Jista' l-Ministru jara li impjegati tal-ID Card iċemplu lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tilfet l-ID Card u tixtieq li xi ħadd immur id-dar u jagħmilha ID Card oħra peress li hija ma toħroġx mid-dar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' sussidju tat-telephone ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u li ilha xhur li applikat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Tista' l-Ministru tara l-każ tal-koppja anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-sussidju biex tirranġa d-dar taħt skema A u peress li l-post jiswa aktar min €80,000 qalulha li ma tistax tapplika taħt din l-iskema? Peress li hemm ħsarat fl-appoġġ, għandha s-saqaf iqattar u hemm xi soqfa mxaqqin, jista' jgħid jekk hemmx xi skema oħra li din il-koppja tista' tapplika għaliha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sabiex sidien ta’ darhom jikkwalifikaw taħt Skema A, il-valur tad-dar ma jridx jaċċedi t-€80,000. F’dan il-każ, id-dar tas-sinjuri ġiet valutata €120,000 u għalhekk ma jistgħux jingħataw għajnuna taħt l-ebda skema fi ħdan l-Awtorità tad-Djar.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' kopja, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikaw għal post tal-gvern peress li r-raġel jgħix bir-relief u qed iħallsu €186 fix-xahar u jinsabu fi tbatija kbira?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuni in kwestjoni applikaw għall-akkomodazzjoni alternattiva f'Marzu 2010. L-applikazzjoni tagħhom qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Il-persuni applikaw għas-sussidju tal-kera però l-applikazzjoni ma ġietx proċessata peress li naqsu li jissottomettu d-dokumenti meħtieġa wara diversi reminders.
Tista' l-Ministru tara li jsir bdil tal-post, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, għax din il-familja tinsab fi bżonn kbir, fejn l-omm hija marida u qiegħda fil-wheelchair bi problemi kbar ta' mard serju u magħhom toqgħod ukoll it-tifla li hija separata, għandha żewġt itfal u għandha ukoll brain tumor? Jista' d-dipartiment jilqa' t-talba ta' bdil ta' post tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuni in kwestjoni m’għandhomx applikazzjoni għal post alternattiv għaldaqstant it-talba tagħhom biex ipartu ma tistax tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jara li omm, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, fejn din qatgħulha l-provvista tad-dawl u skont hija ma irċeviet l-ebda avviż qabel? Jista' jara l-każ peress li l-omm lesta li tħallas €50 fix-xahar għall-kont tad-dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-konsumatriċi kienet diġà daħlet fi ftehim biex jsiru pagamenti bin-nifs ħalli jkun jista' jiġi mħallas il-bilanċ pendenti. F’dan ir-rigward, kien sar biss pagament wieħed fuq dan il-ftehim u għalhekk, ġiet inforzata s-sospensjoni hekk kif inhi msemmijja fil-kundizzjonijiet tal-ftehim innifsu.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' tinfetaħ l-iskema li persuni li joqogħdu fi flat jew post tal-gvern jkunu jistgħu jixtru darhom? Jekk iva, meta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-preżent l-iskema fejn inkwilini li qed jikru l-post tar-residenza tagħhom mingħand il-gvern ikunu jistgħu japplikaw biex jixtru dan l-istess post tinsab magħluqa. Mhux pjanat li din l-iskema terġa' tiftaħ fil-futur qrib.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni ġewwa flat isfel, fejn id-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn din l-anzjana għandha problema ta' drenaġġ, fejn ħames snin ilu kienet saret din l-istess mistoqsija u l-problema kienet ġiet solvuta imma wara ħames snin din il-problema reġgħet tfaċċat u qed tkun ta' inkonvenjent kbir għal din l-anzjana?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-24 ta’ Diċembru, saret spezjoni fil post imsemmi.
Irrizulta illi
a) kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ tal-WSC ikkagunat min għeruq ġewwa manhole li qiegħda ġewwa ġnien u din ġiet imnadfa, u
b) hemm ħsara fis-sistema privata tad-drenaġġ, li minna possibilment jidħlu l-ġrieden.
Il-problema privata ma itrangatx għax ma taqax taħt l-obligu tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma.
Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament naqqsulha l-benefiċċju tal-mard? Tista' tgħid kemm għandha pensjoni u kemm jonqos jeħdulha mill-benefiċċju tal-mard?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew persuna oħra sabiex f’isimha tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Jista’ l-Ministru jara li l-problema li ilha għaddejja minn Frar tiġi solvuta darba għal dejjem, fejn bejjiegħ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minkejja li għandu l-permess kollu li hu mitlub skont il-ligi, dan spiċċa bla kaxxa safra u dan meta hemm post fejn issir, però jidher li hemm xi disgwid u issa anke l-armonija u l-ħbiberija li kien hemm bejn il-bejjiegħa qed tonqos?
Jista’ l-Ministru jibgħat lil min hu konċernat biex iġib kollox għan-normal u tiġi miżbugħa din il-kaxxa għax kulħadd qed jgħid li din ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma' nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta’ l-individwu konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta' kopja anzjana li ilhom jistennew dawn il-kontijiet minn Novembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontijiet minn Novembru 2009, tal-koppja anzjana li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, ġew maħruġa u mibgħuta din il-ġimgħa stess.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-kaz ta' appell ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha bla dħul għax kienet qabzet is-somma ta' flus ġewwa l-bank? Issa din l-anzjana kellha toħroġ il-flus mill-bank biex tgħix u jidher li issa kulma baqgħalha xi €6500. Din l-anzjana għamlet l-appell tagħha permezz ta' avukat.
