B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27509, jista' l-Ministru jara li jsir l-appuntament lill-istess individwu għax minkejja li għaddew ix-xhur, għadu ma rċieva xejn?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif kien ġie riferit fi tweġibiet għall-mistosijiet parlamentari 27509 u 28722 fuq l-istess suġġett, dan id-dipartiment għamel diversi tentattivi biex jikkuntattja lill-individwu ħalli jingħata appuntament sabiex it-tekniċi tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-gvern imorru jieħdu l-qisien tad-dar tiegħu sabiex isiru l-pjanti meħtieġa ħalli l-proprjetà tkun tista’ tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet. Però minkejja dawn it-tentattivi, l-individwu mhux qiegħed iwieġeb għat-telefonati fuq in-numru li huwa stess kien ipprovda. Id-Dipartiment saħansitra anke bagħat lit-tekniċi fuq il-post però xorta ma rnexxielohomx jieħdu l-qisien peress li l-individwu ma kienx fil-post. Nitlob lill-Onorevoli Membru biex, jekk huwa jrid, jinforma lill-individwu sabiex jikkuntattja hu lid-Dipartiment biex ikun jista’ jingħatalu appuntament.
Tista' l-Ministru tara l-każ tal-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jgħix bir-relief però mhux qed jieħu bonus u lanqas is-supplimetari u għalkemm ilu jċempel ħadd ma ta kasu? Tista' tara jekk iridx jimla' xi dokumenti biex jibda jieħu dak li hu ħaqqu bil-liġi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha. Mhux minnu li l-persuna ma ħaditx il-bonus waqt li damet ma ħadet il-benefiċċju supplimentari peress li l-applikazzjoni waslet f’Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nqatgħalhom id-dawl mill-bidu tas-sena 2011? Kemm hemm persuni li reġa' ngħatalhom id-dawl? Kulħadd ħallas il-kontijiet biex reġa' ngħatalhom id-dawl? Jista' jgħid kemm hawn persuni li jinsabu bla dawl għax ma ħallsux il-kontijiet u kemm ilhom bla dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-bidu tas-sena l’hawn in-numru ta’ postijiet li nqatgħalhom id-dawl kien ta’ 956, filwaqt li in-numru ta’ postijiet li reġa ngħatalhom id-dawl kien ta’ 508. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ postijiet li jinsabu bla dawl għax ma ħallsux il-kontijiet huwa ta’ 448. F’każijiet fejn reġa ingħata d-dawl lura, dan sar minħabba li jew jkun sar il-ħlas tal-bilanċ dovut kollu, jew inkella jkun sar xi forma ta’ ftehim biex jsiru pagamenti bin-nifs. F’każ ta’ ftehim għal-ħlas bin-nifs; qabel ma jerġa jingħata lura s-servizz, isir l-ewwel pagament bħala depożitu fuq il-ftehim stess. Il-perjodu ta’ żmien sakemm jerġa’ jingħata d-dawl ivarja skond il-każ. Dan jiddependi minn meta jkun inqata’ s-servizz u jekk jkunx sar kuntatt mal-ARMS għall-ħlas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex tiddaħħal il-provista tad-dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm erba' mija u żewġ (402) applikazzjonijiet pendenti għas-servizz tad-dawl: tliet mija sitta u sebgħin (376) f’Malta u sitta u għoxrin (26) f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jiddaħħal is-servizz tal-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li sa nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru kien hemm 473 applikazzjoni għal servizz ġdid fir-reġjuni. Minn dawn 285 daħlu fl-aħħar 4 ġimgħat.
Apparti dawn hemm 179 applikazzjoni oħra li għadhom ma ġewx ipproċessati minħabba li l-korporazzjoni għadha qed tistenna li jsir xi pagament fuq kontijiet pendenti li l-applikant ikollu jew inkella minħabba li l-applikant ma jkunx ipproduċa d-dokumenti kollha meħtieġa meta applika.
B'referenza għat-tanking facilities fil-Kalkara, issa li t-Tarzna ġiet privatizzata, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn hux qed isir użu minnhom? Jekk iva, minn min? Jekk le, dawn se jitneħħew? Meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ir-restawr tas-swar fil-Kottonera? Jista' jgħid fejn inbeda x-xogħol u fejn ma ġiex inkluż fil-pjan ta' restawr tas-swar? Kemm ingħata fondi mill-Unjoni Ewropea u meta se jitlesta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanijiet ta' dawn is-swar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-restawr tas-swar fil-Kottonera, u partikolarment fil-Birgu għaddej b'ritmu tajjeb, u ħafna mix-xogħol identifikat biex isir diġa’ż inbeda.
Ix-xogħol li diġa inbeda fuq dawn is-swar permezz ta’ 'fondi tal-Unjoni Ewropea huma::
· Il-Bastjun ta’ San Ġwann, Piazza Bassa u Bibien
· Couvre Port u l-Foss tal-Birgu
· It-Torri Kavallier ta’ San Ġwann u s-swar tal-Posta ta’ Franza
· It-Torri Kavallier ta’ San Ġakbu u l-Bastun
· Contrascarpa tal-Foss
· Swart al-Posta ta’ Kastilja
· Ħajt u Foss interjuri (
entrenchment
) tal-Posta ta’ Kastilja
Tkompla ukoll xogħol fuq is-sur ta' San Ġwann t'Għuxa f' Bormla b'fondi lokali. Hu ppjanat ukoll li jinbeda xogħol fuq is-swar tal-Ponta tal-Isla fl-2012.
