Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #11772 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dipartiment taqd-Djar — pipe tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir mid-Dipartiment tad-Djar fir-rigward tal-persuna, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li fejn toqgħod hemm pipe li qed iżomm fuqu tankijiet tal-ilma li jinsabu fi stat perikoluż? Jista' jordna li jsiru x-xogħlijiet neċessarji?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #11162 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità korrettiva ta' Kordin — mard mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li għandhom xi marda mentali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 45 priġunier fl-Isptar Monte Carmeli li qed jingħataw kura u attenzjoni f’kull aspett ta’ saħħa skont il-ħteġijiet tagħhom. Infurmat li n-numru ta’residenti li jingħataw kura jvarja kontinwament u dan jgħodd għal kull qasam ta’ saħħa, jiġifieri kura medika, dentali, psikoloġika, psikjatrika, eċċ.
Leg 11 PQ #11163 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Aġenzija Sapport — Staff Turnover

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3282 is-sena l-oħra, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Sapport impjegatx persuni oħra minflok dawk li kienu rriżenjaw bħal, per eżempju, l-psikologa u ż-żewġ occupational therapists li tant huma bżonnjużi biex jaħdmu mal-klijenti tal-Adult Training Centres?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ATC’s qatt ma kien hemm psikologa impjegata magħhom. Għalkemm kien hemm professional support worker li kienet ukoll psikologa, din qatt ma għamlet xogħol ta’ psikologa ma’ l-ATC’s. Informat ukoll li ż-żewġ occupational therapists ikun spjegat ukoll li wara li rriżenjaw it-tnejn li kien hemm, ħadd ma reġa' applika għal dan il-post. Minflok ġew impjegati żewġ professional support workers li qed jaħdmu fuq programmi għall-klijenti.

Sezzjoni tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sezzjoni tad-drenaġġ tieħu ħsieb każ ta' familja li wara x-xita li għamlet, fir-residenza tagħhom daħal kwantità kbira ta' drenaġġ? Jista' jara li jitmexxa l-każ ta' din il-familja li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta' l-individwu konċernat.
Leg 11 PQ #11198 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

De La Rue — żieda mill-agreement ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjan, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li kien jaħdem id-De La Rue u ilu ma jieħu żieda mill-agreement għal dawn l-aħħar tliet snin? Jista' jgħid x'kienu l-aħħar żviluppi fuq it-talba ta' din il-persuna?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li minn investigazzjoni li ghamel id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg jirrizulta li din il-persuna kienet impjegata ma’ De La Rue Currency and Security Print Ltd bejn 30.05.1977 sa 12.03.1997. F’dak li ghandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet tal-impieg, peress li din il-persuna mhix fl-impieg, ma tikwalifikax għal paga jew żieda ta’ paga li tkun stipulata fi ftehim kollettiv.

Bżonn ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' tifel, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għandu bżonn partikolari ta' facilitator? Peress li din it-talba ilha għaddejja tliet snin, tista' tara li dan il-każ jingħata l-importanza meħtieġa? Tista' tagħti l-aħħar żviluppi dwar fiex wasal il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni tat-tifel ġiet reġistrata f’Novembru 2008, u għaldaqstant l-Onor. Interpellant mhux korrett meta jgħid li din it-talba ilha għaddejja 3 snin. Il-ġenituri se jingħataw appuntament matul il-ġimgħat li ġejjin skont kif imiss fuq il-lista tar-reġistrazzjonijiet. Fil-klassi t-tifel diġà qed jibbenifika mir-riżorsi li hemm ċioe żewġ Learning Support Assistants u għandu wkoll arranġamenti għall-eżamijiet.
Leg 11 PQ #11049 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Revenue Security Corps — detention services

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-suldati li kienu mal-RSC (Revenue Security Corps) u kienu mislufin lid-detention services għadhom jaħdmu mad-detention services? X'inhu r-rank ta' dawk li baqgħu jaħdmu mad-detention service u ta' dawk li marru l-RSC?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm membru wieħed biss tar-Revenue Security Corps li għadu misluf lis-Servizz tad-Detenzjoni u dan għandu rank ta' Warrant Officer Class 2. Ir-ranks ta' dawk li marru lura l-RSC kien ivarja bejn Gunner u Surġent.
Leg 11 PQ #11050 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Compound ta' Ħal Far — tiswija fuq spotlights u fences

