tat-Telecare. Saru komunikazzjonijiet bejn id-Dipartiment u l-Go biex il-persuna msemmija jkollha s-servizz tat-Telecare jiffunzjona kif suppost mill-aktar fis possibli. Persuni mill-Go marru għand din il-persuna nhar it-Tlieta, 11 ta’ Settembru fejn sabu li kollox kien qed jiffunzjona sew b’hekk l-anzjana għandha s-servizz jaħdem kif suppost.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li applikat għal post alternattiv peress li tgħix ġo żewġt ikmamar?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanti in kwestjoni ġiet ipproċessata mal–applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-applikazzjoni se tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li qed jidħlilha l-ilma fil-post li tgħix fih?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità ħadet nota ta’ din it-talba u ddaħlet fil-programm ta’ spezzjonijiet tas-sezzjoni tal-Manutenzjoni. L-inkwilina hija mħeġġa sabiex fil-futur tinforma minnufih lill-Customer Care tal-Awtorità f’każijiet simili sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni aktar malajr.