Il-fondi mill-UE li qed jintużaw fuq is-swar tal-Birgu jlaħħqu mad-disa’ miljun ewro. Il-proġett ko-finanzjat mill-UE ghandu jintemm fl-2013.
Għar-rigward il-pjanijiet ta’ dawn is-swar, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara it-talba tiegħu. Sadanittant ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjanti kollha li tħejjew fil-fażi ta' preparazzjoni għall-progett ta' restawr tas-swar ser ikunu aċċessibbli għall-pubbliku fiċ-Ċentru Interpretattive tas-Swar li ser jiġi inawgurat fl-2012.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ dwar ir-riħa li ħierġa mill-proġett ta' Barkat? Jikkonferma li hemm din ir-riħa u minn fejn ġejja? X'tip ta' materjal qed jintefa' fil-baħar? Jista' jgħid jekk il-baħar hux qed jiġi mniġġes?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li huwa responsabbli mill-Water Services Corporation
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-antenni tat-telegraph li hemm fil-Kalkara u wara l-Freeport f'Birżebbuġa għadx hemm użu għalihom? Jekk le, se jitneħħew u meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' l-Malta dwar il-Komunikazzjoni la hi s-sid tal-imsemmija antenni u lanqas fl-ambitu tal-ligijiet li hi tamministra ma hi bl-ebda mod involvuta fit-tħaddim tal-imsemmija antenni. Madankollu l-awtorità tista' tikkonferma li fiż-żewġ inħawi msemmija hemm xi apparat tal-kommunikazjoni li qed jiġi użat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir restawr fil-Forti Ricasoli? Jekk iva, meta se jsir? Bħalissa min qed juża dan il-post? Hemm xi ħsieb u/jew pjan għal din il-forti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bhalissa qed jitħejjew il-pjanti biex jintalbu l-permessi meħtiega għal tneħħija ta’ strutturi bla valur storiku biswit il-Forti Rikasoli. Saret ukoll talba għal finanzjament minn fondi tal-EEA biex tiġi restawrata parti sostanzjali mill-perimetru tal-fortizza li qed tinhakem mill-baħar, li talba qiegħda tkun konsidrata.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimentli li huwa responsabbli mill-Taqsima Proprjetà tal-Gvern.
.
Fortizzi fil-Kottonera u tas-Silġ f'Marsaxlokk — użu
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm fortizzi fil-Kottonera u tas-Silġ Marsaxlokk? Jista' jgħid x'inhu l-użu tagħhom u jpoġġi t-tagħrif fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk qed jintużaw, jista' jgħid minn min? Jista' jgħid jekk hux bil-kuntratt jew bi ftehim?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru li huwa responsabbli mis-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimentli li huwa responsabbli mill-Taqsima Proprjetà tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha marda terminali u tixtieq li tibqa' l-M2?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pazjenta li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, li għandha marda terminali u minħabba stroke reġgħet ġiet l-isptar, bħalissa qed tieħu kura biss biex tkun tista’ terġa’ tiġi mobbli. M’għadtx għandha sitwazzjoni akuta li għaliha għandha għalfejn tibqa l-isptar. Kull kura u attenzjoni li għandha bżonn bħalissa tista' issir fil-komunità.
Dak kollu li s’issa seta sar magħha fl-isptar seħħ, u m’għandiex raġunijiet mediċi għalfejn għandha tibqa' l-Isptar Mater Dei.
Il-konsulenti tal-isptar kelmu lil qraba tal-pazjenta u ssuġerewlhom għażla bejn żewġ toroq:
a. Il-pazjenta tmur id-dar u s-support kollu li għandha bżonn isir fil-komunitàjew
b. Il-pazjenta tmur fl-isptar Karen Grech ħalli hemm isirilha aktar xogħol ta’ rijabilitazzjoni biex tkun tista' terġa’ timxi sew.
ajruplani Amerikani li qed jitfgħu kimika fuq Malta
Question
Jista' l-Minstru jikkonferma jekk hux veru li xi ajruplani, aktarx Amerikani, qed jitfgħu xi kimika fuq Malta? Jekk iva, x'tip ta' kimika hija? Sar xi rapport fuq din il-ħaġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob l-Onor Interpellant ikun aktar dettaljat għax mingħajr dettalji hu mpossibli li tirrispondi d-domanda.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27638, jista' l-Ministru jara li l-bord jerġa' jara l-każ ta' anzjan ta' 75 sena, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab waħdu u qiegħed jitlob is-servizz ta' home help għax minkejja li jidher persuna kapaċi, huwa kellu stroke u hija diffiċli biex jaħsel l-art u jagħmel affarijiet oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-aħħar rapport mediku tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant datat 18 ta' Frar 2011 ma jindikax li kellha xi stroke, anzi hemm indikat li din il-persuna hija kompletament indipendenti.
Għaldaqstant, jekk f'dan il-perjodu, din il-persuna esperjenzat xi tibdil fil-kundizzjoni medika, għandha terġa' timla l-formola medika tal-applikazzjoni għal dan is-servizz mill-ġdid biex b’hekk terġa' tidher quddiem il-Bord tal-Allokazzjoni.