Legislature:
Category:
Reset
Active:

skema tax-xogħol fil-komunità — individwi magħżula

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn dawk li qegħdin fl-iskema tax-xogħol fil-komunità, kemm jiġu magħżula individwi biex jagħmlu 780 siegħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull persuna eleġibbli li tiġi magħżula biex tipparteċipa fl-iskema trid tagħmel 780 siegħa ħidma kull darba li tiġi magħżula biex tipparteċipa fl-iskema. Għal dan m'hemmx preċedenti. Fil-fatt kull parteċipant li matul il-parteċipazzjoni tiegħu jkun jeħtieġlu minħabba xi raġuni valida jassenti ruħu, jrid xorta jaħdem dan il-perjodu wara. Bħalissa fl-iskema hemm 105 parteċipanti liema numru se jiżdied fil-ġimgħat li ġejjin b`numru ta' parteċipanti ġodda.

vouchers tal-benefiċċji tal-enerġija skaduti

Question

Tista' l-Ministru tara kif jista' jirrimedja dwar numru ta' konsumaturi li rċevew il-voucher tal-benefiċċji tal-enerġija u dawn il-vouchers ġew skaduti peress li l-vouchers ġew tard? Tista' tara x'se jiġri u jekk dawn il-vouchers hux se jiġu mġedda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-vouchers tal-Benefiċċju għall-Enerġija jintbagħatu lil min hu intitolat ġimgħa wara li jkun ħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma. Għaldaqstant tajjeb jiġi enfasizzat li l-vouchers qatt ma joħorġu skaduti u għal kuntrarju għandhom skadenza ta’ sitt xhur mid-data tal-ħruġ. Il-benfiċċjarju hu mistenni li juża il-vouchers immedjatament meta jħallas il-kont tad-dawl u l-ilma. Peress li dawn il-vouchers għandhom skadenza ta’ sitt xhur, jekk ma jintużawx mill-benefiċċjarju f’dan il-perjodu ikun hemm il-ħtieġa li dawn il-vouchers jiġu imġedda biex id-dritt għal dan il-benefiċċju ma jintilifx. Li jidher li ġara dan l-aħħar huwa li filwaqt li numru ta’ benefiċċjarji ma kienux sarfu il- vouchers mal-kont tad-dawl u l-ilma kif suppost, fl-istess waqt kien qed isir tibdil fil-process tal-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hekk kif is-sistema l-ġdida tal-kontijiet tlestiet u bdew ħerġin il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, numru ta’ benefiċċjarji ma setgħux isarfu l- vouchers li kienu skadew. B’konsegwenza ta’ dan hemm numru ta’ talbiet pendenti biex vouchers li skadew jiġu imġedda. Biex tilqa’ għal din id-domanda mhux normali, d-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali qed tieħu l-passi neċessarji sabiex it-tiġdid ta’ dawn il- vouchers jiġi ipproċessat malajr kemm jista’ jkun. U għal dan il-għan qed isir proċess kull ġimgħa fejn dawn il- vouchers li ikunu ġew imġedda jintbagħtu lill-benefiċċjarji. Dan il-proċess għandu jkompli sakemm it-talbiet kollha pendenti jitlestew.
Leg 11 PQ #16224 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsumaturi migdumin minn ditti li fallew

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15807 u cioè : Peress li naf b'każijiet ta' konsumaturi li ġew migdumin minn ditti li fallew u dawn il-konsumaturi dehru ukoll quddiem l-Arbitru tal-Konsumaturi u rebħu l-każijiet tagħhom, bħall-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, però dawn baqgħu ma ġewx ikkompensati, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li almenu dawn l-individwi jiġu rifonduri bil-VAT imħallas minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Chairman tal-Air Malta — bord tal-appell tad-dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li twaqqaf riċentement it-tieni chairmam indipendenti fil-Bord tal-Appell tad-Dixxiplina fl-Air Malta? Dan dejjem skond il-ftehim li l-Air Malta għandha mal-unions li jippreżentaw il-ħaddiema fis-setturi diversi? Min hu dan iċ-Chairman ġdid indipendenti ta' dan il-bord ġdid? Meta sar? Kif sar? X'kienu l-linji gwida? Min kien il-legal advisor fl-Air Malta għar-rigward tal-industrial relations meta sar dan il-bord?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15557.