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu rimedjati n-numru konsiderevoli ta' spot lights maqtugħin u fences imqattgħin li hemm fil-compound ta' Ħal Far?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ħsarat fil-floodlights u l-fences imqattgħin li hemm fil-compound ta' Ħal Far ser jissewwew fil-jiem li ġejjin.
Leg 11 PQ #11051 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Klawsola fil-kuntratt tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Gvern qiegħed jonora l-klawsola fil-kuntratti li tgħid li l-ebda kuntrattur ma jista' jħaddem nies bla ktieb jew f'kundizzjonijiet inferjuri minn dawk stabbiliti mil-liġi? Qed isiru spezzjonijiet speċjalment fejn qed jaħdmu immigranti illegali?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg jagħmlu spezzjonijiet fuq l-antijiet tax-xogħol f’kull tip ta’ settur industrijali fuq bażi regolar u għandhom l-għan li jiġu mħarsa r-regolamenti dwar kundizzjonijiet tal-impieg.. Isiru diversi spezzjonijiet oħra sabiex ikunu nvestigati rapporti ta’ allegat ksur ta’ regolamenti li jiġu għall-attenzjoni tad-Dipartiment jew li dwarhom id-Dipartiment ikun irċieva xi lment. Minn żmiem għal żmien isiru anke spezzjonijiet apposta f’postijiet tax-xogħol li jħaddmu persuni barranin, inkluż immigranti rregolari, sabiex jiġu ċċekkjati li l-kundizzjonijiet tal-impieg huma konformi mal-liġi. F’dawn l-ispezzjonijiet, fost affarijiet oħra, ikunu ntervistati kemm l-imgħallem kif ukoll il-ħaddiema ħalli jkun żgurat li l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti bil-liġi jkunu qed jiġu osservati.
Leg 11 PQ #11052 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Barracks — pellets kontra l-ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba tpoġġew pellets kontra il-ġrieden fil-barracks fejn hemm l-immigranti illegali? Kemm ħallas il-Gvern mis-sena 2008 sal-lum għal dawn is-servizzi? Huwa sodisfatt li x-xogħol qed isir sewwa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab informat illi kull xahar il-kuntrattur jispezzjona l-kaxxi madwar iċ-ċentri fejn jitpoġġew il-pellets kontra l-ġrieden fil-barracks fejn hemm l-immigranti irregolari. Mis-sena 2008 sallum il-Gvern ħallas is-somma ta’ €1910.02 għal dawn is-servizzi. Għar-rigward l-aħħar domanda r-risposta hija posittiva.
Leg 11 PQ #11053 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

dangerous drugs amministrati lill-immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-mediċini kklassifikati bħala dangerous drugs qed jiġu amministrati lill-immigranti illegali mis-suldati b'mod speċjali fil-weekends? X'inhi r-raġuni li tul il-ġimgħa dawn jingħataw mill-MMDNA u fil-weekends mis-suldati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul il-ġimgħa l-mediċini msemmija mill-Onorevoli Interpellant jingħataw lill-immigranti rregolari minn nurses ta' kumpanija privata ingaġġata apposta b'kuntratt biex tipprovdi servizzi mediċi fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni. Infurmat ukoll li fil-weekends ir-responsabbilità taqa' fuq in-nurses tal-MMDNA biex jingħataw dawn l-imsemmijia mediċini.

