Legislature:
Category:
Reset
Active:

ħsara fis-servizz tat-telecare

Question

Jista' l-Ministru jara li xi ħadd isegwi l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li dejjem tilmenta li t-telecare tagħha jkun bil-ħsara? Peress li kull darba li l-ħaddiema jiġu jarawh, wara ftit jerġa' jkun bil-ħsara, jista' jkun li forsi s-sett tat-telecare għandu bżonn jinbidel?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ll-każijiet kollha ta’ l-abbonati tat-telecare huma immonitorjati mill-qrib permezz ta’ sistema kompjuterizzata ta’ ħsarat li permezz tagħha tiġi identifikata it-tip tal-ħsara – jekk tkunx ikkaġunata min-netwerk tal-kumpanija li tiprovdi s-servizz jew mill-apparat. Is-sett tat-telecare tal-abbonati jinbidel minnufih kull darba li jkun hemm bżonn li jsir hekk. Jirriżulta li s-sett tat- telecare tal-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant inbidel kemm il-darba s-sena li għaddiet mit-tekniku li ntbagħat fuq il-post sabiex isewwi l-ħsara. Din is-sena diġà s-sett tat- telecare tal-abbonata nbidel darba, fil-31 ta’ Jannar 2011, jumejn wara li daħal ir-rapport ta’ ħsara. Dak in-nhar it-tekniku mar id-dar tagħha u biddel is-sett tat- telecare immedjatament kif sab li kien bil-ħsara.

power station tal-Marsa — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tieqaf taħdem il-power station tal-Marsa u x'se jsir mis-sit? Jekk se jsir xi ħaġa, meta se jibda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-power station tal-Marsa għandha tieqaf mat-tlestija tal-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija u l-estensjoni tal-power station f’Delimara. Dan mistenni li jseħħ fis-sena 2013. Is-sit se jkun integrat mal-planijiet għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Leg 11 PQ #23238 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsa — Menqa - pjan tal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan min-naħa tal-gvern għall-Menqa ġewwa l-Marsa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Ħaddiema tat-tarzna li mietu bil-kanċer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema tat-tarzna mietu bil-marda tal-kanċer u fejn kien il-kanċer?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li, filwaqt li ċ-ċertifikat tal-mewt kif preskritt mil-liġi jinkludi l-impjieg tal-mejjet/mejta, ħafna drabi din ma timteliex. Anke meta timtela, jekk il-persuna tkun irtirat mix-xogħol (kif jiġri fil-maġġoranza tal-każi), din timtela’ bil-kelma ‘pensjonant’ mingħajr l-ebda ħjiel ta’ l-impjieg preċedenti. Għaldaqstant ir-Reġistru ta’ l-Imwiet fi ħdan id-Dipartiment għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka mhuwiex f’pożizzjoni li jislet dawk li kienu mpjegati fit-Tarzna mill-informazzjoni miġbura.

Antenni tal-mobiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-antennas tal-mobile li huma mwaħħla fuq il-bjut tad-djar iwasslux għall-periklu tas-saħħa? Jista' jikkonferma jekk hemmx studju li ma jagħmlux ħsara?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Organiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li tirrevedi l-implikazzjonijiet fuq is-saħħa minn radjazzjoni elettromanjetika minn antenni tal-mobile phones li huma repeaters f’ambjenti li jiġu esposti għalihom il-pubbliku in ġenerali, tikkonkludi li m’hemm l-ebda effett fuq is-saħħa relatat ma` livelli ta’ radjazzjoni elettromanjetika. L-Awtorita` ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni, hija l-Awtorita kompetenti biex tħares il-livelli ta’ radjazzjoni elettromanjetika. Din l-Awtorita` tagħmel testijiet li jsiru b’referenza għal livelli ta’ radjazzjoni rakkomandati għall- pubbliku skont ir-rapport “Report on recommendations for limiting Human Exposure to Time-varying electric, magnetic and electromagnetic fields in the frequency range from 0 Hz to 300 GHz” maħruġ mill- International Commission on Non-Ionizing Radiation Protection (ICNIRP) . It-testijiet isiru skont il-frekwenza li fiha jkun qed jopera l-apparat li jkun qiegħed jiġi ttestjat u skont ir-Rakkomandazjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-limitazzjonijiet ta’ exposure tal-pubbliku in ġenerali għar-radjazzjoni elettromanjetika (0 Hz to 300 GHz) (1999/519/EC). Mit-testijiet li saru s’issa, il-livelli ta’ radjazzjoni elettromanjetika f’persentaġġ tal-livell massimu aċċettabli skont dan ir-rapport, kienu dejjem iktar baxxi minn dawk rakkomandati għall-pubbliku. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet jistgħu jinstabu fuq il-paġna elettronika ta’ l-istess Awtorita`. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jibbaża r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq l-istudji mondjali (kif jidhru fl-informazzjoni addizzjonali) li jinstabu wkoll online .

