Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6254, 5851, 5641, 5353, 4751, 4541, 4369, 4140, 3949, 3741 u 3185 u jgħid kemm huwa t-total li nefaq il-Gvern f'Dar Malta? Kemm nefaq f'delegazzjonijiet li telgħu minn Malta għal Brussell u Lussemburgu relatati ma' xogħol tal-Unjoni Ewropea minn Mejju 2004 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3185.
Divizjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6255 u jgħid kemm kienu l-ilmenti li rċeviet id-Divizjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni bejn Jannar 2007 u Diċembru 2008, sena b'sena dwar ksur tal-liġi dwar il-Kompetizzjoni? Jista' jgħid kemm minnhom ġew investigati u kemm minnhom l-investigazzjonijiet dwarhom ġiet konkluza? X'kienu d-deċiżjonijiet li ttieħdu? Kemm minnhom kieu dwar abbuz ta' dominanza u kemm minnhom kienu dwar ftehim illegali bħal kartelli?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6255.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nies li daħlu mad-detention service bħala casuals telqu ma' l-ewwel jum? Casual officers fid-detention centres għandhom dritt jirrifjutaw li jagħmlu xogħol jew duties mal-immigranti illegali li huma jħossu li huwa ta' periklu għalihom u għal familji tagħhom? X'jiġri jekk dawn jirrifjutaw, bħal per eżempju, meta ġew imġiegħla jidħlu għassa fost immigranti illegali? Jaf l-Ministru li dawn is-suldati u casual officers jirrifjutaw priċinpalment minħabba raġuni ta' mard serju bħala tuberkolożi, HIV, Hepatitis, chickenpox, tropical disease, eċċ.?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi dan l-aħħar kien hemm ħames Uffiċjali Temporanji li, wara biss ftit jiem mill-ingaġġ tagħhom mas-Servizz tad-Detenzjoni, irriżenjaw minn din il-kariga għaliex ma ħassewhomx kompatibbli max-xogħol involut f'dan il-qasam.
Ir-risposta għat-tieni domanda hija fin-negattiv u dan minħabba li l-kundizzjonijiet jiġu mgħarrfa lill-applikanti prospettivi mal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-applikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern li ssir qabel kull ingaġġ.
Jekk xi wieħed minn dawn l-Uffiċjali jirrifjuta li jaqdi dmiru, jista` jintemm l-impieg tiegħu skont l-Artiklu 5 tal-kundizzjonijiet diġa’ msemmija.
Huwa tajjeb li wieħed jgħid li kull Uffiċjal Temporanju, suldat u pulizija li jaħdem fis-Servizz tad-Detenzjoni ikun imlaqqam kontra t-TB, Hepatitis, Polio u Tetanus qabel ma jiġi assenjat lilu xi xogħol ġewwa ċ-ċentri tad-detenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk li ħanut li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, hux mikri jew jekk hux f'idejn il-Gvern? Jekk hu tal-Gvern, jista' jgħid jekk għandux il-ħsieb li jikrih? Jekk iva meta il-Gvern għandu il-ħsieb li joħroġ l-offerta?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.
Jista' l-Ministru jara li tinbidel il-liġi biex aħwa jkunu jistgħu jieħdu ħsieb lil ħuthom bħala carers u għax ikollhom xi flus il-bank dawn ma jingħataw xejn bħala kumpens?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lil-Onor li l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318)jipprovdi li aħwa jkunu meqjusa bħala carers meta jkunu qegħdin iduru jew jieħdu ħsieb ħuthom.
Bħal ma jsir fil-każijiet l-oħrajn kollha fejn tingħata l-għajnuna jew pensjoni tal-Wens, irid isir it-
test
tal-meżżi qabel ma dak li jkun jista jikkwalifika għal din it-tip ta għajnuna.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk is-saqaf tal-klassijiet tal-year 1 u year 2 tal-iskola Primarja ta' Ħal Tarxien huwiex kkundannat? Jekk iva, x'se jsir? Tista' l-Ministru tara li jsir xi rimedju minħabba li tfal tal-year 1-2 ta' l-istess skola biex imorru għall-klassi jridu jgħaddu mil-bitħa b'detriment li meta tkun ix-xita, t-tfal ta' din l-età żgħira jibqgħu imxarbin il-ġurnata kollha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara spezzjoni li saret ma jirriżultax li hemm xi saqaf fl-iskola primarja ta’ Ħal Tarxien li hu kkundannat.
