Tista' l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għandux dritt li jieħu l-benefiċċju tal-mard peress li huwa jonfoq madwar €100 pilloli fix-xahar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet ikkuntatjata. Skont l-informazzjoni li ngħatat din il-persuna għadu ma applikax għall-benefiċju tal-mard.
Jista' l-Ministru jara li jinbidel is-sett tat-Telecare tal-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab waħedha u li ċemplet ħafna drabi biex jirranġawlha s-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-aħħar ħsara rrapurtata fuq il-linja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, kienet fit-13 ta’ Ġunju 2011, u din ġiet imsewwija. L-operaturi tat-Telecare ikkuntatjaw lill-anzjana u din ikkonfermat li mgħandiex ħsara iżda tixtieq biss li jinbidlilha is-sett tat-Telecare.
Sakemm ma jkunx hemm xi ħsarat, it-tibdil tas-sett tat-Telecare hija responsabbiltà tal-Kumpanija GO u mhux tas-Sezzjoni tat-Telecare.
Tista' l-Ministru tara l-każ ta' koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha li applikat għal post alternattiv mill-1985 peress li fejn toqgħod huwa kkundannat u fl-aħħar xhur waqgħu anke xi soqfa u tinsab imbeżża'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuni in kwestjoni m’għandhomx applikazzjoni pendenti mal-Awtorità tad-Djar għal post alternattiv. L-applikazzjoni li kellhom ġiet kkanċellata nhar l-1 ta’ Novembru, 2005 minħabba li ma bagħtux id-dokumenti mitluba mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali dak iż-żmien.
L-Awtorità tad-Djar se tikkuntattja immedjatament lil koppja anzjana biex jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-koppja anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għandhiex dritt għall-ikell b'xejn mill-Unjoni Ewropea bid-dħul li għandha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ftit tax-xhur ilu kellu problema fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma li ssolviet, imma issa reġa' rċieva xi kontijiet għoljin?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li min naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għat-telecare u minkejja li għaddew tliet xhur, għadha ma rċeviet xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-sezzjoni tat-Telecare irċeviet l-applikazzjoni tal-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, fil-5 ta’ Settembru 2011. Din ġiet iproċessata u mibgħuta lill-Kumpanija GO fit-23 ta’ Settembru 2011.
Is-Sezzjoni tat-Telecare reġet infurmat lill-Kumpanija GO biex tittieħed azzjoni minnufiħ biex l-anzjana tingħata s-servizz.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27694 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara x-shares li kellha tagħti l-Maltacom lis-Sinjur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qabel kien jirċevihom regolari u issa mhux jirċievihom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-individwu msemmi ma jidhirx fir-“records” tal-Malta Stock Exchange miżmumin fis-Central Securities Depository.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' mara separata li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li kulma għandha dħul huwa €353 u €30 fix-xahar u wara li kienet ilha ma tirċievi kont tad-dawl u l-ilma xhur, issa ġie kont ta' €1,033 u hija ma tistax tħallas dan il-kont f'daqqa? Din għandha vouchers ta' xi €210 u hemm xi vouchers minnhom li skadew?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha bżonn pilloli imma ma ngħatawlhiex?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li saret investigazzjoni tal-każ tal-pazjenta msemmija, ma nstabet l-ebda applikazzjoni tal-permess fuq isem is-sinjura għall-kapsuli Pregabalin 100mg. Ġie ċċekjat ukoll jekk is-sinjura għandhiex kartuna safra b’din il-mediċina nkluża però ma nstab xejn. L-aħħar kartuna fuq isem is-sinjura ħarġet fit-23 ta’ Settembru 2010.
Il-pazjenta hija mħeġġa li tmur għand il-konsulent tagħha biex ikun jista’ japplikalha għall-kartuna s-safra kif ukoll għall-permess ta’ din il-mediċina.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — persuna tistenna xi flus
Question
Tista' l-Ministru tara l-każ ta' xebba, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna risposta mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rigward flus li għandha tieħu u li ilha tistenna minn Diċembru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lil-persuna konċernata qed tiġi nfurmata rigward it-talba tagħha għall-Għajnuna Medika.
Raħal Ġdid: Skola Primarja u Sekondarja — Studenti bl-iscabies
Question
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk fl-Iskola Sekondarja u dik Primarja ta' Raħal Ġdid hemm studenti bl-iscabies?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li fl-iskola primarja ta’ Raħal Ġdid, id-Dipartiment tas-Saħħa ikkonferma li kien hemm 4 każijiet ta’ scabies. Dawn ġew mogħtija t-trattament meħtieġ.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qed jirċievi t-taxxa fuq il-mara tiegħu u jixtieq li tiġi regolata mid-Dipartiment tat-Taxxi biex din tibda tiġi fuqu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlet kuntatt mal-persuna indikata biex il-pożizzjoni tiegħu tiġi regolata.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dwar din il-materja ma kienx hemm għalfejn issir mistoqsija fil-parlament. Kien ikun biżżejjed kieku l-persuna konċernata marret fit-taqsima tat-Taxpayer Service fi Blokk 4, Floriana fejn normalment jiġu ttrattati każijiet bħal dawn minn taqsima apposta.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li għandha diżabilità, tingħata l-blue sticker peress li din tkun ta' għajnuna kbira għall-ġeneturi tagħha li jridu jieħdu ħsiebha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna msemmija kwalifikat għall-Blue Badge Service fuq bażi temporanja għall-3 snin.
