B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21861, jista' l-Ministru jagħti target date għax mhux sewwa li din il-persuna tibqa' tħallas flus żejda kif jidher fid-dettalji li qed jingħataw separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif diġà spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21861, sabiex ikun jista' jsir il-fidi taċ-ċens gravanti l-proprjeta' tal-persuna li d-dettalji dwarha ingħataw separatament, huwa meħtieġ li jsiru korrezzjonijiet fil-pjanti tar-reġistrazzjoni ta' numru ta' plots li huma fil-viċinanzi u minbarra x-xogħol min-naħa tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, huwa meħtieġ ukoll il-kunsens tas-sidien tal-plots tal-viċinanzi. Għal dan il-għan, peress li ma jiddependix biss mix-xogħol tat-tekniċi tad-dipartiment, minkejja li dawn qed jagħmlu ħilithom sabiex dawn ir-reġistrazzjonijiet jiġu rranġati kemm jista' jkun malajr, ma tistax tingħata target date meta se jkun jista’ jsir il-fidi taċ-ċens.
Tista' l-Ministru tara t-talba tal-missier, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jrid ikun jaf jekk hux qed jieħu Children's Allowance tajjeb peress li jħoss li qed jieħu ftit?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha. Jista’ ukoll iċempel fuq 159 għall-informazzjoni li għandu bżonn.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22196 u jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li hija x-xewqa tal-famlija tiegħu li dan imur f'sala ferm aħjar milli qiegħed f'San Vinċenz de Paule għax qiegħed ibati psikoloġikament sew hu u sew il-famlija tiegħu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-applikant imsemmi kien ammess ġewwa r-Residenza San Vinċenz fit-22 ta’ Novembru 2010. Fl-4 ta’ Diċembru saret it-talba għal trasferiment mis-sala preżenti tal-applikant għal sala oħra. Sa llum hemm disa’ talbiet oħra li ġew reġistrati qabel din it-talba għal trasferiment minn anzjani residenti ġewwa San Vinċenz.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22094 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u tara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li din kellha toħroġ minn post 18-il sena ilu, li kellu area kbira u apparti dan l-gvern ta l-post bil-kera u din il-kera għadha titħallas sal-lum, però llum jidher li l-gvern se joffri biss xi €14.000 għal dan il-post, meta din hija somma li llum lanqas garage ma tixtri biha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-fondi tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament, ġew dikjarati meħtieġa għall-skop pubbliku permezz ta’ Dikjarazzjoni Presidenzjali fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-10 t’April 1992. Il-prezz offrut ġie stmat skont il-provedimenti tal-Att li jirregola l-Akkwist ta’ Artijiet (għal Skopijiet Pubbliċi) tal-Kapitolu 88 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Dan il-prezz ġie offrut permezz ta’ Avviż ta’ Ftehim fis-sena 2001 u mhux illum. Dakinhar is-sidien tal-art ma qablux ma’ dak il-prezz u ikkontestawh kif għandhom dritt bil-liġi hawn fuq imsemmija. Sabiex jiġi stabbilit jekk il-prezz offrut huwiex baxx, trid issir kawża quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ. Dan il-Bord jista’ jiddeċiedi li l-prezz huwa baxx u jżiedu sa mhux aktar mill-prezz li s-sidien talbu meta ikkontestawh.
Għall-fini tal-emendi li saru fil-Liġi fl-2002, il-fondi tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament, reġgħu ġew dikjarati meħtieġa għall-skop pubbliku permezz ta’ Dikjarazzjoni Presidenzjali li dehret f’Gazzetta tal-Gvern oħra datata 6 t’Ottubru 2010. Fid-Dikjarazzjoni Presidenzjali li dehret f’din il-Gazzetta il-prezz imsemmi huwa dak li ġie offrut fis-sena 2001. L-iskop li l-proprjeta’ reġgħet ġiet dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku f’din il-Gazzetta huwa l-aktar għall-benefiċċju tas-sidien għax permezz ta’ hekk issa din il-proprjeta’ saret proprjeta’ tal-Gvern u b’hekk id-Dipartiment tal-Artijiet jkun jista’ jħallas lis-sidien bil-prezz offrut. Sadanittant, minkejja li s-sidien ikunu tħallsu, xorta waħda jistgħu jmorru quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ u jekk il-Bord jiffissa prezz aktar minn dak li kien tħallas, id-Dipartiment tal-Artijiet ikollu jħallas lis-sidien id-differenza u l-interessi skont il-Liġi.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' tifla ta' tliet xhur li ommha hija Maltija u missierha barrani li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li meta marru l-isptar bit-tifla ma riedux jarawha, minkejja li l-missier ilu 20 sena Malta? Jista' jagħti spjegazzjoni u jara jekk hemmx xi rimedju?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li din it-tarbija mhix irreġistrata fuq il-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei. Apparti minn hekk, ma hemmx dettalji biżżejjed fil-mistoqsija biex wieħed jista’ jifhem x’kien il-każ. Il-ġenituri tat-tarbija huma mitluba biex jikkuntattjaw lid-Dipartiment tal-Customer Care tal-Isptar Mater Dei biex jispjegaw il-każ tagħhom u jingħataw l-assistenza meħtieġa.
