Legislature:
Category:
Reset
Active:

ħruġ ta' kont tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma tal-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatment għax fit-triq fejn toqgħod kulħadd irċevih u hija ma rċeviet xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kont tal-anzjana li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, inħareġ mis-sistema u ntbgħat lill-konsumatur stess.

Parlament Ewropew — sitt siġġu għal Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijeit Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li s-sitt siġġu ta' Malta għadu ma ġiex mistieden bħala Membru Parlamentari Ewropew osservatur mill-Parlament Ewropew u dan minkejja li seta' jsir dan wara li l-Istati Membri iffirmaw u addotaw il-protokol 36 permezz ta' IGC fil-COREPER li saret fit-23 ta' Ġunju 2010? Peress li għaddew ħames xhur minn meta dan seta' jsir, jista' l-Ministru jgħid x'għamel il-Gvern Malti biex dan id-dritt ta' Malta ma jibqax jiġi mċaħħad lilna mill-Parlament Ewropew?

Response (BORG, TONIO)

Il-kwistjoni tal-Osservaturi tal-Parlament Ewropew hija indirizzata fir-Regoli ta' Proċedura tal-istess Parlament, speċifikament f'Paragrafu 1 u 4 ta' Artiklu 11. Paragrafu 4 jirreferi espliċitament għall-proċedura mwaqqfa f'Paragrafu1, li tapplika mutatis mutandis. Skont din ir-regola, id-deċiżjoni li jiġu mistiedna l-Osservaturi Parlamentari Ewropej hija prerogattiva tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament. Huwa biss wara li jintlaħaq dan il-ftehim mill-Konferenza tal-Presidenti li l-President tal-Parlament Ewropew jista' jipproċedi bi stedina formali għall-Osservaturi. Infakkar li dan il-gvern sa mill-bidu nett stinka biex Malta jkollha sitt Membri Parlamentari minflok ħamsa, liema ħidma tkompliet tissaħħaħ meta Malta kienet l-ewwel pajjiż li rratifikat il-Protokoll 36. Dan il-Protokoll jipprovdi sabiex pajjiżna jkollu s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew.

Vouchers tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex il-koppja anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, qatgħulha l-vouchers tad-dawl u l-ilma meta dawn ma jaqbżux l-ammont?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-raġuni għaliex il-kopja anzjana li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, ma rċevietx energy allowance anke jekk dawn ma jaqbżux l-ammont ta’ 10,000 unit ta’ konsum ta’ dawl f’sena, hija li din il-koppja diġa qed tirċievi forma ta’ għajnuna soċjali permezz tal-benefiċċju ta’ l-enerġija, min-naħa tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali.

Kont għoli

Question

Jista' l-Ministru jara li l-każ tal-familja, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li jinsabu bir-relief u rċevew kont ta' €9,521 u jixtiequ li jiġi ċċekkjat il-kont u anke l-meter għax iħossu li għal familja ta' ħamsa min-nies il-kontijiet qed jiġu għoljin ħafna u ma jistgħux ilaħħqu magħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ilment imressaq mill-Onorevoli nterpellant ġie nvestigat. Jirriżulta li l-ammont dovut imsemmi ġie akkumulat matul perjodu ta’ żmien. L-aħħar darba li l-konsumatur ħallas kollox imur lura għas-sena 2004. Fil-fatt il-kontijiet kollha tad-dawl u ta’ l-ilma sa Diċembru 2004 ġew imħallsa. Mill-investigazzjonijiet li għamilna rriżulta li l-konsumatur kemm-il darba kkontesta l-konsum għoli. · 2001 – inspezzjoni ta’ l-ilma fejn ma rriżultax li kien hemm xi anomalija fis-servizz ta’ l-ilma · 2002 – l-arloġġ ta’ l-ilma ġie mibdul, ttestjat fejn instab li kien qed jaħdem tajjeb. · 2005 – saret inspezzjoni oħra fejn għal darb’oħra ġie kkonfermat li m’hemm l-ebda leakage jew xi anomlija oħra · 2005 – Mistoqsija Parlamentari Nr. 11276 – liema risposta ġiet risposta li l-konsum kien wieħed raġonevoli għal familja ta’ 7 min-nies · 2006 – sar test ta’ l-arloġġ tad-dawl fejn ġie kkonfermat li kien qed jaħdem tajjeb ukoll · 2006 – il-ħaddiema tal-KSI reġgħu għamlu nspezzjoni oħra fejn din id-darba nstab li kien hemm xi telf ta’ ilma mit-tank ta’ l-ilma. Irriżulta li kien hemm it-tank qed ifur. Il-konsumatur ġie nfurmat biex isewwi din il-ħsara mill-aktar fis. B’konsegwenza ta’ dan il- leakage il-konsumatur ingħata kreditu. · 2007 – fuq rapport tal-konsumatur reġgħet saret inspezzjoni oħra fejn l-arloġġ reġa’ nstab li qed jiffunzjona tajjeb. Wara li saru bosta verifikazzjonijiet fuq il-post imsemmi u ma rriżultat l-ebda anomalija, m’hemm l-ebda lok għal xi tnaqqis jew reviżjonijiet. Nissuġġerixxi lill-konsumatur biex jagħmel appuntament mal- credit control section tal-Korporazzjoni Enemalta biex jidħol f’arranġament biex ikun jista jħallas il-kontijiet pendenti.

