Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38157 u jara l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li l-qorti qatet kawża favur din il-familja u qed jistennew mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikazzjoni (PA1498/07) hija ta' tip "outline" u ġiet rifjutata għar-raġunijiet elenkati fid-deċiżjoni datata 15 ta' Jannar 2009. L-applikant għamel appell minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Ippjanar fil-11 ta' Frar 2009. Deċiżjoni mill-Bord ngħatat fid-9 ta' Lulju 2010 u l-appell ġie miċħud. L-appellant intavola appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Appell. Il-Qorti ħassret id-deċiżjoni tal-Bord u rrinvijat lura l-appell lit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Saret seduta fl-14 ta' Frar 2012 u t-Tribunal iddiferixxa l-appell għall-aċċess li ser isir fit-30 ta' Novembru 2012. Għalhekk ma jirriżultax illi l-appellant mhux qed jistenna mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

tneħħija ta' arloġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38281 u 37748 u jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li neħħiet l-arloġġ tad-dawl imma xorta għadha qed tirċievi l-kontijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Fabbriki, lukandi u kumpaniji — qtuħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38375 u 37973 u jgħid kemm hemm kumpaniji, lukandi, u fabbriki li l-gvern qatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma minħabba li ma ħallsux l-kontijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Problemi fuq sussidju

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ħadet xi sussidju però jidher li hemm xi problemi oħra?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata ma għandha l-ebda problema pendenti mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali.

Art mogħtija liċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-klawsoli li fihom lil min ta l-art biex jibda jopera ċ-ċentru għall-ħarsien tal-annimali, kemm ingħata ħlas ta' kera fis-sena? Kemm ingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea? X'kundizzjonijiet il-gvern ta lil min qed jieħu ħsieb dan il-proġett? Kemm huwa obligat li jħallas kull persuna biex tagħmel użu minn dan is-santwarju? Il-gvern jagħti sussidju? Jekk iva, kemm u jekk le, hemm il-ħsieb? Dan jitmexxa b'mod kummerċajli jew b'mod volontarju?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li peress li ċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Animali kien parti minn proġett maħsub mill- Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, nitlob lill-Onorevoli Membru biex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Wires tad-dawl — qawwa tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament peress li qed tilmenta rigward wires li qed jagħmlu ħsara fil-qawwa tad-dawl u mhux l-ewwel darba li qed jinqata' dawl f'daqqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi qed issir investigazzjoni mill-Korporazzjoni Enemalta biex tiġi solvuta l-problema ta’ dan il-klijent. Fil-fatt ġie installat ‘voltage recorder’ biex jiġi iċċekkjat il-vultaġġ tad-dawl. Se jinbidel ukoll il-kejbil tas-servizz elettriku li dieħel f’din ir-residenza minħabba li dan huwa antik ħafna. B’dan tal-aħħar inkunu qed nindirizzaw il-problema tal-qtugħ tad-dawl f’daqqa f’din ir-residenza.

Awtorità tad-Djar — manutenzjoni fuq residenzi

Question

B'referenza għall-iskema li l-Awtorità tad-Djar nidiet din is-sena għall-persuni 'l fuq minn 60 sena sabiex tgħin lil dawn in-nies f'xogħlijiet ta' rranġar u titjib fir-residenza tagħhom, jista' l-Ministru jikkonferma jekk din l-iskema kenitx teżisti bejn is-sena 2009 u s-sena 2011 u għal kemm perjodu damet miftuħa din is-sena? Kemm l-Awtorità tad-Djar qed tistma li se tiswa din l-iskema?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l-iskema msemmija ghall-persuni ‘l fuq minn 60 sena kienet skema gdida, u l-Awtorita’ tad-Djar ma kellhiex skema bl-istess kundizzjonijet bejn is-sena 2009 u s-sena 2011. L-iskema ‘Nirranga d-Dar Tieghi’ giet ippubblikata fit-28 ta’ Mejju 2012 u damet miftuha xahrejn. l-Awtorità tad-Djar qed tistma li din l-iskema tiswa €800,000.

ilment dwar dħul ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li dieħel l-ilma mit-twieqi tal-appartament li tgħix fih?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar toffri skema ghal dan il-ghan. L-inkwilin huwa mheggeg javvicina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar sabiex japplika.

pensjoni fil-bank account

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibda tirċievi l-pensjoni mill-ewwel fil-bank account?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jirċievu l-Għajnuna Soċjali u/jew Pensjoni ta’ l-Eta’ mhux Kontributorja ma jitħallewx jagħmlu l-metodu ta ħlas tagħhom bħala ‘Direct Credit’.