Residenza San Vinċenz de Paule — talba biex persuna tidħol fid-dimentia ward
Question
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tbati mid-dimentia u li applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paule u minkejja li applikat fl-2007 xorta ma kellhiex risposta peress li bħalissa hija tinsab f home privata għax mhix tajba biex toqgħod id-dar u minkejja kollox f din il-home m'hemmx kura għal min ibati bid-dimentia u x-xewqa tal-familjari hija li tidħol f'San Vincenz de Paule Dimentia Ward?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21727, tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-raġuni li l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja, li hija tant bżonnjuża għal pajjiżna, ma reġgħetx ġiet komposta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja se terġa’ tiġi komposta fil-futur qrib. Bħal issa qed jiġi analizzat jekk hux meħtieġ li jsir xi tibdil fit-
terms of reference
u fil-kompozizzjoni ta’ din il-kummissjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn koppji li qed jikkoabitaw f'pajjiżna u minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika m’għandux din it-tip ta’ informazzjoni. Jista’ jkun li fiċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni li jmiss, ikun hemm xi mistoqsija relatata.
Djar Residenzjali tal-Persuni b'Diżabilità — spezzjonijiet fuq servizzi
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jagħmilx spezzjonijiet regolari fid-Djar Residenzjali tal-Persuni b'Diżabilità u fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum tal-Persuni b'Diżabilità biex jiġi żgurat li s-servizzi mogħtija huma ta' kwalità tajba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Dipartiment tal-iStandards għall-Ħarsien Soċjali beda il-ħidma sabiex jiġu stabbiliti l-istandards fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’diżabilita’. Il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali għandha proċeduri interni li tevalwa is-servizzi mgħotija kif ukoll tilqa’ suġġerimenti u l-lmenti dwar is-servizz li jingħata fid-Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilità u fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum.
Jista' l-Ministru joħroġ iċ-cheque ta' €466 tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li neħħa minn ismu l-arloġġ tad-dawl u ilma u kull meta jċempel l-Arms Ltd jgħidulu li ċ-ċekk dalwaqt joħroġ mit-Teżor?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi meta l-konsumatur għamel kuntatt ma’ ARMS Ltd., biż-żball ma saritx distinzjoni bejn iċ-ċekk ta’ €466 msemmi u ċ-ċekkijiet tal-benefiċċju ta’ l-enerġija, dawn ta’ l-aħħar li qegħdin joħorġu mit-teżor, għan-nom tal-Ministeru tal-Finanzi.
Effettivament, wara li għamilna l-investigazzjonijiet min-naħa tagħna, irriżulta li r-
refund
ta’ €466 li qed jiġi mitlub mill-konsumatur, inħareġ minn ARMS Ltd. permezz ta’ ċekk, din il-ġimgħa stess.
Jista' l-Ministru jara l-kaz ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li rċeviet s-somma ta' €1,591 mingħand d-Dipartiment tal-Income Tax u wara xi żmien qalulha li kien żball u qed jitolbu dawn il-flus lura mingħand anzjana ta' 84 sena? Ma nħossx li żball tad-Dipartiment trid tħallas għalih din l-anzjana, kieku kienet ta' eta' żgħira tkun tista' taħdem biex tħallas dawn il-flus, imma mara anzjana żgur li huwa ta' inkwiet żejjed għaliha.
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sinjura konċernata u anke membri tal-familja tagħha ngħataw spjegazzjoni diversi drabi. Wara li nduna b’dan l-iżball, id-dipartiment talab li jingħata l-flus lura. L-Onorevoli Interpellant żgur japprezza li kienet tkun inġustizzja kieku d-dipartiment talabha flus li ma kinux dovuti minnha; kienet tkun inġustizzja mat-taxpayers in ġenerali kieku ħalla s-somma msemmija tibqa’ għaddejja meta dawn ma kinux tagħha u qatt ma ħallsithom. L-età tal-persuna f’dan il-każ mhijiex rilevanti għax il-fatt li wieħed ikollu 84 sena ma jfissirx li għandu jżomm flus li mhumiex tiegħu.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' tifla ta' tliet xhur li ommha hija Maltija u missierha barrani li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li meta marru l-isptar bit-tifla ma riedux jarawha, minkejja li l-missier ilu 20 sena Malta? Jista' jagħti spjegazzjoni u jara jekk hemmx xi rimedju?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara li l-pensjonant, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jingħata l-benefiċċju tal-enerġija, għax meta mar s-Social Service qalulu li dan il-benefiċċju se joħroġ għal kulħadd? Dan għamel anke xi zmien juża l-makna tan-nifs.
