Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bozoz energy savers

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, la ħa l-bozoz energy savers u lanqas is-sussidju (cheque) li bagħat il-gvern dan l-aħħar? Jista' jinvestiga dan il-każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konsumatur ma rċeviex l-bozoz energy saver kif ukoll iċ-ċekk ta’ l-energy benefit, minħabba li l-kumpanija ARMS kienet notifikata b’tibdil fid-dettalji tal-kont nhar il-15 ta’ Ġunju 2010. Id-dettalji ta’ dan il-konsumatur ġew aġġornati biex ikun jista’ jinħareġ iċ-ċekk.

Tigne Point u Manuel Island — reallocation u exportation

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21189, 20963, 20634, 20272 u 19618 u jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern ħallas għar-reallocation u l-exportation biex Tigne Point u Manuel Island jingħataw b'vacant possession lill-MIDI Consortium?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20963.

Awtorità tad-djar — problema tad-drains tal-banju

Question

Tista' l-Ministru tara li l-ħaddiema tal-Awtorità tad-Djar, wara rapport li għamel il-persuna li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament minħabba drains tal-banju peress li meta ċemplu lill-Awtorità tad-Djar qallulhom li se jiġu u ħadd ma mar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li fis-16 ta’ Novembru 2010, saret spezzjoni fil-post li d-dettalji nagħtaw separatament. Instab li fil-bitħa li qegħda fuq wara tal-post, hemm kaxxa tad-dranaġġ fejn il-katusa vertikali tisbokka f’waħda ħorizontali. Tlett appartamenti oħra qegħdin jużaw l-istess katusa vertikali. Fil-preżent id-dranaġġ jagħddi, iżda hemm indikazzjoni ta’ sadd fis-sistema tal-apparament imsemmi. Għalhekk huwa neċessarju li tinfetah il-kaxxa tad-dranaġġ sabiex jiġi stabbilit jekk il-kawża li qiegħed jinstadd bilmogħod hiex ħsara fis-sistema jew nuqqas ta’ tindif. Il-Ftehim sar bejn l-inkwilin u l-kuntrattur għal għada 23, ta’ Novembru, 2010 biex isir ix-xogħol meħtieġ u b’hekk s-sistema tad-dranaġġ terġa taħdem normali.

Korsijiet mogħtija bla ħlas fl-Università

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11106 li ngħatat sena ilu, tista' l-Ministru tgħid kemm qed tiġi l-ispiża ta' kull kors mogħti fl-Università ta' Malta? Tista' tindika ukoll kemm hija l-ispiża ta' kull ġurnata għall-kull student li jattendi l-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Universita’ ta’ Malta bdiet il-proċess biex tikkalkula l-ispiża ta’ kull kors li jingħata mill-Universita’ stess abbażi tar-riżultati finanzjari tas-sena akkademika 2009-10. Fil-preżent, l-Universita’ qiegħda tagħlaq il-kontitijiet għas-sena indikata, li hija wkoll is-sena finanzjarja tagħha, u għalhekk bħallissa qiegħed issir l-awditjar ta’ t-tali kontijiet. Kif dan il-proċess jitlesta, tibda tinġabar kull informazzjoni oħra relevanti għall-eżerċizzju. Madanakollu jrid jiġi apprezzat il-fatt li dan il-proċess ser jieħu ammont ta’ żmien mhux ħażin minħabba l-fatt li biex tinħareġ l-ispiża ta’ kull kors l-ewwel trid tibda mill-ispiża ta’ kull ‘ study unit’ li jingħata fl-Universita’, liema ‘units’ jammontaw għall-eluf. Għal kull ‘study unit’ jridu jiġu ikkalkulati il-pagi tan-nies li jaħdmu direttament fuq il-kors, l-ispejjeż ta’ dawl, ilma, sigurta’, insurance , etc. għal kull unit , u l-ispejjeż l-oħra kollha ndiretti, bħall-amministrazzjoni, etc. Wara dan irid jiġi kkalkulat kemm ser issir allokazzjoni ta’ l-ispiża ta’ kull ‘study unit’ fuq kull kors għax il-maġġoranza ta’ dawn jingħataw fuq korisijiet varji. L-Universita’ toffri ‘l fuq minn 900 kors u għalhekk dan il-proċess ser jieħu ħin konsiderevoli.