Problema fil-meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-każ tal-anzjana ta' 85 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq li xi ħadd tal-Korporazzjoni Enemalta jara l-meter tad-dawl għax meta kienet qed tfarfru weħlet il-biċċa maċ-ċomba u skont hi nqalgħet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ ġie investigat u l-meter inbidel.

servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara li terġa' tiġi riveduta talba ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għall-home help peress li din fl-età li tinsab fiha tixtieq li jkollha dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija armla ta’ 77 sena. Hija kompletament indipendenti u ma tbgħatix minn xi kundizzjonijiet mediċi li jimpeduwha milli tagħmel xi xogħol domestiku ħafif.

informazzjoni dwar oqbra ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15521, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba dwar iċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata preżentament hemm 4029 applikazzjoni għal xiri ta’ oqbra mill-pubbliku. L-ewwel fażi tal-proġett li tinkludi il-bini ta’ 2,000 qabar inbdiet u bħalissa qegħda fil-fażi tat-tħammil. L-ewwel 2000 fuq il-waiting list ser ikunu jistgħu jixtru l-qabar.

Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta bdietx tosserva d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Elettriku (2009/72/EC)? Jista' jingħata rendikont ta’ minn liema lokalitajiet ġejjin il-familji li spiċċaw bi qtugħ fil-provista tal-elettriku minħabba kontijiet pendenti? Kemm damu l-familji mingħajr il-provista tal-elettriku? Kemm ikollha tħallas familja biex ikollha l-provista tal-elettriku mill-ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta konsumatur ikollu diffikultajiet u jkellimna nippruvaw insibu rimedju li hu ta’ benefiċċju kemm għall-konsumatur u għall-Korporazzjoni. Lista ta’ minn liema lokalitajiet ġejjin il-familji li spiċċaw bi qtugħ fil-provista ta’ l-elettriku minħabba kontijiet pendenti fl-2009 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dak in-nhar stess li jitħallas l-kont pendenti, tingħata lura l-provista ta’ l-elettriku. Il-kont ta’ familja jkun iddebitat b’Euro70 talli tinqata’ l-provista ta’ l-elettriku u jitħallsu Euro 70 oħra biex tingħata l-provista ta’ l-elettriku mill-ġdid.

mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu u x’kienu l-mediċini li fl-aħħar 12–il xahar kienu out of stock mill-ispizeriji tal-gvern? X’alternattiva ingħataw il-pazjenti li kienu intitolati għall-mediċinali li kienu out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-lista ta’ medicini li kienu nieqsa mill-ispiżeriji tal-Isptar Monte Karmeli, tal-Isptar Boffa u tal-Isptar Zammit Clapp / Karen Grech għal xi perjodu matul l-aħħar tnax-il xahar huma kif jidher fit-tabelli annessi. Fil-preżent, fl-ispiżeriji tac-Centri tas-Saħħa, Sptar Mater Dei u San Vincenz ma tinżammx statistika kumulattiva ta’ sena sħiħa peress li l-lista tal-medicini out of stock tinbidel minn ġurnata għall-oħra. Madankollu huwa maħsub li jkun hemm sistema ċentralizzata ta’ ‘ stock management ’ biex inkunu nistgħu nikkontrollaw il-mediċini aħjar u b’hekk inqassmu l-istock madwar l-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa skont id-domanda. Bħalissa, meta jkun hemm mediċini out of stock il-pazjent jiġi offrut dawn l-alternattivi: · Jekk il-mediċina tkun għadha ma marritx out of stock minn spiżeriji tal-gvern oħra, il-pazjent jintbagħat biex jiġbor din il-mediċina minn hemmhekk; · Jekk il mediċina out of stock tkun teżisti f’doża oħra minn dik specifikata fuq ir-riċetta, tingħata din id-doża imma bi kwantita’ li tkun ekwivalenti ma’ dik specifikata fuq ir-riċetta; · Jekk il-medicina out of stock ma tkunx teżisti fl-ebda doża fl-ebda waħda mill-ispiżeriji tal-gvern il-pazjent jingħata mediċina alternattiva skont it-talba tat-tabib.
Leg 11 PQ #15910 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

prezz tal-mediċina

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet biex isiru aġġustamenti fil-prezz tal-mediċina fl-aħħar 12-il xahar? X’tip ta’ sorveljar qed isir fuq il-prezz tal-mediċini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dawn l-aħħar 12-il xahar, id-Diviżjoni għamlet talba għall-aġġustament tal-prezz lit-tnax importatur dwar 160 mediċina. Qed isiru spezzjonijiet fi spiżeriji sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-kompożizzjoni u l-prezz tal-mediċina għall-konsumatur li hemm fis-suq. Fejn jinstab li l-prezz f’Malta huwa ogħla mill-medja ta’ tnax-il pajjiż fl-Ewropa, l-importatur jintalab sabiex jaġġusta l-prezz. L-ispezzjonijiet isiru wkoll sabiex jiġu investigati lmenti dwar prezzijiet imressqa mill-konsumatur.

