Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ biex l-anzjana, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, tiġi trasferita għar-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-anzjana msemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari iddaħħlet fl-Isptar Karen Grech fit-18 ta’ Diċembru 2009. Hija applikat biex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz fil-25 ta’ Jannar 2010 u ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni fil-11 ta’ Frar 2010 b’hekk qiegħdha fil-lista tal-istennija għal din ir-Residenza. Sadanittant fl-1 ta’ Frar 2010 hija ġiet trasferita mill-Isptar Karen Grech għall-Dar tal-Anzjani privata fuq l-Iskema ta’ Partnerarjat Privat mall-Gvern.
Leg 11 PQ #14925 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema ta' sussidju fuq ta' irranġar ta' gallariji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W27, issa li għadda sew iż-żniem, jista' l-Prim Ministru jara li jinħarġu l-flus tas-sussidju tal-gallariji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15104.

Post tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jara fejn wasal il-każ ta' single parent, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li applikat għall-post tal-Gvern peress li tgħix fi stat mhux aċċetabli? Jista' jara li jitmexxa l-każ ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni tal-persuna indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn bħalha.

operazzjoni tal-katarretti — spiża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14594 u 14307 u jgħid kemm tiswa operazzjoni tal-katarretti lill-Gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-eżercizzju tal-costings wasal fl-aħħar stadji u għalhekk t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14593 u 14300 u jara li jerġa' jitmexxa l-każ tal-famlija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għadha tinsab bla dawl anke wara li diġà żaruha uffiċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Laboratorji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14588 u 14311 u jgħid kemm swew lill-Gvern il-laboratorji tal-Isptar Mater Dei fis-sena 2009?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li il-laboratorji tal-Isptar Mater Dei swew lill-Gvern €8,245,528 fis-sena 2009. Din il-figura tista’ tinqasam hekk: € Salaries Basic 3,497,849 Overtime 317,693 Allowances 1,212,400 Bonus 35,996 N.I. 320,367 Materials and Supplies Medical Materials - Specials 2,769,346 Medical Materials - Conjoints 2,537 Medical Materials - Disposables 50,856 Medical Materials – Infection Control 1,765 Pharmaceuticals 1,391 Provisions 5,288 IT Supplies 16,794 Engineering 13,246 Total €8,245,528

Sptar San Luqa — ħlas ta' maintenance

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14589 u 14312 u jgħid kemm kien l-ammont totali li l-Gvern ħallas bħala maintenance fl-Isptar San Luqa fis-sena 2006?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ispiża totali kienet: Repair & Upkeep Euro 751, 882 Labour costs, Engineering & Biomedical Engineering Depts Euro 1,088,036

Sptar Mater Dei — Gamma scans

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14585, 14190, 13720, 13623, 13461, 12946 u 12643 u jgħid: a) kemm hemm gamma scans fl-Isptar Mater Dei? b) kemm huwa l-potenzjal li tagħmel scans kull magna f'ġimgħa? ċ) kemm saru scans kull ġimgħa fix-xahar ta' Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2009? d) kemm iqum kull scan lill-Gvern b'kollox inkluż? e) kemm jiċċarġja lill-barranin mhux intitolati għal sptar b'xejn ta' kull scan (peress li jsiru diversi scans) u jagħti lista ta' charges jew average charges? Jista' jirrispondi kull mistoqsija individwalment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li : a) Ma jeżisti l-ebda apparat li jismu gamma scan . Iżda, fl-Isptar Mater Dei, hemm żewġ gamma cameras . b) Din il-mistoqsija ma tistax titwieġeb għaliex il-ħin li hemm bżonn għal kull scan ivarja minn 10 minuti għal iktar minn siegħa. c) L-iscans li saru fix-xhur imsemmija huma: Lulju 2009 356 Awwissu 2009 341 Settembru 2009 270 Ottubru 2009 330 Matul is-sena 2009, in-numru ta’ scans żdied b’25% fuq in-numru li saru fis-sena 2008. Infatti, m’hemmx waiting list għal dawn il-proċeduri ħlief dawk tal-qalb, fejn hemm waiting list ta’ tliet xhur u nofs. d) Id-direzzjoni tal-FMCU hija li informazzjoni dwar kemm iqum servizz lill-Gvern ma għandiex tingħata f’dan il-mument. e) Il-lista ta’ charges lill-barranin mhux intitolati għas-servizzi b’xejn għal kull tip ta’ scan hija kif ġej: GAMMA BONE SCAN €582.34 GAMMA HIDA OR DISHIDA SCAN 582.34 GAMMA KIDNEY DTPA + CAPTOPRIL 582.34 GAMMA KIDNEY DTPA 582.34 GAMMA KIDNEY DMSA 582.34 GAMMA LABELLED RBC SCAN 582.34 GAMMA LUNG SCAN 582.34 GAMMA MIBG ISOTOPE SCAN 582.34 GAMMA MYO. PERF. SCAN-STRESS 582.34 GAMMA MYO.PER.SCAN-STRESS+REST 489.17 GAMMA THYROID SCAN 582.34 GAMMA V.Q. SCAN (PROCEDURE) 582.34 GAMMA V.Q. SCAN 582.34

