Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gabbani ta' Putirjal il-Belt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27134 u jgħid il-gabbani li hemm f'Putirjal il-Belt fejn sejrin? Kulmin kien Putirjal, kollha se jerġa' jkollhom post dawk il-gabbani li se jsiru ġodda? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' dawn il-gabbani, id-daqs u l-materjal fejn se jitpoġġew? L-Arriva se jkollha l-gabbani tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel żewġ mistoqsijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numru 14770 u 15299. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta ta’ fejn se jsiru dawn il-gabbani. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor Interpellant li “Phase II” għad trid tiġi finalizzata għal fini ta’ permessi tal-MEPA. Arriva għandha kiosk fuq in-naħa ta’ St.James Ditch.

Arms Ltd — Kont tad-dawl u ilma

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25522, jista' l-Ministru jara x'ġara għax minkejja li l-omm kellhom jikkuntattjawha, sal-lum ħadd ma kellimha lura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, għalkemm pruvat diversi drabi, ARMS Ltd għad ma rnexxilhomx jagħmlu kuntatt mal-konsumatur.
Leg 11 PQ #27441 Sitting 382 2011-07-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuni li taw fastijdu f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' persuni li taw fastidju lit-tfal u żagħżagħ f'postijiet pubbliċi mis-sena 2010? Fejn saru u x'azzjoni ttieħdu? F'liema lokalitajiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra l-Pulizija kellha 46 rapport li b'xi mod jistgħu jinkwadraw taħt fastidju lill-persuni taħt it-18-il sena. Dawn kienu jikkonsistu fi 32 rapport ta' korruzzjoni ta' minorenni, 4 rapporti ta' indecent exposure, 9 rapporti ta' attentat vjolenti għal pudur u każ wieħed ta' harassment. Il-Pulizija ħadet azzjoni skont il-liġi dwar dawn ir-rapporti. Infurmat ukoll illi dawn ir-rapporti seħħew f'dawn il-lokalitajiet indikati fit-tabella t'hawn taħt:-

Arms Ltd — Kont pendenti

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li din ilha ma tircievi l-kont mill-Arms Ltd minn Settembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lil ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? X'inhuma l-aħħar żviluppi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjonijiet għad-dħul bħala High Priority fid-Dar ta’ l-Anzjani taż-Żejtun, fit-18 ta’ Diċembru tal-2007. Din qegħda fuq il-lista ta’ stennija skont il-mertu tal-każ. Meta jkun imissha li tidħol, l-anzjana tiġi kkuntattjata mill-uffiċċjali nkarigati.
Leg 11 PQ #27506 Sitting 382 2011-07-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Riforma fil-kunsilli lokali

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26995, fejn il-Prim Ministru talabni ngħidlu għal liema żieda kont qiegħed nalludi; u filwaqt li ninfurmah li jiena kont qed nirreferi għall-onorarja li titħallas lis-sindki, hekk kif indikata fl-artikolu 32 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali kif riprodotta hawn taht: 32. (1) Il-Kunsill għandu jħallas onorarju lis-Sindku tal-lokalita' tiegħu skont kif ġej: (a) fl-lokalitajiet taħt il-ħamest elef resident (ħames Kunsillieri), terz tal-onorarju tal-membru parlamentari; (b) fil-lokalitajiet b'inqas minn ħmistax-il elf resident (b'seba' jew disa' Kunsillieri), nofs tal-onorarju ta' membru parlamentari; (ċ) fil-lokalitajiet kollha fejn hemm aktar minn ħmistax-il elf resident (b'aktar minn disa' Kunsillieri) l-onorarju għandu jkun ta' żewġ terzi tal-onorarju tal-membru parlamentari: Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26995?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi skont Artiklu 31 (1) ta’ Kap. 363 tal-Liġijiet ta’ Malta, li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, u li kien approvat b’mod unanimu fil-Parlament, l-onorarja lis-Sindki tinħadem skont id-daqs tal-Kunsill Lokali, jiġifieri skont in-numru ta’ membri fil-Kunsill Lokali, li hu bbażat fuq il-popolazzjoni tar-residenti tal-lokalitajiet. Għaldaqstant Sindku ta’ Kunsill Lokali b’ħames (5) Kunsillieri hu ntitolat għal terz tal-onorarja ta’ Membru ta’ din il-Kamra, Sindku ta’ Kunsill Lokali b’seba’ (7) jew disa’ (9) Kunsillieri hu ntitolat għal nofs l-onorarja ta’ Membru ta’ din il-Kamra, waqt li Sindlu ta’ Kunsill Lokali b’aktar minn disa’ (9) Kunsillieri hu ntitolat għal żewġ terzi tal-onorarja ta’ Membru ta’ din il-Kamra.

