Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasferiment għal San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab ġewwa Sptar Mount Carmel u jixtieq li jidħol ġewwa San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid fejn qiegħed fil-waiting list?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qiegħed jirreferii għaliha l-Onor. Interpellant waslet fid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità fl-14 ta’ Jannar 2011. Din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paule bħala high priority fl-24 ta’ Marzu 2011 u reġgħet ġiet konfermata bħala high priority fil-21 ta’ April, 2011. Dan il-każ qiegħed fil-lista ta’ stennija mal-każijiet l-oħra li huma high priority.

Privatizzazzjoni taċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi privatizzat iċ-ċimiterju? Jekk iva, meta huwa l-ħsieb? Saru laqgħat? Kien hemm min hu nteressat? Hemm il-ħsieb li tidħol is-sistema tal-kremazzjoni? Jekk iva, tkun volontarja? Saru xi taħdidiet? Ma' min? Meta hemm il-ħsieb li tidħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern qiegħed fil-proċess sabiex jiffinalizza l-politika tiegħu rigward il-qasam taċ-ċimiterji, inkluż dik dwar kremazzjoni.
Leg 11 PQ #25729 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

individwi f'kawżi kontra Ministri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm individwi Maltin għamlu kawżi kontra l-Prim Ministru u l-Ministri tal-gvern mill-1987 sal-lum fil-Qorti Maltija, fil-Qorti internazzjonali u għand l-Ombudsman? Jekk intrebħu, kontra min l-individwi għamlu l-kawża? Kemm ħadu flus? Kemm hemm kawżi pendenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif jaf l-Onorevoli Membri l-maġġjoranza l-kbira tal-kawżi li jsiru kontra l-gvern isiru għal raġunijiet amministrativi u mhux politiċi. Per eżempju, kwantita' kbira ta' persuni jagħmlu kawżi kontra l-gvern biex jikkorreġu dawk li huma jsostnu li huma żbalji fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ u jsiru wkoll numru ta' kawżi kontra l-Gvern fuq kwistjonijiet dwar artijiet, kuntratti u bosta ħwejjeġ oħra ta' amministrazzjoni ordinarja. Naturalment isiru kontra l-Gvern ukoll kawżi kostituzzjonali fejn ikun allegat illi l-amministrazzjoni pubblika tkun naqqset milli tirrispetta d-drittijiet fondamentali tal-individwu. Dan huwa ukoll mill-iżjed normali f' soċjeta demokratika. Skont l-Artikolu 181B tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, l-gvern huwa rappreżentat fil-kawżi mill-Kap tad-Dipatiment li jkun inkarigat mill-materja li dwarha tkun qegħda ssir il-kawża pero' dan ma jeskludix illi f' xi kawżi jitħarrek ukoll il-Prim Ministru u/jew xi Ministru. F' kawżi fejn minħabba s-suġġett tal-kawża din ma tkunx tista' ssir kontra xi kap wieħed jew iżjed ta' dipartiment tal-gvern huwa l-Avukat Ġenerali li jassumi r-rappreżentanza tal-gvern. In fatti nsibu illi llum ħafna mill-kawżi li jsiru kontra l-gvern isiru kontra l-Avukat Ġenrali in rappreżentanza tal-gvern in ġenerali. Għalhekk in-numru ta' kawżi li jsiru kontra l-Prim Minisrtu jew kontra l-Ministri in rappreżentanza tal-gvern, ma jirrapreżentax il-kawżi kollha li jsiru kontra l-Gvern u lanqas ma jfisser illi jekk kawża ssir kontra Ministru, li dik il-kawża tkun neċessarjament differenti fil-meritu minn kawża li ssir kontra Kap ta' Dipartiment. Fil-Qrati Internazzjonali l-kawżi jsiru kontra l-Gvern ta' Malta u mhux kontra l-Prim Ministru jew xi Minisru partikolari. Ma tinżammx statistika li tista' tippermetti li tingħata risposta preċiża għad-domanda vastissima tal-Onorevoli Membru (li tkopri perijodu ta' 24 sena) u lanqas ma jkun jikkostitwixxi użu għaqli tar-riżorsi tas-servizz pubbliku li jiġu dedikati riżorsi konsiderevoli biex tinġabar l-istatistika li qegħda tintalab li, għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, lanqas ma tkun tant utili. Naturalment jekk l-Onorevoli Membru jixtieq jistaqsi fuq xi kawża jew kawżi partikolari jsir mill-aħjar biex l-informazzjoni tinġabar u tingħata lilu. Dan apparti l-fatt illi l-Onorevoli Membru dejjem jista' jirrikorri fl-arkivju tal-Qorti u fl-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jikkompila kull informazzjoni li jixtieq.