Care orders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20403, tista' l-Ministru tgħid fejn qegħdin jgħixu l-57 tifel u tifla li ħarġitilhom care order matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-57 minuri li ħarġitilhom care-order matul l-aħħar tnax-il xahar qed jgħixu jew fi djar residenzjali tat-tfal jew ma’ foster carers kif ukoll f’arranġamenti oħra familjari fl-aħjar interess ta’ l-istess minuri.
Leg 11 PQ #21447 Sitting 287 2010-11-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Rapport dwar il-Gustizzja Riparatiċi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11026 bid-data 6 ta' Ġunju 2009, jista' l-Ministru jindika kemm se tiġi l-ispiż jekk jiġu attwati il-64 rakkmandazzjoni tar-rapport dwar il-Ġustizzja Riparatriċi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ implimentazzjoni li tirrikjedi l-inizjattiva tal-Ġustizzja Riparatriċi jmur lil hinn mill-64 rakkmandazzjoni li qed jirriferi għalihom. Huwa proċess li jrid jiddaħħal fis-seħħ b'għaqal kbir u b’mod gradwali biex jintegra bla skossi mar-riforma u ristrutturazzjoni li trid titwettaq fil-Faċilità Korrettiva. Għalhekk huwa prematur li wieħed jipprova jikkwantifika l-ispiża marbuta ma' dawn ir-rakkmandazzjonijiet.

kwestjoni dwar kont tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-ħaddiema tal-Arms Ltd jistgħux jaraw il-każ ta' familja li rċevew kont ta' €l,141.55, li din kienet ilha ma tirċeivi l-kont sena sħiħa u issa rċeviet tliet kontijiet f'daqqa li wieħed minnhom ta' 15-il ġurnata tela' għal €800?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kontijiet ġew irreveduti u żewġ kontijiet ġodda ġew maħruġa għall-perijodu tal-23 ta’ Frar 2010 sal-27 ta’ Settembru 2010, fejn wieħed mill-kontijiet huwa attwali u l-ieħor stima, b’bilanċ dovut ta’ €647.84

Fidi ta' ċens

Question

Tista' l-Ministru tara li l-każ dwar fidi ta' ċens, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li din il-persuna qed teħel spejjeż żejda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Kont tad-dawl u l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li tgħix id-dar u l-kont tad-dawl u l-ilma ġieha esaġerat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Kont tal-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20285, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-ispezzjoni li għamlu l-ħaddiema lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jigħataw separatament għaliex minkejja li ġew jispezzjonaw, ma kellux ir-risposta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li saret spezzjoni fuq il-post tas-sid u rriżulta li l-leakage ta’ l-ilma li kien hemm, kien ġie rranġat mill-konsumatur. Il-każ tressaq quddiem il-bord għall-konsiderazzjoni tiegħu.

Spiżerija tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistax l-anzjan, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li qed jispiċċa jagħmel nofsinar l-ispiżerija tal-gvern, Raħal Ġdid biex jiġbor il-pilloli? Jista' bħal ma hemm fil-Berġa tal-Gvern l-anzjan ikollu l-kartuna u n-nurse tlesti ir-riċetta flimkien mal-pilloli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa joffru servizz ta’ tqassim ta’ mediċini u mhux biex jimtlew ir-riċetti. Fil-maġġoranza tal-ġranet il-ħin ta’ stennija fl-ispiżerija ta’ Raħal Ġdid mhuwiex aktar minn siegħa. Riċentement, id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ħa l-inizzjattiva li jiġi provdut servizz anke wara nofs in-nhar biex jitnaqqsu l- queues ta’ filgħodu u l-pazjenti jkunu jistgħu jinqdew aħjar. Il-ħinijiet huma kif jidher hawn taħt: Nhar ta’ Tnejn 2.30 p.m sa 5.15 p.m Nhar ta’ Tlieta 2.30 p.m sa 5.15 p.m Nhar ta’ Ħamis 2.30 p.m sa 5.15 p.m

Awtorità tad-Djar — kamra tal-banju

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ tal-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament mall-Awtorità tad-Djar rigward irranġar ta' kamra tal-banju peress li l-peritu marru u qed tistenna l-aħħar karti, każ li ilu għaddej xhur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar iffirmat ftehim mal-persuna msemmija fil-11 ta’ Novembru 2010. Il-ħlas lill-persuna msemmija jkun jista’ jsir meta hija tlesti x-xogħol u tibgħat l-irċevuti fiskali relatati ma’ dan ix-xogħol, skont l-istess ftehim li ġie ffirmat.