Arms Ltd — nies li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-Arms Ltd għandha tieħu mingħand familji, lukandi, fabbriki u kumpaniji separatament li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 27264.

Dipartiment tal-Anzjani

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7951, 7380 u 8263, jista’ l-Ministru jghid jekk hux se jigu mpjegati aktar ħaddiema socjali fis-Social Workers’ Unit ? Kemm kien hemm ħaddiema socjali f’din il-unit fis-snin 2008, 2009 u 2010 u kemm hemm ħaddiema soċjali llum? Għaliex f'din il-unit għadu ma ġiex appuntat uffiċjal inkarigat bħalma hemm f’units oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità għamel talba biex jiġu ngaġġati żewġ social workers ġodda. Ħaddiema fis-Social Workers’ Unit Sena Numru ta’ Social Workers 2008 7 2009 6 2010 6 2011 6 Bħalissa s-Social Work Unit hija mmexxija minn Social Worker tal-esperjenza u tingħata allowance speċifikament għat-tmexxija ta’ din il-Unit.
Leg 11 PQ #27337 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Użu ta' Lie Detector

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jintuza b’mod obbligatorju lie detector fuq dawk il-priġunieri li se jibbenefikaw mis-sistema tal-Parole? Hemm ħsieb li t-test ta’ lie detector jibda jintuża ukoll fil-każijiet tal-Qrati tagħna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li m'hemmx il-ħsieb li jiġi b'xi mod użat il-lie detector.

Ċentri tal-Persuni b’Diżabilità b'servizz ta’ self-advocacy

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk iċ-Ċentri tal-Persuni b’Diżabilità li ghandhom is-servizz ta’ self-advocacy? Min qed imexxi dawn il-gruppi? Kemm-il darba ltaqgħu dawn il-gruppi f’kull ċentru s-sena l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-servizz tas-Self Advocacy bħalissa qiegħed jingħata fiċ-ċentru l-Kbir tal-Imtarfa. Dan hu mmexxi minn żewġ support workers taħt is-superviżjoni tal-Leader tal-istess ċentru, tas-social worker kif ukoll tal-professional support worker. Is-sena l-oħra kellna grupp wieħed li kien jikkonsisti fi tlettax-il persuna u kienu jiltaqgħu darba fil-ġimgħa. Minn din is-sena f’dan l-istess ċentru ġew iffurmati tlett gruppi oħra u qegħdin jiltaqgħu darbtejn fil-ġimgħa. Fil-bqija taċ-ċentri qed jiġi ddedikat ħin biex il-klijenti jiltaqgħu u jiddiskutu flimkien mas- support workers affarijiet kurrenti u attivitajiet li jistgħu jagħmlu biex b’hekk ikun hemm bażi tajba ħalli jiġu ffurmati gruppi oħra tas- self advocacy . Il-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ għandha Kumitat Konsultattiv tal-Persuni b'Diżabilità Intellettwali li hu mmexxi mill-Kumitat iż-Żgħir li hu magħmul minn persuni b'diżabilita' intellettwali li jingħataw is-sapport fejn meħtieġ, fuq il-prinċipji ta' kif jaħdmu gruppi ta' self-advocacy .
Leg 11 PQ #27339 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li weħlu l-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li kkommettew reat is-sena l-oħra u ttellgħu l-Qorti? Kemm minnhom weħlu l-ħabs? Kemm minnhom kienu reċedivi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 18,868 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija, uħud minnhom aktar minn darba, għax kienu kkommettew xi reat kriminali. Dan in-numru ma jinkludix każijiet relatati mat-traffikku fejn jingħataw tickets. Infurmat ukoll illi matul l-istess perjodu kien hemm 589 persuna, (li mhux neċessarjament min dan l-ammont), li weħlu sentenzi ta’ ħabs, li minnhom 122 kienu reċedivi.

