Legislature:
Category:
Reset
Active:

Omm separata bi problemi fil-bini

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' omm separata b'tifel li kellha problemi kbar fil-bini, li dettalji dwarha u r-rapport tal-perit qed jintbagħtu separatament, li kienet talbet lill-Awtorità tad-Djar u dawn ġew mingħajr avviż, ix-xogħol beda jsir mill-privat u ġew jagħmlu insepection u għax sabu l-post bla għamara qed jgħidu li din ma tgħix hemm? Din hija familja bi dħul baxx u allura wieħed jistaqsi jekk jeħdulha l-post fejn se tmur tgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-post li qiegħed issir referenza għalih kien mibni mil-Awtorità u mikri mil-Awtorità lil persuna kkonċernata. L-Awtorità infurmat lill-kuntrattur li kien responsabbli tal-bini bil- ħsarat li l-inkwilina tgħid li hemm jew li kien hemm. L-Awtorità għadha qegħda tistenna' tweġiba min-naħa tiegħu peress li l-kuntrattur għadu responsabli mil-binja. Minn diversi spezzjonijiet f’ħinijiet differenti jirriżulta li l-persuna mhix qiegħdha tagħmel użu mill-fond.

Talba għal facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ għall-ġid tat-tifel ta' tmien snin li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li sena ilu l-familja tiegħu kienet talbet għal facilitator u barra minn hekk għamlet ukoll kura u attenzjoni privata minħabba li dan it-tifel la jaf jikteb u lanqas jaqra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Marzu 2010, il-ġenituri ngħataw appuntament biex jidhru quddiem il-Bord tal-iStatementing fit-23 ta’ Marzu 2010.

Talba għal spezzjoni ta' shaft

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir spezzjoni f'shaft ta' flat sabiex issir manutenzjoni fuq talba tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jipprovdi iktar dettalji, sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.

Talba għal post

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' single parent li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha li applikat ħafna snin sabiex tingħata post u tinsab bla saqaf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta applikat fit-22 ta' Mejju, 2008 u ġiet offruta post alternattiv fit-28 ta' Lulju, 2009 liema post ġie irrifjutat.

Għoti ta' chimo lil pazjenta

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux se jingħata l-chimo 4 in 1 lill-pazjenta li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament meta l-professur ordna dan il-chimo? Jista' jara jekk huwiex se jibgħat il-pazjenta jew iġib dan il-chimo?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li t-trattament għall-pazjenta li jinkludi TVTG (Topotecan, Vinerolbine, Thiotepa, and Gemcitabine) gie approvat fil-11 ta’ Frar 2010 u għalhekk ser jingħata lill-pazjenta mingħajr ħlas f’Malta stess.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14300 u jerġa' jara li jitmexxa l-każ tal-famlija, li aktar dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għadha tinsab bla dawl anke wara li diġà żaruha uffiċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Servizz tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandu jsir f'każ li persuna li tkun ingħatat abitazzjoni tal-Gvern, liema dettalji dwar il-persuna li qed jintbagħtu separatament, tkun tixtieq tapplika għas-servizz tad-dawl u l-ilma, però tiġi rifjutata minħabba kontijiet pendenti tad-dawl u ilma fl-istess fond li mhumiex responsabilità tal-inkwilin il-ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta persuna tingħata abitazzjoni tal-Gvern u fil-fond ikun hemm diġa arloġġi tad-dawl u ta’ l-ilma tkun trid timtela’ l-formula ta’ Reġistrazzjoni tal-Bidla tal-Konsumatur biex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jinqalbu minn fuq l-inkwilin il-qadim għal fuq l-inkwilin il-ġdid. Bħala proċedura tal-Korporazzjoni biex isir dan it-trasferiment ma jridx ikun hemm kontijiet pendenti fuq l-istess fond. F’każ li jkun hemm kontijiet pendenti dawn iridu jiġu mħallsa jew trasferiti fuq kont ieħor ta’ l-inkwilin il-qadim.

