Jista' l-Ministru jikkonferma li d-Dar tal-Anzjani tal-Gvern tal-Gżira se titwaqqa' u l-anzjani se jintbagħtu l-Isptar San Luqa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda ħsieb li d-Dar tal-Anzjani tal-Gvern tal-Gżira titwaqqa’.
Madankollu id-Dipartiment qed jesplora postijiet oħra fejn ir-residenti ta’ din id-Dar jistgħu jkunu akkomodati, bl-għan li jitjieb is-servizz.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15817, jista' l-Ministru jinvestiga l-każ tal-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li jbati b'diżabilità fl-ispina ta' dahru u jixtieq li jkollu no parking quddiem id-dar tiegħu minħabba l-istess diżabilità, iżda minħabba li dan għandu l-garaxx ħdejn il-bieb, in-no parking li jixtieq ma ġietx aċċettata kemm mill-Awtorità dwar it-Trasport, kif ukoll mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara kif ħmistax ilu anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, irraportat lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jibgħatulha l-meter reader u dan għadu ma ntbagħatx jaqra l-meter?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara li jerġa' jiġi mistħarreġ il-każ ta din il-persuna, li dettalji qed jingħataw separatament, minħabba d-diżabilità li għandu wara inċident gravi li kellu u għaldaqstant hu jħoss li għandu każ ġust?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċedura għall-persuni li ma jikkwalifikawx għall-Blue Sticker hi li huma jiktbu ittra ta' appell, kif hu indikat fl-ittra li l-persuna li hemm referenza f'din il-mistoqsija parlamentari rċeviet mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba il-pilloli Alfa kienu out of stock matul l-2009 u l-2010? Jista' jgħid għaliex qed isseħħ dan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Procurement [Taqsima tas-Saħħa] ma jixtri l-ebda mediċina jisimha ‘Alfa’. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħti l-isem eżatt tal-mediċina li qiegħed jirreferi għaliha sabiex inkun f’pożiżżjoni li nwieġeb il-mistoqsija tiegħu.
Skemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16491 u 16227 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15816, li parti minnha ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid kemm swew l-iskemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn mal-kumpaniji, bħal per eżempju, tal-monti, tal-linja u tal-Maltacom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ispiza ta’ skemi ta' irtirar li rrefera ghalihom l-Onorevoli Interpellant kienet kif ġej:
Skema ta' rtirar mill-Freeport-: €64,058 fl-2005 u €61,460 fl-2007;
Tal-Monti-: €159,463 fl-2007; €726,764 fl-2008 u €333,100 fl-2009;
Tal-linja-: il-ftehim intlaħaq iktar kmieni din is-sena u s'issa ma ntefqux flus.
Maltacom: l-informazzjoni kienet tinzamm mill-entità u peress li din kienet privatizzata l-Gvern m’għandux l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16381 u jgħid kemm kien hawn każi ta' suwiċidji f'Malta u Għawdex mill-ewwel tas-sena 2010 xahar b'xahar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hawn fuq mihiex disponnibli għal raġunijiet mogħtija hawn taħt.
Informazzjoni relevanti
Biex mewt tiġi kkwalifikata bħala suwiċidju, trid issir verifikazzjoni estensiva. Minħabba li ċ-ċertifikat tal-mewt qatt ma jindika li kien suwiċidju, id-Dipartiment ikollu jistenna konferma mingħand il-pulizija kif ukoll rizultati ta’ analizi u awtopsji. Id-Dipartiment ukoll jagħmel ħiltu biex kemm jista’ jkun dijanjozi bħal din tkun ivverifikata sewwa għaliex kaz wieħed żejjed jista’ jitfagħna f’dell ikrah meta tqabbel mal-bqija ta’ l-Ewropa, minħabba li Malta hija zgħira meta mqabbla ma pajjizi oħra. L-informazzjoni li tingħata tinġabar mill-pulizija tkun ibbazata biss fuq iċ-ċirkostanzi tal-mewt għaliex f’ħafna każi l-investigazzjoni tkun għada għaddejja. Għal din ir-raġuni figuri dwar kawzi ta’ mwiet ma tkunx għada finalizzata qabel ikunu għaddew sitt xhur min fuq id-data tal-mewt, ezempju Jannar 2009 jinħadem f’Lulju 2010.