Sptar Mater Dei — ħlas pagi, allowances u overtime lin-nurses

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14586 u 14309 u jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern ħallas bħala pagi, allowances u overtime għan-nurses ta' kull kategorija fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2009? Kemm minn dawn in-nurses kienu ta' nazzjonalità mhux Maltija u kemm ħallas il-Gvern lil dawn in-nurses bħala akkomodazzjoni u allowances oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab hawn taħt : Sena 2009 Pagi Allowances Overtime € 17,970,252.5 € 8,521,344.65 € 1,371,114.53 Minn dawn in- nurses , l-ammont ta’ dawk barranin huwa ta’ sebgħa u ħamsin (57). Il-Gvern ma ħallas xejn lil dawn in- nurses bħala akkommodazzjoni jew allowances oħra.

Sptar Mater Dei — Investigazzjoni fuq apparati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14584, 14100, 13625, 13467, 13182, 12940 u 12270 u jgħid kemm tiswa lill-Gvern kull investigazzjoni ta' a) MRI? b) CT? ċ) X-ray?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-eżercizzju tal- costings wasal fl-aħħar stadji u għalhekk t-tweġiba ser tingħata aktar tard.

Kumpens fuq twaqqih ta' post

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14405 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jara li l-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, tingħata l-kumpens dovut fuq post li l-Gvern kien waqqa' fis-snin sebgħin? Jista' l-Gvern jara li jżomm mal-ftehim li kien sar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet se jieħu azzjoni biex jitħallas il-kumpens dovut skont l-Avviż tal-Ftehim li ħareġ fil-21 ta’ Mejju, 1981 lill-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament. Dan l-Avviż ta’ Ftehim jindika li l-art ittieħdet taħt titlu ta’ Pussess u Użu u għalhekk il-kumpens dovut jikkonsisti fi ħlas ta’ kera ta’ akkwist kull sena. Jitħallsu arretrati wkoll mid-data li ġiet okkupata l-art mill-Gvern. ‘Il quddiem, il-Gvern beħsiebu jikkapitaliżża l-kera ta’ akkwist skont il-provedimenti tal-Kap 88.
Leg 11 PQ #14775 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Appell

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' appell tal-persuna, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, għax huma qed jgħidu li min għamel l-appell diġà instema?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ma hux ċar għal xhix qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant meta jgħid li 'min għamel l-appell warajh diġa' instema' għaliex ma jirriżultalix li l-appell instema’. Il-kawżi, u naturalment anki appelli bħal dawn, jiġu appuntati esklussiżavament mill-Qorti rispettiva u jien ma għandi ebda setgħa li nintervjeni kif suġġerit mill-Onorevoli Interpellant fid-diskrezzjoni tal-Qorti f’dan ir-rigward. B’danakollu jien infurmat li l-appell in kwistjoni jinsab appuntat għas-smiegħ fil-25 ta’ Marzu, 2010.