Awtorità tad-Djar — skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta' għotjiet, f'terminu ta' flus, li ġie approvat mill-Awtorità tad-Djar għall-perjodu 1/1/2011 sa 19/11/2011 għall-iskemi ta' sussidju fuq xogħlijiet ta' rranġar u titjib f'residenzi okkupati minn sidien u/jew inkwilini (kemm tal-gvern kif ukoll privat)? Kemm hu l-ammont totali ta' għotjiet, f'terminu ta' flus, li ġie approvat għall-perjodu 1/1/2012 sa 19/11/2012 għall-iskemi ta' sussidju fuq xogħlijiet ta' rranġar u titjib f'residenzi okkupati minn sidien u/jew inkwilini (kemm tal-gvern kif ukoll privat)? Il-figuri t'hawn fuq għandhom jeskludu għotjiet fuq l-iskema ta' għajnuna fuq xogħlijiet ta' strutturi perikolużi f'proprjetà tal-gvern.

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar approvat dawn l-ammonti ta’ ghotjiet ghall-skemi ta’ sussidju fuq xoghlijiet ta' rranġar u titjib f'residenzi okkupati minn sidien u/jew inkwilini (kemm tal-gvern kif ukoll privat), skont il-perjodi msemmija: 2011 = €350,987.02 2012 = €103,085.92* * din iċ-ċifra ma tinkludiex il-fuq minn 100 applikazzjoni li ġiet sottomessa din is-sena taħt din l-iskema u li għad jonqos issir l-ispezzjoni.

Awtorità tad-Djar — sussidju għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta' sussidju li ġie approvat mill-Awtorità tad-Djar għall-perjodu 1/1/2011 sa 19/11/2011għall-persuni b'diżabilità fuq l-iskema li tissusidjahom sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib relatati mad-diżabilità tagħhom fir-residenzi okkupati minnhom? Kemm hu l-ammont totali ta' sussidju li ġie approvat mill-Awtorità tad-Djar għall-perjodu 1/1/2012 sa 19/11/2012 għall-persuni b'diżabilità fuq l-iskema li tissusidjahom sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib relatati mad-diżabilità tagħhom fir-residenzi okkupati minnhom?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar approvat dawn l-ammonti ta’ ghotjiet għall-persuni b'diżabilità taht l-iskema li toffri sussidju sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib relatati mad-diżabilità tagħhom fir-residenzi okkupati minnhom, skont il-perjodu kif imsemmi: 2011 = €152.669.15 2012 = €193,571.82

Fabbriki, lukandi u kumpaniji — qtuħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37973 u jgħid kemm hemm kumpaniji, lukandi, u fabbriki li l-gvern qatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma minħabba li ma ħallsux l-kontijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Sptar Mater Dei — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-customer care tal-Isptar Mater Dei, ikellem lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba l-problema li għandha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ufficjal tal-Customer Care tkellmet mal-pazjenta li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, u l-isptar qed jassigura li l-proċeduri kollha neċessarji jittieħdu biex il-pazjenta tiġi megħjuna fil-problemi tagħha. Ufficjali tal-Customer Care kellmu lill-missier il-pazjenta ukoll.

Applikazzjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni biex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. B’hekk din l-applikazzjoni tqegħdet fil-lista ta’ stennija skont il-mertu tal-każ.

Applikazzjoni għall-children allowances

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li kienet applikat għal children allowances u għadha mhux tieħodhom?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata dwar il-każ tagħha.

Applikazzjoni għal sussidju

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għal sussidju u għadha mingħajr risposta?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna indikata minnu, ma applikat għall-ebda sussidju mid-Dipartiment tas-Sigurta Socjali.

tneħħija ta' arloġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37748 u jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li neħħiet l-arloġġ tad-dawl imma xorta għadha qed tirċievi l-kontijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

sussidju fuq il-kera tat-telefon

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37745 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jara x'ġara mill-applikazzjoni tas-sussidju tal-kera tat-telefon ta' koppja anzjana li d-dettalji dwarha qed jidhru separatamet li minkejja li ilha li applikat tliet xhur għadha bla sussidju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, jirriżulta li kemm skont ir-records fiċ-Ċentru Servizz Anzjan, Valletta, kif ukoll skont ir-records ta` GO plc, l-applikazzjoni ta` din il-koppja qatt ma daħlet fid-Dipartiment. Sussegwentament meta din il-koppja ġew ikkuntattjati, irriżulta li huma minn naħa tagħhom lanqas ma rċievew aknowledgement li normalment jintbgħatu lil kull applikant ġdid. Meta mitluba tagħti l-informazzjoni jekk tafx fejn bgħatet l-istess applikazzjoni għat- Telephone Rebate Service, il-persuna qaltilna li ma tafx lil min u fejn bgħatuha.

Kont tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' kopja anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li damet biex irċeviet il-kont tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.