Vouchers tad-dawl

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġu mqassma l-vouchers lill-benefiċċjarju, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li l-kont kien dam ma nħareġ u għaldaqstant il-vouchers ntilfu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor Interpellant li l-persuna msemmija minnu mietet u allura jinħtieġ li l-mara tal-mejjet tapplika f’isimha għal Benefiċċju tal-Enerġija. B’hekk, jekk hemm xi pendenzi ta’ dan il-benefiċċju, anke jekk huma fuq isem ir-raġel dawn jitħallsu lilha. Għalhekk tajjeb li l-benefiċċjarja tmur l-Uffiċċju Distrettwali biex timla’ l-applikazzjoni neċessarja.

Skema Rehabilitation Workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tittieħed id-deċiżjoni tal-ħaddiema li jagħmlu parti mill-iskema Rehabilitation Workers li kienu jieħdu €189 u issa talbuhomlhom lura? Peress li f'Diċembru, id-Dipartiment infurmani li d-deċiżjoni se tittieħed aktar tard, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-kaz li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata mid-Dipartiment li l-persuna msemmija għamlet appell dwar il-każ. Dan l-appell għadu sub-judice u għalhekk mhux prudenti li jsiru kummenti dwar dan il-każ f’dan l-istadju.

Arms ltd — kont tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' koppja anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qed jaraw li l-kont tad-dawl u l-ilma ġie għoli ħafna paragunat ma' snin oħra u l-qabża hija ferm għolja? Tista' l-Arms Ltd tikkuntatja lil din il-koppja anzjana u tara jekk hemmx xi problemi fil-meter tad-dawl u ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lil-Arms Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Ċimiterju tal-Addolorata — abbużi ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jara li n-numru ta' abbużi ta' serq li saru miċ-Ċimiterju tal-Addolorata ma jerġgħux iseħħu u jara li jekk hemm bżonn tiżdied aktar is-sigurtà u jidħlu l-cameras għax dawn ir-rapporti ma waslux biss mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, imma waslu ukoll minn għexieren ta' nies?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali li taħtu taqa’ t-Taqsima Amministrazzjoni Tad-Dfin, b’kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, qiegħed jagħmel sforzi sabiex atti kriminali bħal dawk li qed jitwettqu, ta’ serq u ta’ ħsarat fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata ma jseħħux aktar u sabiex dawk responsabbli ta’ dawn l-atti vandali jinqabdu u jiġu mġiela jwieġbu għal għemilhom quddiem il-ġustizzja. Id-Direttorat għaddej bi proċeduri oħrajn sabiex jiġi mwaħħal tagħmir bħal cameras ta’ sigurtà kif ukoll jiġu mplimentati miżuri oħra ta’ solverjanza bħal li jiżdied il-kontroll tal-aċċess fl-istess ċimiterju.

Dual citidenships

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jara l-każ ta' omm, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li missierha u ħutha kollha għandhom ċittadinanza Maltija u jgħixu Malta, imma hija telqet minn Malta meta kellha 19-il sena u issa ġiet Malta u ma jridux jagħtuha dual citidenship meta din qiegħda tgħix f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates ikun jista' jeżamina d-dritt tal-persuna konċernata għaċ-ċittadinanza Maltija, meħtieġa aktar informazzjoni u dokumentazzjoni minn dak ipprovdut. Għal dan il-għan hija mitluba li tikkuntattja li d-dipartiment imsemmi.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuna li korriet tarbija

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25086 u 24496, jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-fetu sħiħ li skont ma qalet l-omm, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ratu ffurmat bir-ras, bl-idejn u saqajn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25086.

kwestjoni dwar ħlas tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li permezz tal-Arms Ltd isir arranġament fuq il-ħlas tad-dawl u tal-ilma tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tinsab bla ebda dħul finanzjarju, minħabba li fuq il-kont hemm miktub li l-kont irid jitħallas sa għaxart ijiem wara?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lill-Arms Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

każ ta' kont tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, rċevew il-voucher tad-dawl u ilma li qiegħed kkalkulat fuq persuna waħda u mhux tnejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd. li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Bugeja Institute — siġġijiet

Question

Tista' l-Ministru tara li titwettaq t-talba li saret biex jinxtraw xi siġġijiet ġewwa Bugeja Institute blind section peress li din tintuża għal xi laqgħat u jidher li m'hemmx siġġijiet biżżejjed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’huwiex minnu li m’hemmx biżżejjed siġġijiet fis-sezzjoni tal-persuni nieqsa mid-dawl fl-Istitut Buġeja. Infatti jirriżulta li l-aħħar sett ta’ siġġijiet inxtraw fl-2009 u fil-preżent hemm siġġijiet żejda għall-użu kemm tal-ħaddiema kif ukoll għall-klijenti kollha, u anki għal meta jkun hemm laqgħat f’dan iċ-ċentru.

