Msida — Valley Road - Tindif ta' Spralli u Drenaġġ
Question
No question text.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ispralli tad-drenaġġ fi Triq il- Wied l-Imsida jfuru meta tagħmel ix-xita għaliex ħafna djar għandhom l-ilma tal-bjut u btieħi tagħhom mqabbad illegalment mas-sistema tad-drenaġġ.
Il-Korporazzjoni tara li tnaddaf skond il- bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk gallarija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi stat perikoluż u li għandha valur storiku, min għandu d-dritt li jirranġaha jekk hux il-Gvern, jekk hux is-sid jew jekk hux għaqdiet ambjentali biex ma jintilifx il-preġju storiku tagħha?
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' raġel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħadulu s-senter u anke ħamġulu l-kondotta, jkunx jista' jidher quddiem min hu inkarigat biex jagħtih spjegazzjoni ta' x'ġara? Jista' dan is-sinjur jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, giet imressqa l-Qorti fuq diversi akkużi u, b'sentenza tas-7 ta' Frar 2006, hija instabet ħatja u ġiet ikkundannata għall-multa massima ta' sittin lira (Lm60) u konfiska tas-senter Luigi Franchi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-propretarji tal-gabbani ta' Bieb il-Belt għandhom dritt bil-liġi li jarmaw 0.50 cm 'il barra mill-gabbana peress li l-Ġustizzja talbet lis-sidien biex iżarmaw? Jista' jgħidli x'tgħid il-liġi? Kopja ta' dak li tgħid il-liġi qed tidher separatament.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, skont il-kondizzjonijiet tat-Tieni Skeda ta' l-Avviż Legali 1/2006, u b'mod partikolari l-paragrafu 03, li jgħid bl-aktar mod ċar illi l-ispazju li fih jistgħu jitqiegħdu oġġetti barra l-biebien ta' l-istabbilimenti m'għandux jeċċedi 50 ċentimetru, japplika għall-istabbilimenti kummerċjali kollha. Permessi biex sidien ikunu jistgħu jesibixxu materjal oltre minn dan il-parametru, normalment jinkisbu mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Intepellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jidhru separatament, jingħata facilitator peress li dan ġie rakkmandat u żgur li jiswielu ta' ġid għall-futur tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li tweġiba diġa’ ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 338.
L-iStatementing Moderating Panel irċieva l-applikazzjoni għan-nom tat-tifel f’Mejju 2008. Fil-preżent it-tifel qed jingħata l-għajnuna meħtieġa mis-servizzi li diġa’ hemm fil-klassi. Il-ġenituri ser jingħataw appuntament matul dan it-term skolastiku biex jidhru quddiem l-iStatementing Moderating Panel.
Forzi Armati — Intitolati għall-vista ta' l-għajnejn
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Pulizija huma ntitolati għall-vista ta' l-għajnejn u nuċċali b'xejn waqt li l-istess faċilita ma tapplikax għall-Armata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li l-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta huma intitolati għal trattament mediku bla ħlas inkluż dak tal-vista ta’ l-għajnejn. Membri ta’ l-Armata huma intitolati għal nuċċali b’xejn kif jissupplixxi d-Dipartiment tas-Saħħa.
Jidhirlu l-Ministru li huwa abbuż mis-sistema tas-saħħa li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jagħtu somma flus lill-klijenti tagħhom ta' kull jum li joqogħdu in patients fl-isptar governattiv biex dan ma jmurx fi sptarijiet privati? Meta ġew iffissati l-aħħar rati ta' ħlas għal servizzi fl-isptar Mater Dei għat-turisti u n-nies li jħallsu?
Response (DALLI, JOHN)
Dwar l-ewwel parti tad-domanda nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2554.
Ninsab informat li l-aħħar rati ta’ ħlas għal servizzi relatati mal-servizzi tas-saħħa ġew iffissati b’Avviż Legali Nru 201 ta’ l-2004 bit-titolu “Regolamenti ta’ l-2004 dwar Drittijiet għal Kura tas-Saħħa”. Dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.
