Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' flus li ħareġ id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fis-snin 2007, 2008 u 2009 bħala benefiċċju tal-mard, għajnuniet soċjali eċċ. lill-persuni drogati u/jew alkoħoliċi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ammont ta’ Għajnuna Soċjali lil persuni li jabbużaw mid-droga jew l-alkoħol u li qed jattendu programm ta’ rijabilitazzjoni huwa dan li ġej :
Sena 2007 - EUR 64,205.44
Sena 2008 - EUR 65,919.92
Sena 2009 - EUR 55,201.53
Persuni drogati jista’ wkoll ikunu ntitolati għal xi benefiċċji jew għajnuniet oħra iżda peress li d-dritt għal dawn il-benefiċċji jew għajnuniet ma jiddependix fuq il-fatt li dawn il-persuni huma drogati, mhux possibli li jingħataw figuri dwar kemm minn dawn imorru għal persuni drogati.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-iżviluppi dwar il-kaxxi tal-logħob? Meta se joħorġu l-permessi għall-ħwienet tal-kaxxi tal-logħob li huma pendenti? Kemm ilhom li applikaw? Kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti li qed jistennew li jinħarġilhom il-permess? F'liema lokalità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-regolamenti dwar il-kaxxi tal-logħob għaddew mill-iskrutinju tal-kummissjoni tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri, u issa qegħdin jiġu finalizzati d-direttivi li jridu jinħarġu ai termini ta’ dawn ir-regolamenti.
Bħalissa ma hemm l-ebda applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità kompetenti.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' kopja anzjana li għandha l-karta roża u wara li għamlet sigħat sħaħ l-Arms Ltd biex tara għaliex ma ħaditx il-voucher, qalulha biex tmur is-Social Service u hemm qalulha li hija intitolata għalih għax qatt ma ħadet voucher ieħor? Jista' l-Ministru jara li dan il-voucher jinħareġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji tal-koppja anzjana ġew mogħdija lit-Teżor biex jinħareġ il-voucher mistħoqq lilhom.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana li wara li miet ir-raġel hija mexxiet kollox ma' Arms Ltd biex jinħarġilha cheque ieħor u s'issa għadha ma rċeviet xejn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, se tirċievi ċ-ċekk ta’ l-enerġija fuq tliet persuni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 21154 u jara minn fejn ġejja u jekk jistax isib rimedju għar-riħa kbira ta' gass li qed ikun hemm fl-inħawi tal-Gondolier, Tarxien?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta m’għandha l-ebda stallazjoni jew xi ħażna tal-gass fl-inħawi msemmija. L-operat tal-Enemalta fir-rigward tat-taqsima tal-Gass huwa kkonċentrat kollu kemm hu fl-impjant tal-Qajjenza.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21156 u jara għaliex kont tad-dawl u l-ilma ta' kopja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha ma tirċievih minn Novembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kont tad-dawl u l-ilma tal-koppja anzjana msemmija ma kienx qed jinħareġ minħabba li l-arloġġ ta’ l-ilma kien imwaqqaf u l-kont kellu jiġi rivedut. Il-kontijiet se jibqgħu jinħarġu regolarment.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhu l-futur tal-ħaddiema tal-ground handling fl-Air Malta? Bħalissa qed isiru diskussjonijiet dwar il-futur tagħhom? Jekk iva ma min? Hemm il-ħsieb li jitnaqqsu ħaddiema?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21057 u jara li l-Korporazzjoni Enemalta tinvestiga l-każ fejn persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tħallas il-kont tad-dawl u l-ilma fuq three phase meta d-dawl qiegħed fuq single phase ?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21057.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il proġett li jinvolvi spiża ta' €2.5 miljun u aktar, hemm pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-valur tal-proġett mhuwiex parti mill-applikazzjoni li tirċievi l-MEPA.
Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni Enemalta tinvestiga l-każ fejn persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tħallas il-kont tad-dawl u l-ilma fuq three phase meta d-dawl qiegħed fuq single phase ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata u se jsir tarrif survey fuq il-post biex jiġi żgurat x’tip ta’ meter għandha din il-persuna.