Tigne Point u Manuel Island — reallocation u exportation

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20634, 20272 u 19618 u jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern ħallas għar-reallocation u l-exportation biex Tigne Point u Manuel Island jingħataw b'vacant possession lill-MIDI Consortium?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont totali li l-Gvern ħallas għar-reallocation biex Tigne Point u Manuel Island jingħataw b'vacant possession lill-MIDI Consortium kien ta €4,284,300. Ma tħallas ebda ammont għall-espropju peress li l-art kienet tal-gvern.

inħawi tal-gondolier Tarxien — riħa ta' gass

Question

Jista' l-Ministru jara minn fejn ġejja u jekk jistax isib rimedju għar-riħa kbira ta' gass li qed ikun hemm fl-inħawi tal-Gondolier, Tarxien?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21278.

Kaxxi tal-logħob — permessi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21055 u jgħid fiex waslu l-iżviluppi dwar il-kaxxi tal-logħob? Meta se joħorġu il-permessi għall-ħwienet tal-kaxxi tal-logħob li huma pendenti? Kemm ilhom li applikaw? Kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti li qed jistennew li jinħarġilhom il-permess? F'liema lokalità?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21055.

Is-servizz tas- Support line 179

Question

Tista' l-Ministru tgħid: a) kemm hemm linji tat-telefown mqabbdin 24 siegħa kuljum biex jingħata s-servizz tas- support line 179 billi ta' spiss it- telephone 179 ikun engaged ; b) jekk kull telefonata hijiex reġistrata; ċ) jekk il-voluntiera kollha humiex imħarġa qabel ma huma jibdew jagħtu dan is-servizzi tant imporanti; d) jekk ikunx hemm social worker fl-uffiċċju 'l ħin kollu biex jgħin lill-voluntiera waqt ix-xogħol tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: a) Hemm zewg linji tat- telephone mqabbdin 24 siegha kuljum biex jingħata s-servizz tas- support line 179. b) Kull telefonata li tidħol tkun reġistrata. Il-ħaddiema soċjali/psychology officer jiċċekkjaw dawn it-telefonati u jirreferu l-każ skond il-bżonn ta’ l-individwu/i li jkunu ċemplu jew ġew referuti. c) Il-voluntiera kollha jingħataw madwar tnax il-ġimgħa ta’ taħriġ li jkun jinkludi wkoll l-element prattiku. Minbarra dan l-voluntiera kollha jkollhom support group meeting darba kull xahrejn. It-taħriġ jibqa għaddej matul is-sena u dan jingħata kemm mill-Aġenzija kif ukoll minn organizzazjonijiet barra mill-Aġenzija u l-voluntiera jingħataw l-opportunita li jattendu. Kull sena isir wkoll refresher course , Annual General Meeting ( li jkun jinkludi wkoll taħriġ varju) u fil-preżent qed tiġi ppjanata sistema sabiex il-voluntiera kollha jkollhom supervizzjoni regolari mal-ħaddiema soċjali/ psychology officer li jaħdmu f`dan is-servizz. d) Ikun hemm dejjem social worker jew psychology officer preżenti waqt il-ħin tax-xogħol tal-Aġenzija, u wara l-ħin ta’ l-uffiċċju jkun hemm wkoll supervisor on call li l-voluntiera jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt magħha jew miegħu biex jgħinuhom fid-diffikultajiet tagħhom anke matul il-lejl.

Dipartimenti li ma jimpjegawx persuni b'diżabilità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W150, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi dipartimenti jew ażjendi fil-Ministeru tagħha li jimpjegaw aktar minn 20 persuna u huma obbligati li jkollhom 2% tal-impjegati tagħhom li jkunu persuni b'diżabilità u li dawn mhux qed josservaw il-liġi tal-1969?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #21296 Sitting 285 2010-11-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Reati konnessi ma' pedofelija

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm itellgħu persuni l-Qorti fuq reati konnessi ma' pedofelija fis-snin 2006-2009? Kemm minnhom kellhom il-każ tagħhom deċiz u s-sentenzi mogħtija lill-aggressuri? Kemm hemm każijiet li għadhom pendenti u kemm ilhom pendenti quddiem il-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa l-Qorti fuq reati relatati ma' abbużi sesswali fuq tfal huwa kif ġej: 2006 2007 2008 2009 Numru ta’ persuni imressqa l-Qorti 38 45 42 60 Nurmu ta’ persuni li kellhom il-każ deċiż u sentenzjati 20 15 16 20 Numru ta’ persuni li għandhom il-każ tagħhom pendenti 17 28 26 40 Suspettat miet 1 2 - -

Abbuż fuq it-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu rappurtati f'Malta u Għawdex lill-Aġenzija Appoġġ jew lil xi aġenzija oħra taħt il-Ministeru tagħha, każijiet ta' abbużi fuq it-tfal matul is-snin 2007, 2008 u 2009? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-abbużi u x'azzjoni ttieħdet biex dawn l-abbużi jieqfu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.