Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontijiet tad-dawl u ilma — imgħaxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li ma jħallsux il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jibdew iħallsu imgħax, allura jekk ikunu ħallsu iktar u fil-kont ikun hemm miktub li għandhom jieħdu, se jagħti imgħax tal-flus żejda li jkunu ħallsu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont il-liġi li tirregola l-provista tad-dawl u l-ilma, m'hemm l-ebda provissjoni mfassla, biex jitħallas xi forma ta’ imgħax lill-konsumatur, ta’ flus żejda li jkunu tħallsu.

kimiċi tal-bozoz energy savers

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk jeżistux xi tip ta' kimiċi fil-bozoz energy savers, liema kimiċi huma valenużi, li jistgħu jkunu ta' detriment għas-saħħa ta' min qed jużahom meta dawk jinkisru fid-dar? Aktar dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #15815 Sitting 204 2010-03-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

allowances tal-assistenti parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Assistenti Parlamentari mal-Ministri li nħatru riċentament hux qed jitħallsu ta' din il-kariga u tax-xogħol li ġġib magħha? Qed jingħataw xi tip ta' allowance? Jekk fl-affermativ, jista' jgħid kemm jammonta dan il-ħlas u ta' xiex qiegħed jingħata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Numru 15499.

servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara li terġa' tiġi reveduta talba ta' anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għal home help li din, fl-età li tinsab fiha, tixtieq li jkollha dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' sinjura, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li l-kont tad-dawl u l-ilma tagħha ġie għoli u meta maret l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalulha li l-problema ġejja mill-ilma? Jista' jinvestiga l-każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-ewwel investigazzjonijiet li saru ma jirriżultax li hemm xi anomaliji fuq dan il-kont. Sa mis-sena 2000 l’hawn il-konsum ta’ l-ilma baqa’ l-istess u ma kienx hemm xi tibdil fil-konsum, pero kien hemm żieda minima fl-aħħar żewġ kontijiet. Għalhekk fil-futur qrib il-KSI ser tagħmel spezzjoni sabiex jiġi assigurat li m’hemm l-ebda rregolarita’ fis-sistema ta’ l-ilma.

servizz ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji fir-rigward tat-tifla, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li skond l-għalliema għandha bżonn facilitator u peress li din hija single parent ma tistax tħallas għall-għajnuna privata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iStatementing Board ma rċieva l-ebda applikazzjoni għan-nom ta’ din it-tifla msemmija.

sussidju għall-kontijiet tad-dawl

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna, li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li għandha problema kronika fil-dawl t'għajnejha u tuża dejjem id-dawl matul il-ġurnata? Din għandha dritt għas-sussidu? Tkun idea tajba jekk xi ħadd immur u jara b'għajnejh il-ġustizzja ta' din it-talba.

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

operazzjoni tal-katarretti — spiża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15326, 14942, 14594 u 14307 u jgħid kemm tiswa operazzjoni tal-katarretti lill-Gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-eżerċizzju tal-costings għadu ma ġiex finalizzat u għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Problema fil-meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-każ ta' l-anzjana ta' 85 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq li xi ħadd tal-Korporazzjoni Enemalta jara l-meter tad-dawl għax meta kienet qed tfarfru weħlet il-biċċa maċ-ċomba u skont hi nqalgħet?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Għaqda Ażmatiċi Maltin — inhalers

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 15300 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk wara li l-Għaqda Ażmatiċi Maltin għamlet rebħa li t-tfal jistgħu jieħdu l-inhaler huma personali u jużawh huma, ġewx infurmati l-Head of Schools b'din id-deċiżjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorati Edukattivi mhumiex infurmati dwar “ir-rebħa” li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għaliha. Jekk jgħaddi aktar informazzjoni, id-Direttorati jikkonsidraw x’għandu jiġi kkomunikat mal-iskejjel.
Leg 11 PQ #15532 Sitting 200 2010-03-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Raħal Ġdid — ilment dwar ġeneratur

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi solvuta l-problema ta' ġeneratur li qed jagħmel ħafna ħsejjes b'inkonvinjent għar-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija mar-residenti tal-inħawi, sar magħruf illi l-ġeneratur li kien qed jintuża għal ventilazzjoni ma' xi tħaffir li qed isir fit-Telgħa ta' Kordin, kien tneħħa xi ħmistax ilu.