Tista' l-Ministru tara li tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, u li għandu bżonn facilitator, mill-iskola qalulu li se jdum jistenna. Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ għall-ġid tat-tifel u l-ġeneturi tiegħu jiġu infurmati bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-applikazzjoni mill-iskola għadha ma saritx għaliex għad m’hemmx dokumenti mediċi, fosthom rapport tal-Psikologu. Appena l-iStatementing Moderating Panel jirċievi l-applikazzjoni l-proċess ikun jista’ jibda.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' għajnuna ta' tifla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha bżonn assistenza l-iskola u bħalissa l-każ tagħha jinsab quddiem l-bord?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-applikazzjoni ta’ għajnuna tat-tifla li d-dettalji tagħha jidhru separatament, ġiet reġistrata f’Lulju 2008. Din l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata flimkien ma’ oħrajn bħalha.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' tifla ta' 7 snin , li d-dettalji tagħha qed jitbagħtu separatament, li skond rapport għandha bżonn facilitator? Wieħed jifhem il-bżonn ta' l-edukazzjoni. Jista' jitmexxa l-każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-applikazzjoni mill-iskola għadha ma saritx għaliex għad m’hemmx dokumenti mediċi, fosthom rapport tal-psikologu. Appena l-iStatementing Moderating Panel jirċievi l-applikazzjoni l-proċess ikun jista’ jibda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bint kerrej li ilha għal dawn l-aħħar sentejn toqgħod ma missiera peress li l-ġenituri huma legalment separati, wara li l-kerrej jiġi nieqes, il-kera ddur fuqha u tiġi rikonoxxuta bħala l-inkwinlin bil-probabbilita' li tiġi riveduta l-kera meta l-post jinqaleb għal fuq isimha?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal post proprjeta’ tal-Awtorita’ tad-Djar nitolbu jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ biex tingħata l-għajnuna u l-informazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li l-anzjana li romlot ftit tax-xhur ilu, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma rċevitx l-kera tal-garage, jista' jara li jitmexxa l-każ?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika lil liema Dipartiment jew enitita li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi hu mikri l-garage tal-persuna ndikata.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1945 u1578 u jgħid kemm huwa stmat li ngħataw mediċini lill-immigranti illegali fis-sena 2007 u fl-ewwel 5 xhur ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-mediċini li ngħataw lill-immigranti illegali kienu kif jidher hawn taħt:
Matul l-2007 – 26,754 ewro
Jannar sa Ġunju 2008 – 14,108 ewro
Faċilita' Korrettiva Kordin — Priġunier li għandu bżonn operazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li tinsab fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha bżonn operazzjoni u għalhekk hemm bżonn li tingħata l-importanza li jixirqilha?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-persuna indikata skontat is-sentenza tagħha fit-3 ta' Settembru 2008.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-tul ta' żmien li immigranti illegali mis-Somalia u l-Eritrea jagħmlu fid-detention centre qabel ma jingħataw il-freedom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-policy ta' detenzjoni sa massimu ta' 18 il-xahar tapplika wkoll għall-immigranti illegali li jiddikjaraw li huma mis-Somalia jew mill-Eritrea. Huma jiġu rilaxxati fiċ-ċentri miftuħa jew meta jgħaddi l-perjodu msemmi nkella meta l-applikazzjoni tagħhom għall-istatus ta' refuġjat jew sussidjarju (umanitarju) jiġi rikonoxxut mill-Kummissarju għar-refuġjati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu immigranti illegali mis-Somalia u Eritrea mis-sena 2000 sal-aħħar ta' Awwissu 2008? Kemm għad fadal minnhom Malta illum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' immigranti irregolari li daħlu Malta bid-dgħajjes mill-Eritrea u mis-Somalia bejn is-sena 2000 u l-aħħar ta' Awwissu
2008 huwa kif ġej:-
2000
2001
2002
2003
2004
2005
2006
2007
2008
Total
Eritrea
0
0
334
1
199
372
368
211
98
1583
Somalia
0
0
249
86
533
146
311
613
1266
3221
Ninsab infurmat ukoll li hawn Malta fadal 1666 Somalu u 468 Eritrejan.