tisqija tal-ħxejjex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilma tad-drenaġġ li wara li jiġi purifikat għat-tisqija tal-ħxejjex u l-frott jikkawżax ħsara fis-saħħa tan-nies?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li meta l-ilma tad-drenaġġ jiġi ppurifikat kif mistħoq u wara jintuża għat-tisqija tal-ħxejjex u l-frott ma jikkawża l-ebda ħsara għas-saħħa tan-nies.

Pilloli Hytrin 2mg

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pilloli HYTRIN 2mg il-gvern iġibhomx u persuna tkun tista' takkwistahom permezz ta' Schedule V?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pilloli HYTRIN® li fihom il-mediċina terazosin, hija mediċina tal-grupp “Alpha-adrenoceptor blocking drugs” li tintuża biex tikkura il-pressjoni għolja u l-iperplasija beninna tal-prostata. Din il-mediċina partikolari mhux qiegħda fil-Formularju tal-Gvern, u għalhekk ma tingħatax permezz ta’ Skeda V.

Vouchers tad-dawl u l-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22084, tista' l-Ministru terġa' tinvestiga l-kaz peress li dawn is-sinjuri kkonfermaw miegħi li ma rċevew xejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew persuna oħra f’isimha biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.
Leg 11 PQ #23192 Sitting 309 2011-02-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kustodja ta' tifel

Question

Jista' l-Ministru fuq talba tal-istess omm li għalkemm għandha l-kustodja tat-tifel, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, dan m'għadux jgħix magħha u hi tixtieq tkun taf x'tgħid il-liġi f'dan il-każ u ċioe jekk għandhiex dritt li l-omm tieħu dan it-tifel lura fil-kustodja tagħha, billi skont informazzjoni li tatni l-omm, dan il-kaz qiegħed ukoll f'idejn il-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la hija l-funzjoni ta' dan il-Parlament, skont il-Kostituzzjoni tagħna, illi jinterpreta l-liġi u japplikaha għal każijiet partikolari, u lanqas ma hija l-funzjoni ta’ risposta għal mistoqsija parlamentari illi tagħti parir legali. Dan għaliex kull opinjoni dwar it-tifsira ta’ liġi li tista’ tingħata fil-Parlament, għad li għandha l-piż tagħha, hija dejjem soġġetta għall-interpretazzjoni aħħarija ta’ dik il-liġi li jistgħu jagħtu l-Qrati fl-applikazzjoni tal-liġi għal każijiet partikolari.

Ħwienet li huma proprjetà tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħwienet, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li huma proprjetà tal-gvern, humiex għall-kiri jew għall-bejgħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ ħwienet li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, bħalissa huma vojta. Wieħed minn dawn il-ħwienet li jinsab fi Triq Melita ħareġ bl-offerti fit-13 t’Awwissu 2010, iżda ma ġiex aġġudikat peress li l-unika offerta li ntefgħet kienet inqas mill-valur minimu mitlub mid-dipartiment. Fir-rigward tal-ħanut l-ieħor, dan se jingħata bħala fond alternattiv lill-individwu li l-ħanut tiegħu ġie affetwat mill-proġett ta’ Bieb il-Belt.

Problema ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li tissolva l-problema tal-famlija, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li toqgħod f'post privat imma l-art hija tal-gvern u għandha problema fis-sistema tad-drenaġġ, li hija problema antika u qed ikun hemm ta' spiss is-sadd? Jista' xi ħadd mid-dipartiment ikellem lill-inkwilin jew jagħtiħ parir x'jista' jagħmel peress li d-drenaġġ mhux ta' wieħed waħdu, imma jiġbor fih drenaġġ ta' nies oħrajn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma irriżulta li l-problema hija interna mhux mill-mejn tal-korporazzjoni. Il-familja kkonċernata ġiet infurmata u gwidata x’għandha tagħmel biex issolvi l-problema.

