Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ tal-benefiċċju tal-enerġija

Question

Tista' l-Ministru tara każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex id-dipartiment ikun jista' jagħti risposta għaliex inqatgħatlha l-benefiċċju tal-enerġija? Jista' jiġi kkuntattjat jew jingħata bil-miktub il-kawża ta' dan il-qtugħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.

learning support assistants li għaddew

Question

Wara li ħarġu r-riżultati tal-learning support assistants, tista' l-Ministru tgħid kemm se jdaħħal il-gvern mill-65 li għaddew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-65 supply learning support assistants se jkunu impjegati skont il-ħteġijiet tad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.

Residenza San Vinċenz de Paul — trasferiment minn sala

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu 75 sena u li jinsab fir-Residenza San Vinċenz de Paul, peress li għamel transfer għal sala oħra u jixtieq li jingħata l-attenzjoni meħtieġa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat sabiex tmur f’sala differenti fit-30 ta’ Settembru, 2011. Din it-talba tpoġġiet fuq lista ta’ rikjesti għal transfer għal din is-sala. Din il-persuna tinsab fil-pożizzjoni 17 tal-lista.
Leg 11 PQ #29346 Sitting 406 2011-11-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

tul biex persuna tidħol pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irid ikun it-tul biex persuna tidħol pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għal dħul fil-kors ta' taħriġ għal kuntistabbli, ċioe dik tat-8 ta' April 2011, kienet tistipula li t-tul kellu jkun ta' mhux anqas mimm 1.7 metru meta l-persuna titkejjel ħafja.

Talba għal suletti

Question

Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, wara li ilha żmien tistenna biex ikollha s-suletti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-riferta tal-persuna msemmija hawn fuq waslet fl-Orthotics & Prosthetics Unit (OPU) fit-8 ta’ Lulju 2011. Il-persuna ġiet riferita l-OPU wara vista fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Birkirkara. Kull riferta li tasal fl-OPU tigi kategoriżżata skont l-urġenża tal-każ. Fil-ġimgħat li ġejjjin il-persuna għandha tirċievi appuntament biex tattendi l-OPU biex isiru l-arranġamenti kollha meħtieġa biex niprovdulha par suletti.

Pilloli fuq il-kartuna s-safra

Question

Jista' l-Minstru jgħid jekk il-gvern jagħtix fuq il-kartuna s-safra il-mediċini One Alfha 0.25mg, Calcium Lac 300mg, Thyroxine 50mg u tal-100mg peress li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament jieħu dawn il-pilloli regolari?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċini Alfacalcidol 0.25mg, Calcium Lactate 300mg, Thyroxine 50mg u 100mg kollha jinstabu fil-formularju tal-gvern. Sabiex jiġi intitolat, konsulent awtorizzat irid japplika għall-Skeda V skond l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).

każ ta' tifla li trid tbiddel l-iskola

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' tifla ta' 12-il sena, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq tbiddel l-iskola fejn tattendi għax fejn qiegħda mhijiex għal qalbha, tant li qed jaqbduha dwejjaq kbar u bħalissa anke ċertifikat għandha? Tista' tara x'jista' jsir peress li l-Prinċipal tal-iskola fejn tixtieq tmur ma sab l-ebda problema li t-tifla tibda tmur hemm, imma l-Prinċipal tal-iskola fejn qed tattendi bħalissa waqqafha milli titlaq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Prinċipali taż-żewġ kulleġġi ħadmu flimkien u qablu li ma jkunx ta’ ġid għat-tifla jekk tibdel l-iskola f’dan l-istadju. Id-diffikultajiet li għandha t-tfajla mhux se jgħaddu billi tiġi trasferita bejn skola u oħra. Għaldaqstant it-tifla se tibqa’ tingħata kull għajnuna li għandha bżonn min-nies professjonali tal-kulleġġ.

Skema tal-pensjonanti — żieda fl-impjieg

Question

Meta jinqatgħu dawk il-pensjonanti/impjegati li jkunu baqgħu fl-impjieg wara li suppost ikunu ħarġu bil-pensjoni, tista' l-Ministru tgħid kemm jirriżulta li żdiedu l-impjiegi fil-pajjiż sena b'sena minn meta bdiet din l-iskema tal-pensjonanti li jistgħu jibqgħu fl-impjieg basta jħallsu l-Bolla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-informazzjoni ma tistax tingħata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għaliex m’għandniex statistika ta’ gainfully occupied.

Reġistru tar-Reġistrar — numru ta' nies li jfittxu x-xogħol

Question

Filwaqt li nqagħtu tant eluf minn fuq ir-Reġistru tar-Reġistrar u qed jingħaddu dawn il-pensjonanti li baqgħu fl-impjieg, tista' l-Ministru tgħid għaliex in-numru ta' nies ifittxu ix-xogħol qed jibqa' fuq l-istess livell?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni lill-anzjana

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li r-raġel ilu mejjet tliet xhur u minkejja dan iż-żmien kollu, għadha ma rċevitx pensjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistqosija lill-Ministru konċernat.