Rebate fuq solar heater

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14614 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u u jara għaliex l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għamel is-solar heater, applika għar-rebate u għadu qed jistenna biex jingħata dan ir-rebate? Jista' jgħid fiex wasal dan il-każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-pagament tal-grant fuq ix-xiri ta' solar water heater inħareġ lill-individwu konċernat nhar it-22 ta' Diċembru 2009 fuq ċekk numru 46395.

Chairman tal-Air Malta — bord tal-appell tad-dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li twaqqaf riċentement it-tieni chairmam indipendenti fil-Bord tal-Appell tad-Dixxiplina fl-Air Malta? Dan dejjem skond il-ftehim li l-Air Malta għandha mal-unions li jippreżentaw il-ħaddiema fis-setturi diversi? Min hu dan iċ-Chairman ġdid indipendenti ta' dan il-bord ġdid? Meta sar? Kif sar? X'kienu l-linji gwida? Min kien l-legal advisor fl-Air Malta għar-rigward tal-industrial relations, meta sar dan il-bord?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Flat tal-Gvern — spezzjoni fuq is-saqaf

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir spezzjoni fuq is-saqaf tal-flat tal-Gvern li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li dan jinsab fi stat perikoluż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-inkwilin tal-flat li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġiet l-Awtorita’ tad-Djar nhar it-22 ta’ Frar 2010 fejn irrappurtat li fis-saqaf tat-tromba hemm xi konkrit qiegħed jaqa’ u l-apromorta qegħda twaqqa l-ġebel. Dan il-fond qiegħed mal-lista sabiex jiġi spezzjonat fil-futur qrib

Talba għal post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif tista' tgħin lir-raġel separat li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li spiċċa bla dar u qed jgħix fil-karozza u meta applika għal post alternattiv qalulu li jaqbeż is-somma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li għaliha qegħda ssir referenza m'għandha l-ebda applikazzjoni pendenti mal-Awtorita' tad-Djar. Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid lil din il-persuna sabiex tirrikorri fit-taqsima tal-Customer Care tal-Awtorita' tad-Djar sabiex tingħata informazzjoni ta’ kif tista’ l-Awtorita’ tad-Djar tkun ta’ għajnuna għalih.

Kwestjoni dwar il-Gabbani ta' Putirjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk tal-gabbani hux se jitilqu minn Putirjal? Jekk iva, meta? Se jerġgħu imorru lura Putirjal? Fejn se jmorru meta jitneħħew minħabba l-proġett tal-venda? X'kundizzjonijiet se jkollhom? Kull min għandu gabbana bħalissa se jżomm dan id-dritt? Il-gabbana se joffrihielek il-gvern jew irid jibniha u jagħmilha l-individwu? Se jagħti sussidju f'każ li jinbidlu l-gabbani? Il-gvern se jgħin finanzjarjament fil-ġarr u fit-tpoġġija tal-gabbani f'posthom? Jista' jgħid meta se jibda dan il-proġett u meta se jmorru lura f'posthom? Jekk huwa l-każ, hemm min ġie infurmat bil-mitkub dwar din id-deċiżjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel erba’ mistoqsijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba Nru 14770. Rigward il-kumplament nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għaqda Ażmatiċi Maltin — inhalers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wara li l-Għaqda Ażmatiċi Maltin għamlet rebħa li t-tfal jistgħu jieħdu l-inhaler huma personali u jużawh huma, ġewx infurmati l-Head of Schools b'din id-deċiżjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lil Ministru konċernat.

Sptar Mater Dei — informazzjoni dwar ċesarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistosqijiet parlamentari 14591 u 14314 u jgħid kemm tqum ċesarja (kollox inkluż) lill-Gvern? Kemm saru ċesarji fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2009?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant li l-eżerċizzju tal-costings wasal fl-aħħar stadji u għalhekk t-tweġiba ser tingħata aktar tard.