Il-Kapijiet ta’ l-Iskejjel għandhom struzzjonijiet li meta tkun ix-xita ma jħallux it-tfal joħorġu jixxarrbu, la ġo l-iskola u l-anqas barra, imma jistennew sa ma tieqaf.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5881, nixtieq ninforma lill-Ministru li t-triq hija maqlugħa u is-sistema tad-drenaġġ hija antik u għadha bil-katusi u hemm minnha li għadha bil-ġebel (gandott) u hemm spralli u l-ilma tat-triq qed jinżel fil-kantina tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Korporazzjoni Enemalta u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — każ ta' meter tad-dawl u l-ilma
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6093 u 5567 u jara li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jaraw il-meter tad-dawl u l-ilma peress li l-anzjana li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qiegħda tara li dan il-main mhux qiegħed idur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara x'sar minn reserved parking ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li minkejja li applikat it-talba ma ġietx aċċettata? Jista' l-Ministru jivverifika l-każ peress li hija ssostni li nies b'diżabilita' bħalha ħarġulhom l-blue sticker u tagħha ma ħarġitx?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux il-promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta' Malta speċjalment meta l-promozzjonijiet tal-fizzjali ħarġu xi xhur ilu?
X'inhi r-raġuni li suldati li jaħdmu sigħat twal minħabba l-inkwiet li jinqala' mal-klandestini ma jitħallsux extra bħal casual officers li jaħdmu fl-istess xogħol?
X'inhi r-raġuni li l-fizzjali fil-Forzi Armati jitħallsu full incrementmal-ewwel jum li jieħdu l-promozzjoni u rank oħra li jieħdu xi promozzjonijiet jieħdu l-increments tagħhom fuq perijodu ta' numru ta' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-promozzjonijiet li jmiss fil Forzi Armati jinħarġu meta jintemm il-proċess amministrattiv stabbilit.
Ninsab infurmat li l-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta sekondati mal-
Illegal Immigrant Detention Service
huma ntitolati għal allowance speċjali ta’ € 104.82 fix-xahar bħala kumpens għax-xogħol partikolari li jagħmlu. Barra minn dan, huma ntitolati wkoll għal ħlas doppju tal-Ħdud u għal ħlas bir-rata ta’ siegħa siegħa u nofs għal festi pubbliċi bħal membri l-oħra ta’ l-armata.
L-iskali tas-salarji tal-membri kollha tal-Forzi Armati huma bbazati fuq l-iskali 5 u 16 jinħtieġilhom jipprogressaw minn numru ta’
increments
sa ma jilħqu l-
full increment.
Mill-banda l-oħra, kif stipulat, il-fizzjali li qegħdin bejn skala 4 u 2 jitpoġġew fuq skala waħda li m’għandiex
increments.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-Gvern Malti (kollox inkluż) biex żamm, tema, ikkura, opera, nefaq fuq servizz tad-dawl u l-ilma, tiswijiet ta' toilets u showers, tiswija u tibdil ta' fryers u televisions, trasport, li jinkludu wkoll pagi ta' suldati, pulizija, casual officers, fizzjali u nurses mal-immigranti illegali mill-2002 sal-2008 sena b'sena? Min iħallas u f'liema proporzjon għal dan kollu?