Sussidju fuq it-telephone

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kellha s-sussidju fuq it-telephone maqtugħ? Jista' jara x'ġara u jirakkmanda lil din il-persuna x'tagħmel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

ilment fuq bozza ta' flat

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi rrangata bozza tal-flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ilhom żmien jagħmlu dan l-ilment minħabba li f'dan il-blokk jgħixu ħafna anzjani u persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tibdil ta’ bozoz fl-appartamenti u fil-partijiet komuni tal-blokki huma responsabbiltà tal-inkwilini stess. L-Awtorità hija responsabbli li tagħmel tiswijiet fis-sistema tad-dawl fil-partijiet komuni fejn ikun hemm ħsarat. Madanakollu, nissuġġerixxi li l-inkwilin iċempel direttament lill-customer care tal-Awtorità tad-Djar biex ikun jista' jingħata aktar dettalji dwar x’għajnuna hija applikabbli.

Problema fil-meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15526 u jgħid fil-każ ta' l-anzjana ta' 85 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq li xi ħadd tal-Korporazzjoni Enemalta jara l-meter tad-dawl għax meta kienet qed tfarfru weħlet il-biċċa maċ-ċomba u skont hi nqalgħet?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15526.

skemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15522 u jgħid kemm swew l-iskemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn mal-kumpaniji eż. Tarzna, Maltacom, monti, tal-linja, Ship Building, Sea Malta, Korporazzjoni Enemalta, Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ajruport Internazzjonali ta' Malta eċċ., f'dawn l-aħħar 20 sena, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlasijiet li saru biex il-ħaddiema tal-Malta Shipyards Limited irtiraw kmieni jew telqu mill-post tax-xogħol tagħhom huwa kif ġej: Skema 2008 Irtirar kmieni permezz ta’ Skema A - €1,248,917 Riżenji volontarji permezz ta’ Skemi B, Ċ u D - €56,255,884 Skema 2003 Irtirar kmieni permezz ta’ Skema A - €611,784 Riżenji volontarji permezz ta’ Skemi B, Ċ u D - €5,177,277 Skema 2002 Irtirar kmieni permezz ta’ Skema A - €1,481,659 Riżenji volontarji permezz ta’ Skemi B, Ċ u D - €11,508,350 Bonuses - €265,549 Total għat-tliet skemi Irtirar kmieni permezz ta’ Skema A - €3,342,360 Riżenji volontarji permezz ta’ Skemi B, Ċ u D - €72,941,511 Bonuses - €265,549 Rigward l-Enemalta, fis-sena 2004 din il-Korporazzjoni nefqet is-somma ta’ €57,070 fi skema ta’ irtirar. Fil-każ tas-Sea Malta, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ma kienx hemm skemi ta’ rtirar. Rigward tal-Linja, tal-Monti u l-Maltacom nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

sinjal ta' no parking quddiem id-dar

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ tal-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li jbati b'diżabilità fl-ispina tiegħu, u jixtieq li jkollu no parking quddiem id-dar tiegħu minħabba l-istess diżabilità, iżda minħabba li dan għandu l-garaxx ħdejn il-bieb, in-no parking li jixtieq ma ġietx aċċettata kemm mill-Awtorità dwar it-Trasport, kif ukoll mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta’ l-individwu konċernat.

Mediċina Ivabradine (Procoralan)