Korporazzjoni Enemalta — wires tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li ħaddiema tad-Dipartiment tal-Korporazzjoni Enemalta jaraw li l-wires li huma fuq barra tal-post tal-individwu, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, u li jidhru perikolużi ħafna jiġu rranġati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-wires li saret referenza għalihom mhumiex responsabbiltà tal-Enemalta.

Awtorità tad-Djar — approvazzjoni tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġi konkluż il-każ ta' approvazzjoni ta' flus mill-Awtorità tad-Djar li jirrigwarda tifel b'diżabilità, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn ix-xogħol mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġie approvat, min-naħa tal-housing kollox mexa sewwa, issa li jonqos hu l-kelma biex jibda x-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni qiegħda tiġi pproċessata. L-Awtorità tad-Djar qed tiġbor informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikanti sabiex jiġi stabbilit jekk jikkwalifikawx taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li jikkwalifikaw għalih.

Talba għal post tal-housing

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li applikat għall-post tal-housing fejn missier din l-omm ibati bi problema tax-xorb u huwa ta' neċessita li tgħix 'il bogħod mill-missier?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata toqgħod flimkien mal-ġenituri tagħha ġo post tal-gvern u applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva f'April, 2010. L-applikazzjoni tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Care orders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21446, tista' l-Ministru tgħid hemmx xi tfal li ħarġitilhom care order u qed jgħixu mal-ġenituri tagħhom? Kemm huwa n-numru ta' tfal li għandhom care order u qed jgħixu fid-djar residenzjali? Hemm xi ħlasijiet addizzjonali biex dawn id-djar residenzjali jieħdu ħsieb dawn it-tfal li tkun ħarġitilhom care order?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa hemm 3 itfal li ħarġitilhom care order u qed jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Hemm 21 tifel u tifla li qegħdin taħt care order u qed jgħixu fid-djar residenzjali. Id-djar residenzjali jirċievu child in care benefit ta’ €70 fil-ġimgħa għal kull tifel u tifla. B’referenza għal-tfal li mhux akkumpanjati, ma hemm l-ebda tifel jew tifla li matul l-aħħar tnax il-xahar ħarġet care order u baqgħu jgħixu mal-ġenituri, anki minħabba l-fatt li l-istess minuri ma jkunux akkumpanjati minn l-ebda wieħed mill-ġenituri tagħhom. Bħalissa hemm 20 minuri mhux akkampunjati li ħarġitilhom care order u li jinsabu f’dar residenzjali. Ma’ hemm l-ebda ħlas addizzjonali li qiegħed issir għajr dak li għandu x’jaqsam direttament mal-kura ta’ l-istess minuri. Jeżisti wkoll fond tal- High Support Services li jammonta għal €709,000, li jagħti sapport lit-tfal li jkunu protetti b’care order li jkollhom imġieba diffiċli.

Ħaddiema Barranin f'Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn ħaddiema barranin li għandhom xogħol f'pajjiżna? Minn liema pajjiż ġejjin dawn il-ħaddiema? X'tip ta' xogħol qegħdin jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #22043 Sitting 293 2010-12-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kawżi ta' separazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20354, jista' l-Ministru jindika kemm-il sena ilhom pendenti il-297 kawża ta' separazzjoni ta' żwieġ imsemmija f'din il-mistoqsija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi il-297 kawża ta' separazzjonijiet msemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20354 ilhom pendenti kif jidhru fit-tabella t'hawn taħt:-