Jista' l-Ministru jara għaliex l-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna li tirċievi l-pensjoni għadha ma rċeviet xejn?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-benefiċċji kollha li huma ntitolati għalihom is-single parents? Kemm hemm persuni reġistrati bħala single parents mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ single parents registrati bħala single parents sa l’ 4 ta’ Marzu 2009 kien 2443. Is-single parents huma ntitolati għal dawn il-benefiċċji:
Għajnuna Soċjali
Allowance tat-Tfal
Benefiċċju tat-Tqala
Għajnuna Medika – jekk ikunu jbatu min mard kroniku skond l-iskeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali
Għajnuna tal-ħalib għat-tarbija għall-erbgħin gimgħa mit-twelid tat-tarbija
Benefiċċju ta’ l-Enerġija.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Eden Foundation kellhiex surplus fl-2008? Għaliex din is-sena ma jintużax biex il-ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu l-Eden Foundation tinħelsilhom jew tittaffhielhom il-miżata li jħallsu flok ma tmur biex tiffinanzja fondazzjoni oħra li kellha telf kbir qabel ma din ħadet over l-Eden Foundation?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li skond il-ftehim milħuq mal-Fondazzjoni Eden, il-flus jingħataw għall-programmi speċifiċi, l-Fondazzjoni hija obbligata biss li tibgħat rendikont tal-ispejjeż kollha marbutin ma’ dawn il-programmi. Għalhekk id-Direttorat ma hux f’pożizzjoni li jgħid il-Fondazzjoni ikolliex surplus jew le.
Eden Foundation u Razzett tal-Ħbiberija — joint account
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni tax l-approvazzjoni tiegħu sabiex il-ftehim li kellu mal-Eden Foundation jiġi estiż għal fondazzjoni li issa għandha joint account tal-Eden u Razzett mal-banek?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għandu ftehim mal-Eden Foundation u ma saret l-ebda talba mill-fondazzjoni l-ġdida sabiex dan il-ftehim jiġi estiz għal din il-fondazzjoni.
The Eden and Razzett Foundation — iffirmar ta' ftehim
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru/Dipartiment ta' l-Edukazzjoni iffirmax xi ftehim finanzjarju mal-Fondazzjoni l-ġdida The Eden and Razzett Foundation? Jekk fl-affermattiv, tista' tagħti dettalji? Jekk fin-negattiv, xi ftehim hemm bejn il-Ministeru tal-Finanzi u dawn iż-żewġ fondazzjonijiet separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma sar l-ebda ftehim bejn il-Ministeru jew id-Direttorati għal Servizzi Edukattivi mal-Fondazzjoni Eden u r-Razzett Foundation. Il-ftehim li għandu d-Direttorat huwa mal-Eden Foundation.
Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — użu sew ta' finanzi mill- għaqda/fondazzjoni jew NGO
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri jieħu d-dipartiment biex jassigura li l-finanzi li jingħataw lil xi għaqda/fondazzjoni jew NGO jintużaw biss għal finijiet tal-ftehim li jkun sar bejn id-dipartiment u l-entità li magħha jkun sar il-ftehim?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jassigura li l-finanzi li jingħataw jintużaw biss għal finijiet tal-ftehim billi jintalab rendikont dettaljat u ċertifikat tal-ispejjeż kollha marbuta mal-programmi li huma inklużi fil-ftehim.
The Eden and Razzett Foundation — iffirmar ta' ftehim
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk iffirmax xi ftehim finanzjarju mal-Fondazzjoni l-ġdida The Eden and Razzett Foundation? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji? Jekk fin-negattiv, xi ftehim hemm bejn il-Ministru u dawn iż-żewġ fondazzjonijiet separatament?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Dipartiment tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — użu sew ta' finanzi mill- għaqda/fondazzjoni jew NGO
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri jieħu l-Gvern biex jassigura li l-finanzi li jingħataw lil xi għaqda/fondazzjoni jew NGO jintużaw biss għal finijiet tal-ftehim li jkun sar bejn id-dipartiment u l-entità li magħha jkun sar il-ftehim?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika jekk hux qed jirreferi għal xi miżura speċifika tal-budget jew inkella xi forma ta’ għotjiet li jingħataw lil għaqdiet, fondazzjonijiet jew NGOs.