Tigne Point u Manuel Island — reallocation u exportation
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20963, 20634, 20272 u 19618 u jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern ħallas għar-reallocation u l-exportation biex Tigne Point u Manuel Island jingħataw b'vacant possession lill-MIDI Consortium?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li wara numru ta' mistoqsijiet parlamentari rigward anzjan, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li jinsab Casa Messina u dan issa dara fil-home u mhux qiegħed jieħu l-ebda sussidju u qiegħed iħallas għall-home huwa personali? Peress li dan ilu jistenna xhur biex il-gvern jagħtih sussidju fuq part 3 skont l-iskema li għandu l-gvern mal-homes privati, dan wasal fis-sitwazzjoni li ma jistax iħallas u skont il-familjari tiegħu dan l-anzjan mhux tad-dar, imma kienu mill-Isptar li bagħtu hemm bit-tama li joħroġ is-sussidju?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 18605 u 19436.
Tista' l-Ministru tara l-każ ta' post tal-gvern, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li fih qed jidħol l-ilma meta dan għadu kif inbena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li l-Awtorità tad-Djar allokat xi post lil persuna bl-isem indikat. Għandu jingħad ukoll li fid-dettalji li ngħataw separatament l-indirizz ma kienx komplut.
Tista' l-Ministru tara kif tirrimedja għall-problema tal-familja li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li għadha kif daħlet fi flat tal-gvern ġdid peress li meta tagħmel ix-xita qed jidħol kwantità ta' ilma? Jista d-dipartiment jieħu ħsieb ikellem lill-kuntrattur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, min-naħa tal-Awtorità tad-Djar, diġà ttieħdu passi dwar l-ilment imsemmi peress li saret spezzjoni mill-Perit inkarigat mill-proġett. Fil-fatt, minn din l-ispezzjoni rriżulta li l-ilma aktarx dieħel mit-terazzin tal-post li jinsab fuq l-appartament imsemmi. Għaldaqstant saret spezzjoni oħra fil-post ta’ fuq sabiex ġiet identifikata l-kawża tad-dħul ta’ ilma u ser jingħataw struzzjonijiet lill-kuntrattur sabiex jirrepara mill-aktar fis.
Jista' l-Ministru jara li talba ta' residenti, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatment, li ilhom jitolbu biex isiru t-traffic lights quddiem il-Kodak, Raħal Ġdid tiġi milqugħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li talba simili tiġi milqugħa biss kemm-il darba hi konformi mas-sinjali tat-traffiku u l-policies viġenti.
Jista' l-Ministru jara għaliex kont tad-dawl u l-ilma ta' kopja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha ma tirċievih minn Novembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara kif fl-iskola Helen Keller fil-Qrendi, parti mill-Kulleġġ San Benedittu, hemm nieqes wieħed mill-class teachers u tmien Learning Support Assisstants u din hi special school? Tista' tara l-każ tal-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In- numru ta’ LSAs li hemm nieqsa fiċ-Ċentru Edukattiv ta’ Riżorsi Helen Keller huwa ta’ ħamsa u mhux tmienja. Il-persuni li kien hemm fuq il-lista sabiex jidħlu jagħmlu dan ix-xogħol qegħdin jaħdmu n-
notice
tagħhom minn post tax-xogħol ieħor. Tnejn min dawn ser jibdew din il-ġimgħa stess
Bħal issa hemm għalliema f’kull klassi f’dan iċ-ċentru. Hemm bżonn għalliem ieħor biex jikkoordina s-servizzi fiċ-ċentru. Is-sejħa għal
supply teacher
fiċ-ċentru ta’ riżorsi hija miftuħa u kull applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata mmedjatament.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika dwar il-każ tal-persuna li d-dettalji qegħdin jingħataw separatament peress li bħalissa hemm għalliema f’kull klassi f’dan iċ-Ċentru.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ quddiem l-Awtorità tad-Djar fejn hemm involut tifel b'diżabilità, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jibda x-xogħol neċessarju ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet l-applikazzjoni mingħand l-applikant imsemmi fit-30/9/2010, liema applikazzjoni tinsab fil-proċess preliminari tagħha.