Legislature:
Category:
Reset
Active:

Addolorata — ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ġibjuni li jinsabu fejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata ħdejn il-Banju Boutique jitnaddaf kif dejjem issir kull sena peress li jinsab bla ilma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ġibjuni msemmija mill-Onorevoli Interpellant diġà ġew imnaddfa.

Facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' kopja li għandha żewġt itfal fostered u wieħed minnhom, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, għandu bżonn is-servizz ta' facilitator, fil-fatt dan kellu wieħed, inbidel u issa għandu oħra, imma l-missier jixtieq li jkollu l-ewwel facilitator għax it-tifel kien aktar kuntent u kienu qed jaraw progress fih? Jista' xi ħadd mid-Dipartiment tad-Edukazzjoni jkellem lil din il-koppja biex naraw kif nistgħu ngħinu lil dan it-tifel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hija proċedura regolari tad-Dipartiment li learning support assistants (LSA) tagħmel sentejn biss ma’ student. Din il-proċedura hija importanti ħafna għall-ġid tal-istudenti biex dawn jidraw jaħdmu ma’ għalliema u LSAs differenti biex nippreparawhom għall-ħajja adulta.

Arms Ltd — kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jintbgħat il-kont tad-dawl u l-ilma mill-Kumpanija Arms lill-koppja, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Dar tal-Providenza — Tfajla ta' 29 sena li tinsab f'siġġu tar-roti

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-każ ta' tfajla ta' 29 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, liema tfajla tinsab f'siġġu tar-roti u minħabba li ma timxix u ma tistax tiġi kkurata d-dar tagħha intbagħtet fid-Dar tal-Providenza, wara ftit intbagħtet f'Dar il-Kaptan, reġgħet intbagħtet fid-Dar tal-Providenza, saħansitra wara ġiet mibgħuta f'home Għawdex, wara intbagħtet f'Casa Serena, reġgħet intbagħtet ġewwa Dar il-Kaptan u għal darb'oħra wara fid-Dar tal-Providenza? Tista' l-Ministru tara li din it-tfajla tinżamm f'post permanenti darba għal dejjem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Sapport qed isegwi l-każ ta’ din it-tfajla u qed isiru arrangamenti biex tibda tgħix f’ Dar Pirotta b’mod permanenti.

Tiswija ta' linja tat-telephone

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata l-linja tat-telephone ta' mara separata, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tinsab bla ebda komunikazzjoni u li tgħix flimkien ma' uliedha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Kartuna safra Schedule V

Question

Jista' l-Ministru jara x'ġara mit-tiġdid tal-kartuna s-safra Schedule V tal-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ilu li ħadha fl-Isptar Mater Dei xi tmien ġimgħat u kull darba li jċempel l-isptar jgħidulu li bagħtuha bil-posta? Jista' d-dipartiment jinvestiga dan il-każ u b'hekk jonqsu l-ilmenti tan-nies lejn is-servizz tas-saħħa u l-konsumatur jieħu dak li hu tiegħu bi dritt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-imsemmi pazjent waslet fl-uffiċċji ta’ Skeda V fit-3 ta’ Awwissu 2011. Kif din l-applikazzjoni tasal, hemm proċess ta’ madwar ħmistax il-ġurnata sakemm tinħareġ id-dokument uffiċċjali. Il-kartuna s-safra ta’ dan il-pazjent inħarġet fit-18 ta’ Awwissu 2011, u dan l-uffiċċju, wara li kkuntattja lill-istess pazjent, ikkonferma li din waslet għandu.

Housing Authority — tiswijiet f'saqaf

Question

Jista’ l-Ministru permezz tal-Housing Authority jara li s-saqaf tal-anzjana, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi rranġat minħabba li qed jaqgħu biċċiet minnu ħalli ma jkunx hemm inċidenti bla bżonn peress li dalwaqt dieħla x-xitwa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar qatt ma rċeviet notifika mir-resident imsemmi dwar xi ħsarat li jista’ għandha fil-fond fejn tgħix. Minkejja dan l-awtorità ħadet nota ta’ din l-interpellanza u sejra tagħmel spezzjoni fuq il-post.

Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħarġu kontijiet ġodda ta' anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li biddlulu l-meter tal-ilma u jidher li kien hemm xi problemi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.
Leg 11 PQ #27734 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni Ċivili — overtime ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-flus tal-overtime tal-ħaddiema li ilhom ma jieħdu dan id-dritt tagħhom għal aktar minn seba' xhur fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jħallas l-overtime regolarment ma' kull salarju u hekk qiegħed jagħmel. Infurmat ukoll però, li meta jkun hemm overtime marbut ma' xi xogħol jew inċident eċċezzjonali, dan jieħu aktar żmien biex ikun ipproċessat u għalhekk idum aktar biex jitħallas. Ninsab infurmat illi m'hemmx ħlas għal overtime pendenti.

Blue sticker

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27260 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jara għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kellha l-blue sticker għal dan l-aħħar 16-il sena u issa meta marret iġġedded, irrifjutaw li terġa' tingħata l-blue sticker peress li huma qed isostnu li huwa żball?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Leg 11 PQ #27822 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

liċenzja ta' security

Question

Jista' l-Ministru jara li titmexxa t-talba ta' Sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li qed jistenna biex tinħareġ il-liċenzja ta' security , għax minkejja li għadda ż-żmien xorta għadu ma rceviex din il-liċenzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet saret mal-Pulizija nhar is-27 ta’ Ġunju. Peress li l-liġi tirrikjedi illi jingħata avviż fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ dawn l-applikazzjoni, din ġiet hekk pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-5 ta’ Lulju. Il-ligi wkoll tenħtieġ li jingħata xahar għal min ikun irid jagħmel xi oġġezzjoni, liema perijodu skada fil-5 ta’ Awwissu. Sat-8 ta’ Awissu l-applikazzjoni kienet ipproċessata u l-liċenzja setgħet tinġabar. Filfatt l-applikant mar ġabar il-liċenzja nhar il-11 ta’ Awissu 2011.

Applikazzjoni għar-Residenza San Vincenz de Paule

Question

Jista’ l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni tal-anzjan li applika biex jidħol fir-Residenza San Vincenz de Paule u min-naħa tad-dipartiment qed jgħidu li m’għandhomx applikazzjoni? Meta l-familjari tiegħu applikaw kellmu lill-persuna li d-d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament. Dan l-anzjan jinsab il-Mosta Central Home, imma huwa diffiċli għall-familja tiegħu li huma ukoll anzjani li jmorru jarawh.

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjan li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant applika biex jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule fit-22 ta’ Ġunju 2011 u ġie approvat mill-Bord tal-Ammissjoni biex jidħol ġo Dar tal-Anzjani tal-Gvern u mhux għar-Residenza San Vinċenz de Paule. Fis-7 ta’ Lulju 2011 intbgħatet ittra lil dan l-anzjan biex jindika l-preferenza tiegħu dwar id-Dar tal-Anzjani tal-Gvern biex jitqiegħed fuq il-lista ta’ stennija għad-Dar tal-anzjani li jkun għażel, iżda sal-lum id-Dipartiment ma rċieva l-ebda risposta.

Arms Ltd — talba għal reviżjoni ta' kont

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Arms Ltd tiċċekkja l-kont ta' ġuvni li jgħix waħdu u jaħdem ta' bil-lejl li ġieh kont għoli ħafna? Jista' jara li l-ħaddiema jikkuntattjawh ħalli jaraw il-meter u ssir reviżjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Spezzjoni fuq post minħabba cables tad-dawl li għaddejjin minn taħt dar