ħlas mill-Gvern Malti lill-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea bħala ħlas għall-kura medika ta' Maltin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14316 u jgħid kemm ħallas il-Gvern Malti lill-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea bħala ħlas għall-kura medika ta' Maltin li kienu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u għamlu użu mill-iskema tal-E111?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fl-aħħar sitt snin, il-Gvern Malti ħallas iċ-ċifra ta’ €453,754.34 lill-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea għall-kura medika ta’ Maltin li għamlu użu mill-karta Ewropeja ta’ l-Assikurazzjoni tas-Saħħa (li sal-2006 kienet magħrufa bħala E111).

ħlas minn gvernijiet tal-Unjoni Ewropea għal kura medika għat-turisti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14315 u jgħid kemm daħħal il-Gvern Malti minn gvernijiet tal-Unjoni Ewropea bħala ħlas għall-kura medika għat-turisti taħt l-iskema E111 fl-aħħar ħames snin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ħames snin, il-Gvern Malti daħħal iċ-ċifra ta’ € 842,291,75 minn gvernijiet tal-Unjoni Ewropeja bħala ħlas għall-kura medika għat-turisti li għamlu użu mill-Karta Ewropeja ta’ l-Assikurazzjoni tas-Saħħa (li sal-2006 kienet magħrufa bħala E111).

Nies li jgħixu Malta imma mweldin barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14324 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn nies joqogħdu Malta u Għawdex u li twieldu barra minn Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Skont iċ-Ċensiment tal-2005, in-numru ta’ nies li jgħixu fil-Gżejjer Maltin u li twieldu barra minn Malta huwa ta’ 24,560 persuna.

ħaddiema tas-sanità — spezzjoni fuq garage

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14317 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara li l-ħaddiema tas-sanità jispezzjonaw il-post li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li minnu ħerġin ħafna ġrieden?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali minn Jannar 2009 qatt ma rċieva lmenti fuq problema ta’ ġrieden fit-triq indikata mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, uffiċjali mill-istess Dipartiment għamlu spezzjoni nhar l-Erbgħa 3 ta’ Frar 2010 fl-indirizz indikat, fejn irriżulta li tali garaxx jintuża bħala maħżen għal affarijiet antiki. Minħabba li l-garaxx kien mimli kompletament kif jixhed ir-ritratt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra (Doc A) sar ftehim mas-sid sabiex it-Tnejn 8 ta’ Frar 2010 isir żbarazzar tal-affarijiet sabiex jagħti aċċess lill-ispetturi tad-Dipartiment biex jispezzjonaw il-parti ta’ ġewwa tal-garaxx. Fil-parti ta’ barra ta’ dan il-garaxx ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ attivita’ ta’ ġrieden. Il-bitħa nterna tal-garaxx imsemmi ġiet spezzjonata minn fuq il-bejt ta’ terzi, u jidher li hemm ħaxix ħażin għoli u diversi oġġetti oħra tal-ħadid (sodod) imdendlin mal-ħajt tal-bitħa interna, kif jidher fir-ritratt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra (Doc B). Uffiċċjal mis-Sezzjoni tar- Rodent Control ta’ l-istess Dipartiment, tefa’ diversi blokok ta’ valenu tal-ġrieden ġo din il-bitħa nterna minn tieqa tal-ġirien bil-kunsens ta’ sidien rispettivi, bħala prekawzjoni. Uffiċjal fi ħdan id-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali reġa’ għamel spezzjoni fil-garaxx indikat fit-8 ta’ Frar 2010 rigward l-ilmenti fuq problema ta’ ġrieden. Waqt l-ispezzjoni mill-istess uffiċjal irriżulta li fl-ebda parti mill-garaxx kif ukoll fil-bitħa tal-istess garaxx ma kien hemm infestazzjoni jew attivita’ ta’ ġrieden. Madankollu it-triq in kwistjoni ser tibqa tiġi sorveljata minn uffiċjali mis-Sezzjoni tar-Rodent Control ta’ l-istess Dipartiment bħala prekawzjoni.