Jista' l-Ministru jara li fi Triq id-Dejma, Ħal Tarxien ikun hemm sleeping policeman peress li din hija triq traffikuża u hemm erba' persuni b'diżabilità li jgħixu fl-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta se tiddiskuti din it-talba mall-Kunsill Lokali ta' Ħal-Tarxien.
Jista' l-Ministru jara l-ilmenti li qed ikun hemm fil-lokalità tal-Gudja fejn qabel kienet tgħaddi karozza regolari f'Ħal Għaxaq u issa kemm ilu li hemm l-Arriva s-servizz mar lura f'dak li għandu x'jaqsam mar-rotot fejn qed ibatu l-ħaddiema, l-istudenti, l-anzjani u l-familji tagħhom? Jista' jara li jiġi mtejjeb is-servizz tal-Arriva sabiex jinqdew aħjar dawn ir-residenti? Jista' jgħid ukoll kull meta tgħaddi l-karozza għall-Isptar Mater Dei, peress li biex in-nies ta' Ħal Għaxaq imorru l-Belt jew l-isptar ikollom jinżlu Bir id-Deheb b'ħin twil jistennew biex jerġgħu jirkbu karozza oħra? Meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat dan is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Gudja u Ħal Għaxaq ser ikollhom rotta diretta għall-Belt Valletta bin-numru X5, liema rotta ser tibda topera fis-6 ta’ Novembru kull nofs siegħa.
Intant l-Onor. Interpellant mhux infurmat tajjeb dwar is-servizz li għandhom dawn il-lokalitajiet għal Mater Dei. Rotta 135 topera kull siegħa għal Mater Dei.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27506, jista' l-Prim Ministru jara li tiġi rranġata s-sitwazzjoni peress li l-kunsilli li għandhom taħt il-15,000 resident ma ħadux żieda u b'aktar minn 15,000 resident ħadu żieda, meta dawk xorta jaħdmu daqs l-oħrajn? Hemm xi ħsieb li ssir xi ħaġa dwar dan? Jekk saru xi diskussjonijiet, fejn waslu s'issa? Kemm-il darba ltaqgħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor.Interpellant jindika għal liema żieda qiegħed jalludi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27509, jista' l-Ministru jinvestiga l-każ peress li lil dan l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ħadd għadu ma kkuntatjah u dan ilu jistenna risposta mill-2006 u saħansitra anke pjanta għandu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li mhux minnu li ħadd ma kkuntatja lil dan l-individwu u lanqas ma huwa minnu li diġà saru l-pjanti. Dan l-individwu ngħatalu appuntament sabiex it-tekniċi tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern imorru jieħdu l-qisien tad-dar tiegħu u jsiru l-pjanti meħtieġa ħalli l-proprjetà tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet. Iżda dak inhar tal-appuntament l-uffiċjal tad-dipartiment mar fuq il-post għalxejn peress li dan l-individwu ma żammx l-appuntament. Id-dipartiment se jerġa’ jagħmel tentattiv ieħor sabiex ikunu jistgħu isiru l-pjanti li mingħajrhom ma jistax isir il-kuntratt tal-bejgħ.
Tista' l-Ministru tara l-każ ta' ġuvni li ommu tgħix bir-relief, u li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li daħal l-MCAST u xtaq li jagħmel kors tal-IT iżda dan ġie mitlub li jerġa' jirrepeti s-suġġetti li huwa għadda minnhom u issa se jispiċċa bla stipendju, meta qabel dan kien jieħu ukoll s-supplimentarju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudent imsemmi kien weħel minn xi suġġetti għal diversi drabi u reġa’ applika għal kors simili tal-istess livell.
Ir-regolamenti ta’ dan il-kors jistipulaw li l-istudenti li jeħlu u juru x-xewqa li jagħmlu l-kors mill-ġdid ikollhom jirrepetu il-
modules
kollha mingħajr eżenzjoni.
Studenti li jirreputi kors tal-istess livell ma jkunux intitolati għal stipendju. Huma jerġgħu jibdew jieħdu l-istipendju malli jimxu mis-sena li jkunu qed jirrepetu u jibdew is-sena ta’ wara.