kwestjoni rigward pensjoni ta' persuna li kienet fl-RMA

Question

Tista' l-Ministru tindaga x'inhi r-raġuni li filwaqt li dawk il-pensjonanti li kienu fl-RMA u li kienu intitolati għall-pensjoni Ingliża, xi ftit tax-xhur ilu ħadu somma li kienet ittieħdet lilhom mill-pensjoni tagħhom mill-Gvern Malti u issa l-pensjoni tagħhom tal-bolol akkumulat sostanzjalment; pensjonant li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li ma kellux il-pensjoni Ingliża, iżda li xorta waħda kien magħhom u ħallas xorta l-istess bolol daqshom skont il-paga li kellu, baqa bl-istess pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Diskriminazzjoni bejn Studenti tal-MCAST u studenti tal-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li studenti tal-MCAST li qed jagħmlu kors ta' tliet snin li jwassalhom għall-degree fl-Electrical/Electronic Institution qed jieħdu biss €400 fl-smart card tagħhom u stipendju ta' €85 fix-xahar, meta studenti tal-università li qed jagħmlu l-istess kors qed jieħdu €1400 fl- smart card u madwar €150 stipendju fix-xahar? Tista' l-Ministru tagħti raġuni għal dan peress li b'dak li qed jingħata lill-istudenti tal-MCAST, kulma dawn koprew kien biss il-kors li jiswa €350, meta dawn l-istudenti, sabiex jagħmlu dan il-kors għandhom bżonn: kotba li jiswew mat-€300, għodda li jiswew mal-€100, electronic kits li jiswew mal-€100 liema kits jinxtraw mingħand it-teachers u ma jistgħux jitħallsu bl-smart card, laptop li jiswa mas-€700, liema laptop jużawħ ħafna klassijiet biex jissimulaw circuits, stationery, photocopies, notes u ħafna iktar, li huma kollha spejjeż żejda fuq il-ġenituri tagħhom? X'inhi r-raġuni għal din id-diskriminazzjoni bejn l-istudenti tal-MCAST u l-istudenti tal-Università li qed jagħmlu l-istess kors, liema studenti tal-Università qed jiġu aġevolati aktar mill-istudenti tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST ma joffri ebda kors imsejjaħ Electrical/Electronic Institution. L-MCAST għandu l-Institute of Electrical and Electronics Engineering li joffri numru ta’ korsijiet. Mis-sena li għaddiet studenti li jagħmlu kors f’dan l-istitut fil-livell ta’ Higher National Diploma, jistgħu jagħżlu li jkomplu jistudjaw sena oħra u jieħdu degree. L-istudenti li jkunu qed jagħmlu l-Higher National Diploma jieħdu l-istess stipendju li jieħdu studenti li qed jagħmlu Diploma fl-Universita’. Dawk l-istudenti li jagħżlu li jagħmlu sena oħra biex jieħdu d-degree, f’dik is-sena jieħdu stipendju daqs kemm jieħdu studenti tal-Universita’ li jkunu qed jagħmlu kors simili fl-inġinerija. Għalhekk ma teżisti ebda forma ta’ diskriminazzjoni.

Tigné Point u Manoel Island — reallocation u exportation

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20963, 20634, 20272 u 19618 u jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern ħallas għar-reallocation u l-exportation biex Tigné Point u Manoel Island jingħataw b'vacant possession lill-MIDI Consortium?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20963.

Raħal Ġdid — proġett ta' Pace Grasso

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar mill-proġett ta' Pace Grasso f'Raħal Ġdid? Jista' jikkonferma jekk il-proġett propost għadux fis-seħħ li jsir ħwienet, flats u proġetti oħra? Veru li issa se tinbena skola? Jista' jgħid jekk hux se tispiċċa l-iskola sekondarja? X'se jsir mill-Iskola Sekondarja Ġuże D'Amato ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sit indikat se tinbena skola sekondarja. L-iskola preżenti ta’ Ġuże D’Amato se tiġi phased out .
Leg 11 PQ #21927 Sitting 292 2010-12-01 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuna li għamlet kors ta' security u qed tistenna l-liċenzja

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għamel il-kors ta' security u anke ġab iċ-ċertifikat u qiegħed jistenna mid-Depot li toħroġ il-liċenzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant diġà ġiet ipproċessata.

Persuna bi problema f'saqajha

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li għandha problemi f'saqajha u li qed titlob li jitmexxa l-każ peress li tinsab muġugħa ħafna u m'għandhiex flus biex tagħmel din il-kura privatament peress li tinsab bil-benefiċċju soċjali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont l-informazzjoni fil-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei, l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandha appuntament tal-Outpatients ma’ konsulenta tan-Newroloġija fid-29 ta’ Marzu 2011. Jekk it-tabib kuranti tal-pazjenta jħoss li hemm raġunijiet ta’ urġenza medika, għandu jikkuntattja lill-konsulenta tan-Newroloġija biex jiddiskutu l-każ flimkien.

Kont tad-dawl u ilma — cheque tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' koppja anzjana li ilhom ma jirċievu l-kont tad-dawl u l-ilma minn Novembru tas-sena 2009 u lanqas ħadu ċ-cheque tal-enerġija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għall-kontijiet; dawn intbgħatu lill-konsumatur il-ġimgħa li għaddiet. L- energy allowance nħadmu fuq żewġ persuni.

Tigne Point u Manuel Island — reallocation u exportation

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20272 u 19618 u jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern ħallas għar-reallocation u l-exportation biex Tigne Point u Manuel Island jingħataw b'vacant possession lill-MIDI Consortium?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20963.

każ ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax iżid is-servizz tal-home help li bħalissa qed tingħata anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, liema anzjana tbati minn nuqqas ta' dawl u tbatija kbira fiżika minħabba operazzjoni li għandha bżonn fl-irkoppa, iżda li sfortunatament bħalissa tpoġġiet fuq il-waiting list?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda tingħata 3 siegħat fil-ġimgħa servizz. Dawn is-siegħat qegħdin jiġu utiliżżati għal xogħol domestiku. Il-Bord ta’ Allokazzjoni jidhirlu li dawn is-siegħat huma bizzejjed biex jaqdu l-ħtiġijiet ta’ din l-anzjana.

Care orders

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 20403, tista' l-Ministru tgħid fejn qegħdin jgħixu s-57 tifel u tifla li ħarġitilhom care order matul l-aħħar 12-il xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 21446.