Question

Jista' l-Ministru jara li wara li saret spezzjoni f'post biex jaraw jekk humiex għaddejjin cables tal-Korporazzjoni Enemalta minn taħt dar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u meta dawn marru fuq il-post qalulhom li jista' jkun hemm u jista' ma jkunx hemmx cables għaddejjin u jridu li s-sid jiċċekkja jekk hemmx kurrent għaddej? Jekk l-individwu jagħmel dan, ma jidhirlux l-Ministru li jekk hemm xi kurrent tad-dawl dan l-individwu jkun qiegħed f'riskju għal ħajtu? Mill-pjanti li jkollu l-Gvern jista' jara x'tip ta' kurrent jew cables huma għaddejjin minn taħt din id-dar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta fl-ebda mument ma qalet lis-sid biex jiċċekkja jekk hemmx kurrent għaddej. Il-korporazzjoni identifikat żewġ high tension cables, u li iżda l-cable riferut f’din il-mistoqsija parlamentari ma jidhirx li hu tal-Enemalta. Kif diġà ġie infurmat, is-sid għandu japplika għal devjazzjoni tal-cables tal-Enemalta u jġib dikjarazzjoni mingħand il-GO, f’każ li jixtieq ineħħi l-cable l-ieħor.

Mara li terġa toħroġ taħdem

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak li intqal fil-bugdet li mara miżżewga li terġa toħroġ taħdem wara żmien wieqfa din ma tħallasx taxxa għal sena? Kif trid tagħmel? Min irid javża lill-kumpanija fejn tkun qed taħdem?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din il-miżura tħabbret fid-Diskors tal-Baġit għas-sena 2009 (paġni 35 u 36) u tibni fuq miżura oħra simili li daħlet fis-seħħ fl-2005 li kienet tikkonsisti fi kreditu ta’ taxxa ekwivalenti għal €1,631. Il-benefiċċju jikkonsisti fi kreditu ta’ taxxa li jingħata lil dawk in-nisa li jew jirritornaw għax-xogħol wara nuqqas ta’ ħames snin jew jirritornaw għax-xogħol wara t-twelid ta’ tarbija. Hemm għażla ta’ kif jista’ jittieħed il-benefiċċju. Tista’ tittieħed sena sħiħa eżenzjoni mit-taxxa fuq l-imjieg għal kull wild taħt is-sittax-il sena jew kreditu ta’ €2,000 għal kull wild mifrux fuq sentejn. Dan sar biex dawk in-nisa li għandhom dħul iżjed baxx jibbenefikaw saħansitra minn eżenzjoni effettiva ta’ aktar minn sena waħda. Biex jittieħed il-benefiċċju trid timtela waħda minn tliet formoli, skont il-każ, li tinhemeż mal-formola tat-taxxa li timtela kull sena. Hemm però ċirkostanzi fejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni jkun diġà jaf li persuna se tkun eliġibbli għall-benefiċċju u dan jingħata awtomatikament fir-rendikont tat-taxxa mingħajr il-bżonn li tintbagħat formola. L-impjegati tal-Customer Helpdesk tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni huma mħarrġa biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa fuq din l-iskema. Jekk il-mara li qed tirritorna għax-xogħol tkun intitolata għal eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fuq l-impjieg għal dik is-sena, trid tavża lill- employer tagħha biex ma jżommx taxxa taħt is-sistema tal- Final Settlement System . Jekk għal xi raġuni t-taxxa tinżamm xorta waħda, u allura jirriżulta xi ħlas żejjed, it-taxxa mħallsa żejda tingħata lura mar-rendikont ta’ dik is-sena ta’ stima. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-lum kien hemm 8,344 mara li ħadu dan il-benefiċċju b’total ta’ €8.5 miljun fi kreditu ta’ taxxa.