Diviżjoni tal-Konsumaturi u Kompetizzjoni — professjonisti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' professjonisti ġodda, inklużi avukati u ekonomisti, li ġew ingaġġati mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni dawn l-aħħar sentejn? X'kienu s-salarji li ngħataw lil dawn il-professjonisti? Kemm minnhom għadhom jaħdmu f'din id-diviżjoni u kemm minnhom irriżenjaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar sentejn id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ingaġġat tnax-il professjonista u huma mqassmin kif ġej: Erba’ avukati fuq salarju massimu ta skala 5, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju u performance bonus sa massimu ta’ 10%; Avukat fuq massimu ta’ skala 7, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju; Żewġ avukati fuq skala 8, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju; Żewġ avukati fuq massimu ta’ skala 9, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju; Senior Manager (Pharmaceutical Surveillance) fuq massimu ta’ skala 5, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju u performance bonus sa massimu ta’ 10%; Żewġ ekonomisti fuq skala 10. Minn dawn hemm jaħdmu disa' u kien hemm żewġ riżenji.
Leg 11 PQ #11043 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Polyclinics — spiża tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-Gvern biex żamm il-polyclinics ta' Raħal Ġdid, Furjana u Mosta miftuħa fil-ħinijiet ta' bejn is-7.00am u t-8.00pm kuljum fix-xahar ta' Lulju u Awwissu?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ispiża medja biex iċ-Ċentri tas-Saħħa li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant inżammu miftuħa bejn is-7.00 a.m. u t-8.00 p.m. kuljum fix-xahar ta’ Lulju u Awwissu huma kif ġej: Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana: €3156 kuljum Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta: €3184 kuljum Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid: €3459 kuljum Dawn ma jinkludux il-bonuses u special allowance.
Leg 11 PQ #11044 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Far u Ħal Safi — barracks - air conditioners

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ma twaħħlux air conditioners fil-barracks ta' Ħal Far meta twaħħlu air conditioners fil-barracks ta' Ħal Safi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi din is-sena twaħħlu Air Conditioners fil-barracks ta’ Ħal Safi filwaqt li s-sena d-dieħla hu ppjanat li jitwaħħlu Air Conditioners Ħal Far. Dan minkejja li fil-barracks ta’ Ħal Far hemm Air Conditioners fil-kmamar fejn jistrieħu dawk is-suldati li jkunu għassa kif inhi l-prassi fil-barracks kollha ta’ l-Armata.
Leg 11 PQ #11045 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Infromazzjoni dwar sentries

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija u suldati għassa fis-sentries madwar Malta? Fejn u ma' min huma stazzjonati? X'inhu d-daqs ta' sentry u jekk humiex kollha tal-istess daqs? X'faċililtajiet hemm f'kull sentry?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hemm 14 il-point fejn issir għassa statika mill-Pulizija. Bħalma diġà kelli l-okkazzjoni ngħid, mhix il-prassi li jingħata tagħrif dwar miżuri ta’ sigurtà li jittieħdu mill-awtoritajiet meta u fejn ikun meħtieġ. Infurmat ukoll illi fejn din l-għassa tkun fuq bażi ta’ 24 siegħa, il-Korp jipprovdi sentry box li d-daqs tagħha huwa wieħed standard ta’ ċirka 96.2 x 96.5 x 243.84cm. Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza, li sentry box hija limitata ta’ x’faċilatijiet jista jkollha.
Leg 11 PQ #11046 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħal Far — barracks - immigranti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm immigranti fil-barracks ta' Ħal Far?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 118-il immigrant fil-barracks ta' Ħal-Far.
Leg 11 PQ #11047 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fossa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba fil-ġimgħa titbattal il-fossa tad-drenaġġ tal-Barracks ta' Ħal Far u kemm hija l-ispiża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul il-perjodu Jannar-Settembru 2009, il-fossa tad-drenaġġ tal-Barracks ta’ Ħal Far kienet titbattal għal medja ta’ tmintax (18)-il darba fil-ġimgħa. Il-medja ta’ kull vjaġġ kien jiswa’ €25.70. Mid-19 ta’ Settembru 2009, iż-żewġ fosos li kien hemm Ħal Far ingħaqdu man- network ċentrali tad-drenaġġ wara li tlesta proġett tal-AFM sabiex ikunu jistgħu jiġu iffrankati l-ispejjeż tat-tbattil.
Leg 11 PQ #11048 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

nies li żaru l-polyclinics

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies marru l-polyclinic ta' Raħal il-Ġdid mit-8.00pm sat-8.00am mit-13 ta' Lulju sat-13 ta' Awwissu jum b'jum?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11037 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Cardiac MRI

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jġib cardiac MRI?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm il-ħsieb li tinxtara Cardiac MRI. F’dan ir-rigward il-management tal-Isptar Mater Dei talab biex jiġu provduti fondi fl-estimi tas-sena d-dieħla.
Leg 11 PQ #11038 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Spiża totali ta' mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża totali ta' mediċini li l-Gvern xtara fis-sena 2008 u fl-ewwel 6 xhur tal-2009?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.