Jista' l-Ministru jgħid minn kemm il-pajjiż daħlu immigranti illegali mis-sena 2000 sa' Awwissu 2008? Liema kienu dawn il-pajjiżi? Minn dawn l-immigranti illegali li daħlu Malta mis-sena 2000 sa Awwissu 2008, kemm minnhom kienu rġiel, kemm nisa u kemm minnhom kienu tfal taħt is-16-il sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid li skond ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea kull ħanut irid ikollu l-ispecifications ta' fuq il-prodotti bl-Ingliż? Din tgħodd għall-ħwienet kollha ta' Malta? Hemm xi stabilimenti li jużaw il-lingwa Taljana?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-regolamenti ma jispeċifikawx il-lingwa li jrid ikollu ħanut imma l-lingwa li biha trid tingħata informazzjoni. Din l-informazzjoni s-soltu tingħata permezz tat-tikketta li tkun imwaħħla fuq il-prodott. Ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea jħallu f’idejn l-Istat Membru biex jagħżel b’liema lingwa l-informazzjoni għanda tingħata. F’Malta il-maġġoranza tal-prodotti għandhom ikollhom l-informazzjoni bil-Malti jew bl-Ingliż. Pero’ hemm xi prodotti, bħal pestiċidi, li t-tikketta trid tkun kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Apparti minn hekk, il-prodotti tal-ikel, ħlief dawk li huma maħsuba għat-trabi, u prodotti bħal deterġenti jistgħu jkollhom l-informazzjoni jew bil-Malti, jew bl-Ingliż, jew bit-Taljan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu immigranti illegali mis-sena 2000 sal-lum sena b'sena? Kemm minn dawn ġew ittestjati għal HIV u kemm minnhom instabu pożittivi? Kemm minnhom ġew ittestjati għat-TB u nstabu pożittivi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' immigranti illegali li daħlu Malta bejn is-sena 2000 u l-aħħar ta’ Awissu 2008 huwa kif jidher kif ġej:-
2000
2001
2002
2003
2004
2005
2006
2007
2008*
24
57
1686
502
1388
1822
1780
1702
2223
* Jannar sa Awissu 2008
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard ma jżommx statistika ta’ l-immigranti irregolari li jiġu ttestjati għall- HIV. Skond ma jien informat, jirriżulta li bejn l-2004 (minn meta l-HIV saret marda li t-tobba huma obbligati li jinnotifikaw) u l-aħħar ta’ Awissu ta’ l-2008, ġew notifikati 38 il-każ ta’ HIV f’immigranti irregolari.
Għar-rigward tal-marda tat-TB, id-Dipartiment għandu programm ta’
screening
għat-Tuberkulożi li permezz tiegħu, immigranti irregolari jiġu ttestjati kif jaslu Malta. Għalhekk, bejn l-2000 u l-aħħar t'Awissu ta' l-2008 ġew ittestjati total ta’ 10,587 immigrant irregolari.
Barra minnhekk, immigranti irregolari jiġu ttestjati wkoll meta jiżviluppaw xi sintomi tal-marda tat-TB, kemm waqt li jkunu fiċ-ċentri ta' detenzjoni, kif ukoll wara li joħorġu. Id-Dipartiment pero', ma jżommx rekords ta' dawn it-testijiet.
Ninsab infurmat illi bejn l-2000 u l-aħħar ta' Awissu 2008 ġew rapportati total ta' 98 każ. Dawn ir-rapporti jinkludu każjiiet li ġew identifikati waqt l-iscreening li jsir, kif ukoll minn testijiet li jsiru meta immigranti jiżviluppaw sintomi tal-marda.