Chairman tal-Air Malta — bord tal-appell tad-dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15296 u jgħid jekk hux vera li twaqqaf riċentement it-tieni chairmam indipendenti fil-Bord tal-Appell tad-Dixxiplina fl-Air Malta? Dan dejjem skont il-ftehim li l-Air Malta għandha mal-unions li jippreżentaw il-ħaddiema fis-setturi diversi? Min hu dan iċ-chairman il-ġdid indipendenti ta' dan il-bord ġdid? Meta sar? Kif sar? X'kienu l-linji gwida? Min kien l-legal advisor fl-Air Malta għar-rigward tal-industrial relations meta sar dan il-bord?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta ilu li kellha żewġ chairmen indipendenti tal-Bord ta’ l-Appell tad-Dixxiplina għal numru ta’ snin. Peress li Dr George Abela, li kien wieħed minn dawn iż-żewġ chairmen, meta ġie appuntat President ta’ Malta, inħatar persuna oħra minfloku li hu Dr Martin Fenech. Dr. Martin Fenech ħa post Dr. George Abela li llum huwa l-President ta’ Malta. Il-ħatra ta’ Dr. Fenech saret skont il-provedimenti tal-Ftehim Kollettiv li l-kumpanija għandha mal- unions li jirrrapreżentaw il-ħaddiema fis-setturi diversi. F’dan ir-rigward il-ftehim jgħid li t-tlett membri tal-Bord ta’ l–Appell għandhom ikunu kollha maħtura miċ-Chairman u l-Kap Eżekutiv tal-kumpanija li fosthom ikun hemm Chairman indipendenti u direttur tal-kumpanija. L-Air Malta għandha bħala konsulent legali fuq ir-relazzjonijiet industrijali lil Dr Andrew Borg Cardona. Dr Borg Cardona ilu konsulent legali ta’ l-Air Malta għal numru ta’ snin.

Sptar Mater Dei — informazzjoni dwar ċesarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistosqijiet parlamentari 14944, 14591 u 14314 u jgħid kemm tqum ċesarja (kollox inkluż) lill-Gvern? Kemm saru ċesarji fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2009?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-eżerċizzju tal-costings għadu ma ġiex finalizzat. Għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għalissa. In-numru ta’ ċesarji li saru fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2009 kien 1076. Dan in-numru huwa proviżorju. L-istatistiċi uffiċjali jinħarġu iktar tard matul is-sena.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14593 u 14300 u jara li jerġa' jitmexxa l-każ tal-famlija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għadha tinsab bla dawl anke wara li diġà żaruha uffiċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fuq il-post imsemmi jidher li ma hemm l-ebda qtugħ fil-provista minħabba arretrati ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma peress li l-kontijiet li nħarġu tħallsu regolarment. Dawn il-kontijiet inħadmu fuq qari attwali liema kontijiet jirriflettu konsum kemm fuq id-dawl u kemm fuq l-ilma.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14943, 14593 u 14300 u jara li jerġa' jitmexxa l-każ tal-famlija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għadha tinsab bla dawl anke wara li diġà żaruha uffiċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14943.

operazzjoni tal-katarretti — spiża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14942, 14594 u 14307 u jgħid kemm tiswa operazzjoni tal-katarretti lill-Gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-eżercizzju tal-costings għadu ma ġiex finalizzat. Għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għalissa.

informazzjoni dwar oqbra ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jitħaffru oqbra? Kemm hemm applikazzjonijiet biex jinxtraw l-oqbra mill-pubbliku? Meta se jkunu lesti? Kemm se jkun hemm li mhux se jikkwalifikaw biex jieħdu qabar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Jista’ l-Onorevoli Interpellant jgħidilna għal-liema ċimiterju qiegħed jirreferi, peress li l-gvern huwa responsabbli għal aktar minn ċimiterju wieħed f’Malta u Għawdex.

skemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew l-iskemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn mal-kumpaniji eż. Tarzna, Maltacom, monti, tal-linja, Ship Building , Sea Malta, Korporazzjoni Enemalta, Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ajruport Internazzjonali ta' Malta eċċ., f'dawn l-aħħar 20 sena, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Liċenzja ta' karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saret tiswa liċenzja ta' karozza tal-individwu li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li kellu korrispondenza li kienet tgħid li l-liċenzja kellha tkun ferm inqas milli hija llum? Jista' jagħti spjegazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.