Sptar Mater Dei — ħlas ta' pagi, allowances u overtime għal tobba, konsulenti u speċjalisti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14587 u 14310 u jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern ħallas bħala pagi, allowances u overtime għal tobba, konsulenti u speċjalisti fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2009? Kemm minn dawn it-tobba, konsulenti u speċjalisti kienu ta' nazzjonalità barranija? Kemm ħallas il-gvern lil dawn għal akkomodazzoni u allowances oħra? Dawn kienu eżenti mill-ħlas tal-income tax?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Tobba Pagi Allowances Overtime € 5,816,237.28 € 5,961,547.62 € 0.00 Konsulenti Pagi Allowances Overtime € 3,559,841.24 € 3,726,479.27 € 0.00 Specjalisti Pagi Allowances Overtime € 984,497.69 € 1,530,455.66 € 0.00 Ninsab infurmat li l-ammont ta’ tobba/konsulenti/speċjalisti barranin huwa ta’ disgħa u erbgħin (49), li minnhom 48 kienu speċjalisti u waħda konsulenta. Ma kienx hemm tobba barranin. Dawn tħallsu globalment l-ammont ta’ €159,250.00 bħala allowances għal akkomodazzjoni. Ma kienx hemm allowances oħra. Dawn il-barranin huma eżenti mill-ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul mill-paga.

Talba għal għoti ta' pilloli

Question

Jista' l-Ministru jara li l-individwu li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li huwa boarded out, jingħata l-pilloli Omnic 0.4mg li għandu bżonnhom fuq ordni tal-professur u li jidħlu fis-Schedule 5?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li il-pilloli Omnic® (tamsulosin hydrochloride) m’humiex imniżżlin fuq il-Formularju tal-Gvern, għaldaqstant din il-mediċina ma tistax tingħata lill-pazjenti mingħajr ħlas. Biex mediċina ġdida tidħol fil-formularju tal-Gvern hemm proċess. Il-‘Market Authorisation Holder’ (MAH) jew konsulent jista’ jitlob li l-mediċina tkun inkluża fuq il-formularju tal-Gvern. Mal-wasla ta’ l-applikazzjoni għall-introduzzjoni ta’ mediċina ġdida jitħejja rapport ta’ valutazzjoni teknika mid-Directorate of Pharmaceutical Policy and Monitoring (DPPM). Ċerti kriterji jiġu ikkunsidrati fil-preparazzjoni tar-revizzjoni għall-inklużjoni tal-farmaċewtiċi ġodda fil-formularju. Dawn jinkludu: l-intitolament; l-benefiċċji tal-farmaċewtiċi, il-licensing status, tqabbil tal-farmaċewtiċi ma’ trattamenti alternattivi fuq il-GFL u rakkomandazzjonijiet mill-aġenziji internazzjonali li joffru gwida ta’ rimbors. Issir ukoll evalwazzjoni ekonomika. Din ir-revizzjoni teknika tiġi ppreżentata fil-GFLAC (Government Formulary List Advisory Committee) fi ħdan id-DPPM. Għalhekk huwa il-GFLAC fi ħdan id-DPPM li jirrakkomanda jekk mediċina tiġi introdotta jew le fil-Formularju tal-Gvern. Id-deċiżjoni finali tittieħed mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika skond l-avviż legali numru 58 ta’ 2009.

Sussidju fuq il-ħrieqi

Question

Jista' l-Ministru jara jekk l-anzjan li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li għandu bżonn sussidju fuq il-ħrieqi li biex iġibhom qed ikollu jmur is-Swieqi, jistax jibda jġibhom minn Kordin peress li qed ikollu problema kbira ta' mobilità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fil-każ ta’ l-anzjan saru l-arranġamenti meħtieġa biex il-ħrieqi dovuti lilu jitwasslulu darba kull xahar.

Rebate fuq solar heater

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għamel is-solar heater, applika għar-rebate u għadu qed jistenna biex jingħata dan ir-rebate? Jista' jgħid fiex wasal dan il-każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.