Talba għal żieda fil-Home Help

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' koppja anzjana li r-raġel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ibati bid-dimentiau jixtiequ li jiżdiedilhom is-servizz tal-home help?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-każ tal-koppja li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tressaq quddiem il-Bord tal-Allokazzjoni fit-28 ta’ April 2011. Il-Bord approva sagħtejn aktar ta’ Servizz tal-Home Help fil-ġimgħa biex b’hekk din il-koppja issa għanda total ta’ erba' siegħat fil-ġimgħa.

Arms Ltd — kontijiet tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jintbagħat l-kont tad-dawl u ilma tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ilu ma jirċievi kont mill-Arms Ltd aktar minn sitt xhur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lil Arms Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Sptar Mater Dei — materjal mikri

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ iċ-cheque ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kienet kriet xi materjal mill-Isptar Mater Dei u qed tistenna dan iċ-cheque?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant irritornat il-materjal mikri fil-21 ta’ Jannar 2011. Ir-Revenue Section tal-Isptar Mater Dei ħarġu t-Treasury Voucher numru 9501003466 fil-31 ta’ Jannar 2011. Id-Dipartiment tat-Teżor ħareġ ic-cheque f’din id-data, iżda sal-lum dan iċ-cheque għadu ma ġiex imsarraf. Jekk din l-anzjana ma rċevietx iċ- cheque għandha tirrikorrii personalment fid-Dipartiment tat-Teżor fil-Furjana biex tinfurmahom f’dan ir-rigward sabiex it-Teżor iwaqqaf il-pagament. Huwa importanti li din in-notifika ssir bil-kitba u tieħu magħha l-karta tal-identità It-Teżor imbagħad joħorġulha cheque ġdid għall-ammont dovut.

Arms Ltd — bdil ta' meter

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn dawn jixtiequ li ssir ġustizzja magħhom u xi ħadd min-naħa tal-Arms Ltd ikellimhom ħalli jfehemhom x'kienet il-problema fejn sar bdil ta' meter u l-kont intbagħat wara erba' snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lil Arms Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Spiżerija ta' Birkirakara — prodotti gluten free

Question

Jista' l-Ministru jara li jerġa' jirrevedi l-proċedura li numru ta' anzjani qed jintalbu li jmorru l-ispizerija ta' Birkirkara biex iġibu l-gluten free meta dawn qabel kienu jġibuhom mill-ispiżerija ta' Raħal Ġdid, għax żgur ma jagħmilx sens li anzjani kbar ikunu jridu jmorru Birkirkara, fejn kien hemm anke każ ta' anzjana ta' 82 sena fost ħafna oħrajn li ntalbet tagħmel dan? Jista' jindaga għaliex inħarġet din id-direttiva u min ħarigha u jistax jerġa' jiġi kollox għan-normal?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25114.

Servizz ta' dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ dwar servizz tad-dawl u ilma għal mara separata, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li minħabba problemi familja kellha tixtri l-post u dan jinsab bla dawl u ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta għamlu kuntatt mal-persuna kkonċernata, dawn ġew infurmati li l-applikazzjoni għas-servizzi ma kinitx għadha saret.

Servizz tad-dawl u ilma f'post

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' koppja miżżewġa, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, li għandhom il-kuntratt tal-post biex jitilqu minn fejn qed jgħixu u jmorru fil-post il-ġdid, liema post jinsab bla dawl u s-servizz tal-ilma ingħata xi ġimgħat ilu, imma kien hemm problema fuq id-dawl u issa minħabba d-direzzjoni tal-union, jidher li din id-direttiva spiċċat u din il-famlija qed tistenna li tingħata s-servizz? Jista' jara li jitmexxa l-każ biex ma jkunx hemm problema fil-kuntratt, għax dawn il-persuni se jmorru jgħixu fil-post bla dawl u ilma b'tifel ta' sentejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi konsegwenza ta’ azzjonijiet li kien hemm fil-Korporazzjoni Enemalta, hemm numru ta’ applikazzjonijiet li għadhom iridu jiġu proċessati. Il-korporazzjoni qed tieħu l-passi neċessarji biex tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet fl-aħjar interess tal-konsumaturi.

Sptar Mater Dei — Appuntament għal test

Question

Jista' l-Ministru jara li ħaddiema jikkuntatjaw lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li wara li għamlet xi eżamijiet privati rigward saħħitha fuq il-kunsens tagħha talbet biex jitmexxa l-każ tagħha għax minkejja li għaddew ġimgħat għadha bla risposta? Filwaqt li nifhem li hemm domanda kbira għas-servizzi tal-Isptar Mater Dei, jista' l-Ministru jara x'seta' ġara?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjenta li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet ġiet investigata minn speċjalista privat li rreferiha l-Isptar Mater Dei. Din il-pazjenta ġiet inviżtata ġol-Isptar Mater Dei fl-4 ta’ April 2011 mill-ispeċjalista tal-isptar. Il-każ ġie diskuss bejn l-ispeċjalisti kkonċernati fis-7 ta’ April 2011. Il-pazjenta għandha appuntament ieħor għat-18 ta’ April biex tingħata data għall-operazzjoni.