Sptar Mater Dei — spiża ta' maintenance

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14590 u 14313 u jgħid kemm kien l-ammont totali li l-Gvern ħallas bħala maintenance tal-Isptar Mater Dei fis-sena 2009?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ispiża totali kienet: Repair & Upkeep (materials) € 601,661 Facilities Management Contract € 5,478,382 Maintenance Medical Equip. contracts € 2,133,653 Total € 8,213,696 Labour costs, Engineering & Biomedical Engineering Departments € 2,560,515 Grand Total € 10,774,211

Triq iċ-ċimiterju — bdil ta' one way

Question

Jista' l-Ministru jara x'sar mill-każ ta' bidla fil-one way fit-triq taċ-Ċimiterju, fejn is-Sinjur, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għamel din it-talba u li kien hemm korrispondenza mal-perit tat-traffic management u korrispondenza anke ma' Ms Doreen Busuttil u David Vassallo? Fuq talba tiegħu jixtieq ikun jaf x'inhuma l-aħħar żvillupi.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tagħti l-kunsiderazzjoni meħtieġa lit-talba li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant, u peress li t-triq taqa' taħt ir-responsabiltà tal-Kunsill Lokali, il-Kunsill intalab jagħti l-kummenti tiegħu dwar din it-talba. Transport Malta għada qed tistenna dawn il-kummenti mingħand il-Kunsill Lokali.

Residenza San Vinċenz de Paul — demensia ward

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14611 u jara li jitmexxa l-każ ta' anjzana, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fl-Isptar Karen Grech tistenna biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule fis-sala tad-demensia mill-aktar fis fuq talba tagħha u tal-familja?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-anzjana msemmija f’din il-mistoqsija parlamentari ġiet ammessa fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul fid-29 ta’ Jannar 2010.

Servizz ta' lifter fi Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14610 u jara li jkun hemm is-servizz ta' lifter fis-Sala S4, Ward Green, 3rd Floor, Sptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li hemm preparamenti għaddejja biex jinxtraw numru ta’ patient lifters addizzjonali fl-Isptar Mater Dei, u dan eventwalment b’għotja ta’ kuntratt. Fost is-swali li se jibbenefikaw hemm Surgical Ward 4. Biex temporanjament tissolva dil-problema ġie allokat patient lifter li kien allokat f’sala fejn l-utilizzazzjoni tiegħu ma kenitx bżonnjuza daqstant.

Sptar San Luqa — ċilindri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’sar miċ-ċilindri li kienu jintużaw mill-pazjenti fl-Isptar San Luqa? Dawn inbiegħu u jekk iva, lil min u b’kemm inbiegħu? Jekk inbiegħu, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti u l-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-kumpanija li xtrat dawn iċ-ċilindri?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li ċ-ċilindri mediċinali li kienu jintużaw fl-Isptar San Luqa ġew trasferiti għall-isptar Mater Dei. Oħrajn li ma baqgħux jintużaw ġew irritornati lill-Multigas Ltd. Ma kien hemm l-ebda pagament lill-Multigas Ltd peress li dawn iċ-ċilindri huma proprjetà ta’ Multigas Ltd u kienu mikrija lid-dipartiment mill-istess Multigas Ltd. Għaldaqstant ma sar l-ebda bejgħ ta’ dawn iċ-ċilindri.

Stallazjoni ta' lift

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' kopja anzjana. li dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, li jinsabu fi flat fuq u dawn l-anzjani għandhom problema ta' mobilità u applikaw għall-istallazjoni ta' lift?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar ma sabet l-ebda informazzjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni. L-Awtorità tħeġġeġ il-pubbliku biex jagħmel applikazzjonijiet formali fl-iskema li l-Awtorità għandha għal tal-apposta u din tiġi pproċessata skond ir-regolamenti stabbiliti.