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi inkluża l-mediċina Ivabradine (Procoralan) fi Skeda V u dan biex jiġu mgħejjuna persuni bħal fil-każ li qiegħed jiġi indikat separatament ma' din il-mistoqsija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li preżentament il-pinnoli Procoralan® (ivabradine) m’humiex imnizzlin fuq il-Formularju tal-Gvern. Biex mediċina ġdida tidħol fil-formularju tal-Gvern u tkun tista tingħata b’xejn hemm proċess stipulat. Il-‘Market Authorisation Holder’ (MAH) jista’ jitlob li l-mediċina, f’dan il-kas, Procoralan® (ivabradine), tkun inkluża fuq il-formularju tal-Gvern.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Peress li l-qtugħ fil-provista tad-dawl tal-inkwilin indikat separatament huwa riżultat ta' ħsara fl-istallazzjoni tad-dawl tal-post konċernat u peress li l-Awtorità tad-Djar diġà taf bil-każ, tista' l-Ministru tara li l-każ jitmexxa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-każ għal xogħlijiet fis-sistema tad-dawl tal-persuna li qegħda ssir referenza għaliha ġie approvat u l-ftehim mal-Awtorità tad-Djar ġie ffirmat ukoll fis-17 ta’ Marzu 2010. Huma ngħataw sena żmien minn din id-data sabiex isibu kuntrattur u jagħmlu x-xogħlijiet sabiex ikunu jistgħu jitħallsu. Hekk kif isiru x-xogħlijiet din il-persuna tintalab tibgħat l-irċevuti fiskali sabiex jiġi ċertifikat ix-xogħol sabiex eventwalment tinħareġ l-għotja.
Leg 11 PQ #15807 Sitting 204 2010-03-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

konsumaturi migdumin minn ditti li fallew

Question

Naf b'każijiet ta' konsumaturi li ġew migdumin minn ditti li fallew u dawn il-konsumaturi dehru ukoll quddiem l-Arbitru tal-Konsumaturi u rebħu l-każijiet tagħhom, bħall-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, però dawn baqgħu ma ġewx ikkompensati. Jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li almenu dawn l-individwi jiġu rifonduri bil-VAT imħallas minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Bord li jerġa jara l-każ tal-persuna, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, u tingħata servizz ta' home help li l-istess tabib tagħha ukoll ħass il-bżonn li jingħata dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija xebba ta’ 66 sena li ma jidhirx li għandha problemi ta’ mobilità u l-kundizzjonijiet mediċi tagħha ma jimpeduwhiex milli tagħmel xi xogħol domestiku ħafif fid-dar. Għaldaqstant il-bord huwa ta’ l-opinjoni li fil-preżent m’hemmx urġenza biex jingħata is-servizz tal-Home Help.

Sptar San Luqa — ċilindri

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15134, jikkonferma l-Ministru li dawn ġew trasferiti għall-Isptar Mater Dei? X'inhu l-użu tagħhom meta il-kuntratt ħadu Poligas? Dawk li ġew irritornati lill-Multigas, kienu tal-Multigas jew tal-Gvern? X'ħallas għalihom il-Multigas? Jekk dawn kienu tal-Gvern, għax dawn iċ-ċilindri kienu jinxtraw mill-Gvern, qabel ma ħa tender il-Multigas? Mill-investigazzjoni tad-Dipartiment kemm xtara ċilidri l-Gvern u kemm kellu fuq il-proprjetà tiegħu qabel ma ħa tender il-Multigas? Kemm għandu llum il-Gvern ċilindri proprjetà tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li d-dipartiment ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li ċ-ċilindri mediċinali li kienu jintużaw fl-Isptar San Luqa ġew trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei. Il-Poligas Ltd rebaħ il-kuntratt għal diversi tipi ta’ ċilindri ta’ l-ossiġnu f’Mejju ta’ l-2009 u għalhekk numru ta’ ċilindri ta’ Multigas Ltd baqgħu jintużaw fl-Isptar Mater Dei sakemm inbidel il-kuntrattur. Dan ifisser li kif l-isptar ġie fornut b’ċilindri mill-Poligas Ltd permezz tal-kuntratt il-ġdid, iċ-ċilindri li kienu proprjetà tal-Multigas Ltd u mikrija lid-dipartiment mill-istess Multigas Ltd ġew irritornati u b’hekk ma sar l-ebda ħlas mid-dipartiment lill-Multigas Ltd. Għal ċertu tipi ta’ ċilindri tal-ossiġnu u ċilindri mediċinali oħra, il-Multigas Ltd baqa’ jforni lill-isptar biċ-ċilindri mediċinali sal-lum permezz ta’ kuntratti oħra. Aktar minn għaxar snin ilu kienet ittieħdet deċiżjoni li sa fejn hu possibli il-gvern ma jixtrix ċilindri tal-gass mediċinali iżda jikrihom. Dak iż-żmien il-gvern kellu numru limitat ta’ cilindri li kienu proprjetà tiegħu li kienu nbiegħu lill-Multigas Ltd permezz ta’ kuntratt. Il-gvern għandu 199 cilindri ta’ diversi mediċinali fl-Isptar Mater Dei li huma proprjetà tiegħu.