Punt importanti ieħor li wieħed irrid jikkonsidra hu li, minħabba fin-numri zgħar ta’ każi, mhux rakkomandabbli li tinħareg informazzjoni xahar b’xahar għaliex tista’ twassal għal identifikazzjoni u l-ksur ta’ dritt għal privazija tal-persuna kkonċernata u anki tal-familjari tiegħu jew tagħha.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16238 u jara li jitmexxa l-każ ta' enforcement, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fuq talba li saritlu minn numru ta' residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt id-dettalji lill-MEPA għal konsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16268 u jara li wara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed twaqqa' ċ-ċnut tal-għelieqi għal tlieta u erba' filati, issa li qed jiġri huwa li l-għelieqi tal-bdiewa ġew esposti fejn qed jidħlu ħafna ilmenti li dawk li huma mat-triq qed jidħlulhom u jieħdu l-prodotti u anke qed jisirqu pipes u makkinarju tat-tisqija? Jista' jgħid jekk hemmx xi rimedju biex ikollhom xi forma ta' ilquħ u sigurtà?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħitan li qed jitwaqqgħu huma strutturi li jkunu nbnew mingħajr il-permessi meħtieġa u b'mod li jkerrhu l-pajsaġġ u l-ambjent tal-kampanja u jtellfu mill-veduti ta' l-istess pajsaġġ. Minbarra dawn l-impatti, ta' min jinnota wkoll li xi ħitan għoljin ġieli jittellgħu biex warajhom jinħeba żvilupp ieħor illegali, jew inkella huma stess ikunu parti minn xi żvilupp akbar li mhux postu fil-kampanja. F'xi każijiet oħra jista' jkun hemm il-ħtieġa għal xi forma limitata ta' lqugħ jew reċint, iżda dan għandu jitqies bir-reqqa minħabba l-implikazzjonijiet ta' l-istrutturi proposti. Fejn teżisti ġustifikazzjoni xierqa, ix-xogħol għandu jsir bil-galbu, il-ħitan għandhom jinbnew skont is-sengħa tradizzjonali sabiex ikunu jaqblu ma' l-ambjent ta' madwarhom, u l-għoli għandu jkun imrażżan. Għaldaqstant, kull każ jitqies fuq il-merti tiegħu, kemm biex wieħed jagħżel każijiet ġenwini minn oħrajn kapriċċużi jew li jistgħu jagħtu lok għal abbuż, kif ukoll minħabba li mhux kull intervent huwa bilfors tajjeb għal kull tip ta' sit. L-aħħar darba li l-MEPA kienet involuta biex jitbaxxew xi ħitan tal-għelieqi kien f'Jannar ta' 2009.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 16230 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15525, qed jintbagħtu separatament dokumenti u ritratti li juru għaliex din l-omm b'sitt itfal ma kenitx tgħix fil-post minħabba ċ-ċirkostanzi deskritti. Tista' l-Ministru tara li d-dipartiment jikkonsidra dan il-każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-periti tal-Awtorita’ tad-Djar jikkonfermaw li meta dan l-appartament li kien post li kien għadu kif inbena u fi stat ta’ finished kien ġie allokat lill-persuna li isimha qed jidher separatament, fl-2003 dan kien fi stat tajjeb u lest għall-abitazzjoni ħlief għal kamra tal-banju. Il-persuna kienet ingħatat €1,165 sabiex istallat il-kamra tal-banju.
Ta’ min jghid ukoll illi mhux biss l-Awtorità tad-Djar għandha dubji kbar li l-fond mhux qiegħed jintuża iżda ukoll il-persuna mhux qiegħda tħallas il-kera regolari u fil-fatt għandha arretrati ta’ € 2,196.36 fuq il-kera.