Blue sticker

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-blue sticker ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna msemmija ma waslitx għand il-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.

Operazzjoni tal-kataretti

Question

Jista' l-Ministru jara li titmexxa applikazzjoni għall-operazzjoni tal-kattareti ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-operazzjonijiet tal-katarretti jsiru skont il-prijorità klinika tal-kundizzjoni tal-pazjent. Jekk il-pazjent qed iħoss li l-kundizzjoni tiegħu aggravat, it-tabib tal-familja tal-pazjent għandu jikkuntattja lill-konsulent tal-oftalmologija biex dan ikun jista’ jiddeċiedi l-urġenza tal-każ. It-talba tal-Onor. Interpellant li “titmexxa applikazzjoni għall-operazzjoni” tagħti wieħed x'jifhem li l-Oppożizzjoni trid li d-diskrezzjoni ma tkunx aktar f’idejn il-konsulenti li jeżaminaw il-pazjenti, imma ssir f’idejn il-politiċi. Tfisser ukoll li l-Onor. Interpellant irid li ħaddieħor, għax mhux indikat minnu, jitpoġġa aktar lura biex titqabeż il-persuna li qed jindika hu.

tħaffir ta' oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla t-tħaffir għall-oqbra? Kemm se jitħaffru u meta se jitlesta x-xogħol? Kemm se jinqdew persuni li applikaw? Kemm se jkun jiswa kull qabar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat qiegħed fl-istadju finali sabiex jippreżenta proposti għall-istrateġija ħolistika dwar iċ-ċimiterji. Il-ħsieb hu li jinbnew 2,989 qabar ġdid fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Il-prezz ta’ kull qabar jiġi determinat wara li titlesta l-evalwazzjoni, u jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern.

Kulleġġ St. Thomas Moore — Talba għal Facilitator

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21875, tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ għax skont kura privata kienet ix-xewqa li din it-talba timxi 'l quddiem, filwaqt li nifhem bin-numru ta' talbiet kulħadd jipprova jagħmel l-aħjar għall-ulied?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan il-każ se jidher quddiem l-Istatementing Moderating Panel fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 11 PQ #22946 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ID card

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22525 li saret lill-Ministru għall-Infrastruazzjoni, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, u jara li impjegati tal-ID card iċemplu lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tilfet l-ID card u tixtieq li xi ħadd immur id-dar jagħmilha ID Card oħra peress li hija ma toħroġx mid-dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi l-persuna indikata minnu ngħatat karta tal-identità ġdida.

Applikazzjoni għar-residenza San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana, li l-d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab id-dar waħidha mingħajr ħadd ma jkun magħha, din applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paule u qed tistenna li jibagħtu għaliha, jista' jara li minħabba l-urġenza tal-każ tingħata l-attenzjoni meħtieġa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet applikat fis-27 ta’ Settembru 2010 biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule jew fid-Djar tal-Anzjani ta’ Bormla jew taż-Żejtun. Din l-applikazzjoni ġiet approvata fit-18 ta’ Novembru 2010 biex tidħol f’waħda mid-Djar tal-Anzjani. Il-Bord reġa' ra dan il-każ fis-6 ta’ Jannar 2011 u reġa’ approva d-dħul għal waħda mid-Djar tal-Anzjani. L-anzjana ġiet infurmata b’din id-deċizjoni u ngħatat parir biex sakemm tkun għadha fuq il-lista ta’ stennija tagħmel użu mis-servizzi fil-komunità.

Enemalta — wires tad-dawl fuq barra ta' bini

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 22086 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilha u tara li ħaddiema tad-Dipartiment tal-Korporazzjoni Enemalta jaraw li l-wires li huma fuq barra tal-post tal-individwu, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, u li jidhru perikolużi ħafna jiġu rranġati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l- wires li saret referenza għalihom mhumiex responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar imma huma responsabilità tal-privat.

Voucher tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ ic-cheque tal-voucher tad-dawl lill-kopja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li din qatt ma rċeviet xejn u kull meta iċċempel lill-Arms Ltd jgħidulha li fil-ġranet li ġejjin se tircievi c-cheque? Jista' l-Ministru jmexxi l-ilment ta' dawn il-konsumaturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċekk pagabbli lill-persuni riferuti se jinħareġ f’qasir żmien.