Persuni li jirbħu l-lotto

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-regola ta' min jirbaħ il-lotto għaliex ġieli min rebaħ anke naqsulu 70% tar-rebħ? Min jirregola dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-logħob tal-lotterija nazzjonali llum jiġi organizzat minn operator privat. Din ir-regola hija regola li għamel l-operatur fit-termini u kundizzjonijiet tal-logħba tal-lottu u li kienet ġiet approvata mill-awtorita` dwar il-lotteriji u logħob f’ Lulju ta’ l-2007, ai termini ta’ Sezzjoni 5 ta’ l-Licenzja tal-Lotterija Nazzjonali. Meta r-rebħ jaqbeż is-70% tal-bejgħ, l-operatur qed iżomm id-diskrezzjoni li jnaqqas dak ir-rebħ biex jiġi jammonta għal 70% ta’ dak li jkun inbiegħ. L-operatur jagħmel dan sabiex iżomm il-logħba vijabbli. Tajjeb li wieħed jinnota illi meta r-rebħ ma jaqbiżx it-30% tal-bejgħ, il-premjijiet jiżdiedu sabiex ilaħħqu it-30% tal-bejgħ. Minn meta ġiet introdotta din ir-regola, il-premjijiet tnaqqsu 33 darba u żdiedu 28 darba.

Maltacom — shares

Question

Jista' l-Ministru jara x-shares li kellha tagħti l-Maltacom lis-Sinjur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qabel kien jirċevihom regolari u issa mhux jirċievihom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Gudja — Vjal it-Torri - Problema ta' ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata tappiera, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi Vjal it-Torri, Gudja peress li saru rapporti imma ma kien hemm l-ebda żvilupp u minnha ħerġin numru ta' ġrieden?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li uffiċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kemm reġjonali kif ukoll mill-Pest Control Unit ma rċevewx ilmenti dwar it-triq indikata. Saret spezzjoni fil-21 ta’ Lulju 2011 fit-triq indikata u speċifikament quddiem id-dar bl-indirizz numru 148, Vjal it-Torri, Gudja li għaliha tappartjeni din it-tappiera (kaxxa tal-ispezzjoni) fejn instab li għandha l-għatu difettuż u li minnha jistgħu joħorġu l-ġrieden mid-drenaġġ. Din id-dar hija abbandunata, ġie kkonfermat minn xi ġirien, liema ġirien ma kinux jafu jgħidulna min hu s-sid u fejn nistgħu nikkuntattjawh b’indirizz jew numru tat-telefon biex nobbligawh jirranġa l-għatu tat-tappiera skont il-liġi.. Perss li s-sid għadu mhux magħruf ma jistgħux jittieħdu l-passi meħtieġa dwar l-għatu tal-kaxxa konċernata. Ser jibqgħu jsiru sforzi minn naħa ta' dan id-Direttorat sabiex jinstab is-sid. Sa dan it-tant ħaddiema fi ħdan il- Pest Control Unit ta’ dan id-Direttorat għamlu trattament kontra l-ġrieden fid-drenaġġ pubbliku fil-qrib biex kemm jista jkun tittaffa l-allegata problema tal-ġrieden. Saret ukoll korrespondenza mal-Kummissarju tal-Pulizjia dwar tali lment biex jekk jinħass li hemm periklu lill-persuni mixjin fuq il-bankina, minħabba d-difett fl-għatu ta’ din il-kaxxa tad-dreneġġ, jittieħdu il-miżuri neċessarji kif titlob il-Liġi.

Każ ta' lift

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26965, tista' l-Ministru tara l-każ tas-sinjur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna msemmija fil-mistoqsija tista’ tissottometti applikazzjoni taħt Skema “E” għall-istallazzjoni ta’ lift ġewwa l-komun tar-residenza mikrija mill-gvern.

Enemalta — wire b'kurrent qawwi

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-Korporazzjoni Enemalta fejn instab wire b'kurrent qawwi fil-parapett ta' kopja li se jiżżewġu, u li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li dawn minkejja li kitbu lill-Korporazzjoni Enemalta u kellhom iwaqqfu x-xogħol li qed jagħmlu, għadhom bla risposta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-distrett tal-Enemalta kien ikkuntattjat il-ġimgħa li għaddiet dwar dan il-cable. Dan il-cable ma jidhrix li hu tal-Enemalta. Il-klijent ġie infurmat biex jagħmel kuntatt mal-GO biex jivverifika jekk dan il-cable huwiex taghhom.