Bħalissa l-Awtorità tad-Djar qed tistenna il-kummentti tal-kuntrattur fuq l-istat tal-appartament.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16224 u 15807 u ċioe: Peress li naf b'każijiet ta' konsumaturi li ġew migdumin minn ditti li fallew u dawn il-konsumaturi dehru ukoll quddiem l-Arbitru tal-Konsumaturi u rebħu l-każijiet tagħhom, bħall-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, però dawn baqgħu ma ġewx ikkompensati, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li almenu dawn l-individwi jiġu rifonduti bil-VAT imħallas minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru tal-Finanzi se jevalwa l-implikazzjonijiet legali u finanzjarji tas-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni li huma boarded out u minn liema lokalità? Liema lokalità u distrett għandu l-ogħla rata ta' persuni boarded out? Tista' tgħid kemm bħalissa hija t-talba ta' persuni biex jgħaddu board lokal b'lokal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Persuna li wegġħet fuq il-post tax-xogħol — benefiċċju
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk is-sinjura li dettalji tagħha qed jidhru separatament, li taħdem part-time u weġgħet fuq ix-xogħol, għandhiex dritt tieħu xi benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew mill-kumpanija li timpjegaha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paule minbarra li jħallsu 80% tal-pensjoni, issa qed iħallsu €14.85 għall-Welfare Deptartment? Jekk fl-affermattiv, kemm ilha li ġiet introdotta din il-miżura? X'attivitajiet jorganizzaw tal-welfare?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda bdil fir-rati ta’ kontribuzzjoni għall-Welfare Committee li jħallsu residenti li qegħdin fir-Residenza San Vincenz de Paule. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, dawn il-kontribuzzjonijiet imorru kollha fil-fondi tal-Welfare Committee li jisponsorja diversi inizjattivi u attivitajiet li jsiru b’risq l-anzjani.
Skont il-provvedimenti tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, residenti fir-Residenza San Vincenz de Paule iħallsu kontribuzzjoni tal-Welfare Committee kif ġej:
· 80% (net mit-taxxa) tal-pensjonijiet u
bonus
kurrenti; flimkien ma’
· 60% (net mit-taxxa) ta’ kull dħul ieħor li resident ikollu.
Filwaqt li l-kontribuzzjoni ta’ 80% mill-pensjoni tinqata’ direttament, l-anzjani jagħżlu kif iħallsu is-60% dovuti fuq dħul ieħor. Hemm anzjani li jħallsu is-somma dovuta f’daqqa u oħrajn li jħallsu kontribuzzjoni fix-xahar.
Is-somma ta’ €14.85 fix-xahar li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tirreferi propju għall-kontribuzzjoni fix-xahar li xi resident partikolari hu dovut li jħallas fuq dħul ieħor li dan ir-resident għandu.
Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji fil-każ tal-flats li dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, minħabba li hemm switches tal-komun maħruqin u s-sistema tad-drenaġġ tal-bitħa komuni hija miżduda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
S’issa ma jirriżultax li l-inkwilini li jgħixu fil-blokk imsemmi għamlu talba għal tiswijiet lill-Awtorità tad-Djar. Madanakollu, fil-ġranet li ġejjin għandha ssir spezzjoni minn uffiċjal tekniku sabiex jivverifika u jieħu l-passi neċessarji ħalli jsiru t-tiswijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16226 u 15523 u jgħid kemm saret tiswa liċenzja ta' karozza tal-individwu li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li kellu korrispondenza li kienet tgħid li l-liċenzja kellha tkun ferm inqas milli hija llum? Jista' jagħti spjegazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-każ li qed isemmi l-Onor. Interpellant, l-uffiċjal ta' TM li wieġeb il-mistoqsija tal-klijent indikat minnu interpreta ħażin il-mistoqsija li saritlu u fehem li l-karozza li fuqha kienet qed issir il-mistoqsija kienet reġistrata f'Malta fl-2000 u m' hux kif kien fil-fatt fl-2009.
Minħabba f'din l-interpretazzjoni skorretta, il-klient ingħata informazzjoni li għalkemm korretta fil-fatt ma kinitx tapplika fil-każ tiegħu.
Ninsab infurmat ukoll li t-tariffa fil-fatt applikata hi dik korretta skont il-ligi.
Tajt direzzjoni lil TM biex tirrevedi l-proċessi tagħha biex tassigura li tagħti informazzjoni korretta kull meta hekk tintalab tagħmel mill-publiku.
Skemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16227 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15816, li parti minnha ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid kemm swew l-iskemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn mal-kumpaniji, bħal per eżempju, tal-monti, tal-linja u tal-Maltacom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' suwiċidji f'Malta u Għawdex mill-ewwel tas-sena 2010 xahar b'xahar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar in-numru ta’ każi ta’ suwiċidji f’Malta u Għawdex mill-ewwel tas-sena 2010 għadha qed tinġabar. Matul is-sena 2009 kien hemm 33 każ ta’ suwicidju f’Malta u Għawdex skond ir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-imwiet.
Malta International Airport — charge għall-ajruġlani li jkunu qed jistennew fl-ajruport
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tiċċarġja l-Malta International Airport għal kull ajruplan li jkun qiegħed jistenna fl-ajruport ta' Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi ppublikata fl-avviżi legali relattivi kif ukoll fuq is-sit elettroniku ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fuq www.maltairport.com.