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew persuna oħra sabiex f’isimha tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata sitwazzjoni fejn persuni li jmorru jiġbru il-pilloli mill-ispiżerija ta' Raħal Ġdid tal-gvern sakemm jistennew dawn qabel kien hemm bankijiet fejn wieħed jista' jpoġġi u llum spiċċaw li xi bankijiet tneħħew u numru ta' anzjani lanqas ikollom fejn ipoġġu? Jista' jara x'ġara u jerġgħu jitpoġġew il-bankijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li skont informazzjoni li għandu d-Dipartiment f’dawn l-aħħar sena u nofs ma tneħħew l-ebda bankijiet mill-pjazzetta zgħira li tinstab biswit l-ispiżerija ta’ Raħal Ġdid. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja m’għandu ebda ġurisdizzjoni x’jigri f’din il-pjazzetta għax dan hu spazju komuni li jintuza minn min jattendi ghas-servizzi offruti mill-Malta Post, mill-Kunsill Lokali u mill-ispiżerija tal-Gvern.
Skont informazzjoni li għandu d-Dipartiment, jidher li l-bankijiet preżenti huma biżżejjed biex jaqdu l-pubbliku li jkun qed jistenna.
Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatamet, għax għalkemm kulħadd irċieva l-kont tad-dawl u l-ilma hu ma rċieva xejn? Jista' jara li jinħareġ il-kont jew jekk intilef tinħareġ kopja?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-anzjan li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, inħarġu mis-sistema u ġew impustati lil istess konsumatur, nhar il-15 ta’ Diċembru 2010.
Tista' l-Ministru tara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li din kellha toħroġ minn post 18-il sena ilu, li kellu area kbira u apparti dan l-gvern ta l-post bil-kera u din il-kera għadha titħallas sal-lum, pero' llum jidher li l-gvern se joffri biss xi €14.000 għal dan il-post, meta din hija somma li llum lanqas garage ma tixtri biha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji qed jingħataw separatament, fejn min-naħa tal-Isptar ordnalha magna tan-nifs u hija tixtieq tkun taf jekk din il-magna min-naħa tad-Dipartment tas-Saħħa hux se tingħatalha? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li tasal din il-magna minħabba l-istat li tinsab fih?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-konsulent tal-pazjenta li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant irrakomandalha t-terapija tal-Continuous Positive Airway Pressure (CPAP), li tingħata permezz ta’ CPAP machine ġewwa d-dar tal-pazjenti. Il-protocol tad-Dipartiment tas-Saħħa hu li din il-magna tingħata b’self lil dawk il-pazjenti f’din il-kategorija li għandhom kartuna roża, b’depożitu ta’ €466. Dawk il-pazjenti li m’għandhomx kartuna roża ma jingħatawx il-magna mill-Gvern, iżda jistgħu jixtruha mill-privat. Bħalissa m’hemmx lista ta’ stennija għas-self ta’ CPAP machines mill-Isptar Mater Dei.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-anzjana li rrapportat xi xahar ilu peress li t-telephone tagħha (li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament) huwa bil-ħsara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja in kwistjoni ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Ħlas tal-kont tad-dawl ta' three phase minflok ta' single phase
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qed tgħid li kont tad-dawl tagħha minflok ta' single phase qed tħallas ta' three phase ? Jista' jinvestiga u jara jekk hux minnu? Jekk iva, hux se tieħu l-kumpens?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kont ġie rrevedut u l-konsumatriċi infurmata b’din ir-reviżżjoni.
Jista' l-Ministru jara jekk hemmx rimedju għall-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienet ġiet bil-karti tar-raġel li huwa mejjet sabiex tipprova taqleb id-dawl minn fuq ir-raġel għal fuqha u ċ-cheque tad-dawl u l-ilma reġa' ġie fuq ir-raġel, peress li din ma tiflaħx terġa' tagħmel dawk is-sigħat twal fil-queue, biex jekk hu possibbli dawn it-talbiet terġa' tagħmilhom bil-posta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-informazzjoni li għandna fis-sistema tagħna, il-konsumatriċi qatt ma ġiet l-uffiċini tagħna bid-dokumentazzjoni neċessarja u ċ-ċekk inħareġ għall-ewwel darba f’Novembru minħabba li fil-lista preċedenti, il-konsumatriċi kienet mniżżla taħt il-każijiet soċjali. Il-konsumatriċi tista timla l-formula tal-bidla tal-konsumatur u tibgħata flimkien ma’ kopja tal-karta tal-identita’ u ċ-ċekk li rċeviet u tibgħat kollox bil-posta.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li hija x-xewqa tal-famlija tiegħu li dan imur f'sala ferm aħjar milli qiegħed f'San Vinċenz de Paule għax qiegħed ibati psikoloġikament sew hu u sew il-famlija teigħu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.