Kottonera — Triq il-Fortini ta' Feliċ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq il-Fortini ta' Feliċ, Birgu indikata fil-pjanta li qed tintbagħat separatament, hux se tidħol fil-pjan tal-Kottonera? Il-ħajt li jagħti għat-Tarzna se jaqa'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li la Triq il-Fortini ta' Feliċ u lanqas il-ħajt tat-Tarzna ma' jiffurmaw parti minn xi proġett li jaqa' taħt il-Ministeru tiegħi.

Blue sticker

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27759, jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 27260 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jara għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kellha l-blue sticker għal dan l-aħħar 16-il sena u issa meta marret iġġedded, irrifjutaw li terġa' tingħata l-blue sticker peress li huma qed isostnu li huwa żball?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta mhix responsabbli mill-ħruġ ta' blue stickers. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Kanna tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jaraw kanna tal-ilma, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilu joħroġ l-ilma minnha 24 siegħa u minkejja li rrapportaw lil tal-emerġenza, xorta baqgħu bla kuntatt?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjonijiet li saru jirriżulta illi kien hemm żewġ problemi qrib l-indirizz immsemmi. Waħda illi xi ħadd mhux magħruf għalaq l-istopcock tal-bankina, sabiex jieqaf ħiereġ ilma minn ħsara fuq is-servizz li jitma l-istess propjreta. It-tieni jirriżulta li kien hemm ħsara oħra f’servizz ta’ propjreta fil-qrib, li l-ewwel tentattiv sabiex tissewwa falla għax ma nstabitx l-origini minn fejn ġej l-ilma. Għalhekk il-każ għadda għand is-sezzjoni tad-‘detection’ sabiex tiġi lokalizzata l-ħsara. Il-ħsara instabet u ġiet imsewwija.
Leg 11 PQ #27263 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nies fuq Bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma n-nies kollha li għandu l-gvern fuq bordijiet u kemm jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant.It-tabella mehmuża tirreferi għan-nies fuq bordijiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru skont it-29 ta’ Lulju 2011.Nirreferi lill-Onor.Interpellant biex jistaqsi lill-Ministri konċernati għar-rigward ta’ Ministeri oħrajn.

Raħal Ġdid — Triq Nazzarenu u Triq Sant' Ubaldeska - tappiera tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li tissolva l-problema tad-drenaġġ li joħroġ hekk kif tagħmel ftit xita minn tappiera li tinsab bejn Triq Nazzarenu u Triq Sant' Ubaldeska Raħal Ġdid għax minkejja li saru numru ta' rapporti baqa' ma sar xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret fuq il-post, jirriżulta li ma hemm xejn ħażin fl-imsemmija manhole. Probabilment, hemm numru ta btieħi u bjut ta’ djar privati illi huma illegalment imqabbda mas-sistema tad-drenaġġ. Għalhekk, is-sistema, li mhiex maħsuba sabiex tirċievi ilma tax-xita, ma tlaħħaqx waqt xita.

Impjiegi bil-qligħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm preżentament impjiegi bil-qligħ u li qed iħallsu l-bolla tas-Sigurtà Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor Interpellant li jgħaddi din il-mistoqsija lil Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Impjiegi bil-qligħ — żieda

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra fuq liema kriterji qiegħda tiġi kkalkulata ż-żieda ta' dawk l-impjegati bi qligħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li jidher li l-Onor Interpellant qed jirreferi għal mekkaniżmu tal-COLA, nitlob li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Skema tal-pensjonanti li jibqgħu fl-impjieg

Question

Tista' l-Ministru tagħti breakdown sena b'sena minn meta bdiet titħaddem l-iskema tal-Pensjonanti jibqgħu fl-impjieg, dawk l-impjegati li kellhom jispiċċaw bil-pensjoni imma li għażlu li jibqgħu fl-impjieg basta jħallsu l-Bolla tas-Sigurtà Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reġistru tad-Disimpjieg — skema tal-pensjonanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena, minn meta bdiet titħaddem l-iskema tal-Pensjonanti li jibqgħu jaħdmu, kemm tneħħew nies mir-Reġistru tad-Disimpjieg?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjonanti li suppost waqfu mill-impjieg tagħhom

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm minn dawk gainfully occupied huma pensjonanti li suppost ħarġu bil-pensjoni, imma li għażlu li jibqgħu fl-impjieg u li l-Gvern qed jindikahom bħala impjiegi ġodda sempliċiment għaliex għadhom iħallsu l-Bolla tas-Sigurtà Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-informazzjoni ma tistax tingħata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għaliex m’għandniex statistika ta’ gainfully occupied u lanqas mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ minħabba li m’għandhiex informazzjoni dwar il-ħlas tal-bolol.