xogħol part-time ta' persuni single

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex persuna single li m’għandhiex tfal ma tistax taħdem part-time għaliex tispiċċa li ma tibqax tirċievi għajnuna soċjali mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskop ewlieni tal-benefiċċju tal-Għajnuna Soċjali huwa kumpens finanzjarju għal min ma jaħdimx u jkun qed jirreġistra għax xogħol, li minħabba kundizzjoni ta’ saħħa ma jkunx jista’ jaħdem. Persuna single u bla tfal li tkun taħdem part-time ma tistax tirċievi l-Għajnuna Soċjali jew parti minnu għax tali miżura hija intenzjonata għal ġenituri single li għandhom tfal dipendenti fuqhom. Iżda jista’ jkun li persuna single li tkun taħdem tikkwalifika għall-Għajnuna Supplimentari skont id-dħul tagħha.
Leg 11 PQ #27391 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — amputation fuq swaba tal-idejn

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk individwu li għandu amputation fuq xi swaba ta' idejh għandux id-dritt jew jistax japplika għal suldat mal-Forzi Armati ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli membru li kif ikun soltu indikat fl-avviz tas-sejha ghal reklutagg fil Forzi Armati ta’ Malta kandidati maghzula jkunu mehtiega li joqghodu ghal ezami mediku biex jigi zgurat li jissodisfaw l-istandards medici ghall-ingagg fil-Forzi Armati ta’ Malta. Tali standards li huma bbazati fuq standards internazzjonali jeskludu l-possibilta lil persuni b’nuqqas ta’ swaba milli jingaggaw fil-Forza. NIFHEM LI L-ONOR INTERPELLANT JAPPREZZA UKOLL LI DAWN L-ISTANDARDS JIGU STABBILITI FL-ISTESS INTERESS TA' L-INDIVIDWU IN VISTA TA L-ISTESS NATURA TA' XOGHOL LI JISTA' JITQABBDU JAGHMLU S-SULDATI.

Stennija għall-operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26766 u 26579 u jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li tmien snin ilu kien waqa' minn fuq il-bridge ta' Regional Road u ilu daqshekk jistenna biex issirlu operazzjoni? Jista' jingħata l-aħħar żviluppi dwar dan il-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjent li qiegħed jirreferi għaliħ l-Onor. Interpellant sarulu numru ta’ interventi minħabba l-ġrieħi estensivi li ġarrab bħala rizultat tal-inċident li kellu fl-1997. Il-pazjent bħalissa qiegħed fuq il- waiting list sabiex issirlu operazzjoni elettiva konnessa mal-ġrieħi li kien ġarrab. Minħabba fin-numru ta’ pazjenti li jinstabu fuq il lista tad-Dipartiment tal-Ortopedija mhuwiex possibli li tingħata data lill-pazjenti ħafna qabel ma jkun se jsir l-intervent. Dan japplika wkoll għall-pazjent li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li infetah ir-raba’ tejatru tal-operazzjonijiet elettivi. Dan se jkun pas pożittiv biex jitnaqqsu b’aktar ħeffa l-lista tal-pazjenti li qegħdin jistennew li ssirilom operazzjoni.

talba għal għajnuna fit-tindif tad-dar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26923 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija u issa ġiet riferuta lilu u jara każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li huwa separat u jgħix waħdu u talab għall-għajnuna fit-tindif tad-dar, imma l-bord m'approvax dan is-servizz? Peress li r-raġel jinsab waħdu u għandu 65 sena, jista' l-Ministru jara jekk il-bord jistax jerġa' jirrevedi l-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Bord tal-Allokazzjoni ikkonsidra dan il-każ imsemmi fit-19 ta' Mejju 2011. Ir-rapport mediku jindika li l-klijent għadu ndipendenti u għadu kapaċi jagħmel xi faċendi ta' kuljum, filwaqt li r-rapport soċjali jissuġġerixxi li l-klijent għandu bżonn sapport morali għaliex riċentament issepara. Għaldaqstant il-Bord iddeċieda li għalissa għad m'hemmx urġenza għas-servizz tal-Home Help.

Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ ta' omm ta' żewġt itfal separata, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tgħix f'post u issa s-sid taha ċans sena biex ikeċċiha mid-dar u hija applikat għal dar oħra li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta in kwestjoni applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva nhar il-11 ta’ Mejju, 2011. L-applikanti tista’ tkellem l-Awtorità tad-Djar dwar għajnuna oħra tal-iskemi tal-Awtorità tad-Djar bħal sussidju tal-kera.

Xiri ta' ċens

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li xtara dar u ilu li applika mill-2006 biex jixtri ċ-ċens u minkejja dan iż-żmien kollu għadu bla risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din il-proprjetà ma tidhirx li kienet tal-Awtorità tad-Djar, fil-fatt ma sibna l-ebda prova li din il-proprjetà nxtrat mill-Awtorità tad-Djar. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li koppja żagħżugħa, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-servizz tal-ilma tingħata dan is-servizz biex ikunu jistgħu jkomplu l-post?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lil ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Servizz ta' Għabex

Question

Tista’ l-Ministru tghid kemm qed tqum l-ispiża ta’ kull residenta li tirrisjedi fix-Xelter ghall-Vittmi ta’ Vjolenza Domestika ‘Għabex’? X’tip ta’ servizz qed jinghata lil dawn ir-residenti? X’azzjoni qed tittieħed meta l-vittmi ma jkunux għadhom solvew il-problemi tagħhom wara ż-żmien li suppost joqgħodu f’dan ix-xelter?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sena 2010 l-ispiża ta’ kull residenta li tirrisjedi fix-xelter ‘Għabex’ swiet is-somma ta’ € 2,939.00 (dan jeskludi donazzjonijiet li jingħataw lil Għabex) Is-servizz li joffri dan ix-xelter jinkludi proviżjoni ta’ sigurta’ fl-akkomodazzjoni, sapport emozzjonali lill-vittmi, skeda mfassla kull ġurnata li tingħata lill-klijenti biex ikunu jistgħu jimxu mar-rutina. Jinħoloq pjan għall-futur tal-vittmi flimkien mal-ħaddiema soċjali tas-servizz tal-Vjolenza Domestika fejn jinkludu pariri legali, akkomodazzjoni alternattiva, pariri oħra relatati mas-sigurtà soċjali, fejn tidħol is-saħħa, ix-xogħol u l-edukazzjoni ta’ wliedhom u affarijiet oħra. Ir-residenti li jkunu qed jgħixu fix-xelter tal-‘Għabex’ idumu joqogħdu medja ta’ tliet xhur, iżda jkun hemm każijiet fejn imorru jgħixu ġo xi xelter ieħor jew f’residenza għal rashom b’mod indipendenti jew inkella jirritornaw lura lejn darhom u għalhekk il-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan is-servizz tal-Vjolenza Domestika jkomplu joffru s-sapport u l-għajnuna meħtieġa li jkollhom bżonn permezz ta’ interventi soċjali sakemm il-vittma tagħti l-kunsens li tibqa’ tirċievi din l-għajnuna.

Waiting list — operazzjoni tal-irkoppa

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' mara, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha fil-waiting list biex tagħmel operazzjoni tal-irkoppa xi tliet snin, kull darba jgħidulha li se jibagħtu għaliha u issa qalulha li se jibagħtu għaliha f'Ġunju li għadda imma għadha bla risposta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjenta li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant ilha mniżżla fil-waiting list tad-Dipartiment tal-Ortopedija mid-9 ta’ Ottubru 2008 sabiex issirilha operazzjoni fuq irkubbtejha. Minħabba l-volum ta’ pazjenti li jinstabu fuq il-lista tad-Dipartiment tal-Ortopedija mhuwiex possibli li tingħata data lill-pazjenti ħafna qabel ma jkun se jsir l-intervent. Dan japplika wkoll għall-pazjenta li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li nfetaħ ir-raba’ tejatru tal-operazzjonijiet elettivi. Dan ser ikun pass pożittiv biex titnaqqas b’aktar ħeffa l-lista tal-pazjenti li qegħdin jistennew li ssirilhom operazzjoni.