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Tista' l-Ministru tara li mill-Awtorità tad-Djar jerġa' jiġi rivedut is-sussidju tal-familja, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għax dan is-sussidju mhux approvat minħabba li m'għandhiex tieqa fil-kamra tas-sodda u skond l-Awtorità din id-dar mhijiex abitabbli? Din il-familja anke applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva imma qatt ma kellha tweġiba. Jagħmel iktar sens li jkollhom sussidju peress li m'għandhomx post fejn joqogħdu u qed iħallsu flus kbar u s-sussidju jkun ta' għajnuna għalihom.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn spezzjoni li saret fir-residenza tal-applikanta, irriżulta li l-post m’għandux ventilazzjoni adekwata fil-kamra tas-sodda u għalhekk mhux ikkunsidrat bħala abitabbli skont ir-regolamenti sanitarji. Kif l-Onorevoli Interpellant huwa mgħarraf, sabiex l-applikazzjoni tal-persuna ndikata minnu tikkwalifika għas-sussidju tal-kera, il-post tar-residenza jrid ikun fi stat u f'kundizzjoni abitabbli.
Tista' l-Ministru tara għaliex xebba, omm t'erbat itfal, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, qatagħulha s-sussidju tal-kera u għal Novembru u Diċembru ma rċeviet xejn? Tista' tinvestiga l-każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar ma qatgħet l-ebda sussidju lill-benefiċċjarja msemmija. Fil-fatt hija qed tirċievi pagament tas-sussidju tal-kera kull xahar, imħallas fuq tlett xhur b’lura. Il-pagament li jmiss ta’ €62.11 ser jitħallas aktar tard f’Jannar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-pazjenti u fejn intbagħtu bejn il-lejla tal-5 u 6 ta' Jannar 2011 meta ġew trasferiti għall-homes privati minħabba n-nuqqas ta' spazju fl-Isptar Mater Dei? Kemm qed iħallas il-gvern għal dawn is-soddod? Kemm se jdumu hemm u kemm se jintalbu jħallsu l-familjari? Din l-iskema se tibqa' jew miftuħa għal ftit taż-żmien ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara jekk jistax issir lift fi blokka flats, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn fi flat fuq hemm familja li wieħed mill-membri għadnu slip disk u membru oħra tbati bl-ażma? Tista' tara jekk jistax isir lift u jekk iva, x'għandu jsir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant rigward it-talba għal lift fl-indirizz imsemmi li dan is-sit ma setax jiġi ddentifikat billi Blokk C jinsab fi Triq iċ-Ċikwejra u matul Triq il-Ġnien jinsabu biss blokki innumerati u mhux indikati b’ittri. Madankollu l-Awtorità tad-Djar xorta m’għandiex applikazzjoni minn dawn iż-żewġ postijiet fir-records tagħha taħt Skema E, jiġifieri l-iskema uffiċċjali tal-lifts. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tistieden lil min hu interessat li jiġbor, jimla u jissottometti l-formola tal-iskema lill-Awtorità ħalli jkun jista’ jinbeda l-ipproċessar tal-file u tiġi ddeterminata l-eliġibilità tal-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li xi ħadd mill-Arms Ltd jmur jara l-meter tal-ilma tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għax skond hi l-meter tal-ilma mhux iddur?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont ir-rekords tagħna, il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament qatt ma rraportat din il-ħsara lil ARMS Ltd. Madankollu issa li ġew informati, se ssir spezzjoni fid-dar tal-persuna konċernata fil-ġranet li ġejjin, u jekk il-meter ta’ l-ilma jinstab li hu difettuż, jinbidel dak il-ħin.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li dan għandu meter tad-dawl fl-għalqa u kull ma juża erba' bozoz, u meta waħlulu l-meter tad-dawl 30 sena ilu qalulu li dan huwa temporanju għax huwa użat u min dakinhar dejjem ħallas id-dawl u l-ilma però qatt ma kienu jiġu jarawh imma issa f'daqqa waħda bagħtulu kont ta' €5,694?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-każ riferut jitlob illi ssir investigazzjoni u on site visit min-naħa tal-ARMS sabiex jiġi analizzat l-ilment imressaq.