Legislature:
Category:
Reset
Active:

Breakfast Club — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar in-numru ta’ tfal li qed jattendu l-Breakfast Club fl-iskejjel pubbliċi u jekk dan żdiedx fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru li għadda? Jista’ jikkonferma li t-tfal li jattendu dan il-club fil-fatt qed jingħataw kolazzjon bnin u tajjeb għal saħħithom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal li qed jattendu l-Breakfast Club fl-iskejjel pubbliċi sal-4 ta Jannar 2018 huwa ta’ 3,852. Fl-aħħar ta’ Ottubru 2017 kien hemm 3,625 student, jiġifieri hemm żieda ta’ 227 student. Il-Kolazzjon li jingħata waqt il-Breakfast Club irid ikun konformi mad-Dokument HELP (Healthy Eating Living Plan) biex niżguraw illi l-kolazzjon ikun nutrittiv u tajjeb għas-saħħa. Informazzjoni dwar l-ikel pprovdut tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżamijiet tas-SEC — Studenti li g·addew mir-resits

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ studenti li għaddew mir-resits tas-SEC ta’ Settembru 2017 wara li kienu attendew għal-lezzjonijiet speċjali organizzati għalihom matul is-sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni addizzjonali li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2242 u li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 58 tat-28 ta‘ Novembru, 2017.

Università – Studenti li rrepetew sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti universitarji li fis-sena akkademika li qegħdin fiha qed jirċievu l-istipendju minkejja li qed jirrepetu sena minħabba li ma laħqux il-livell meħtieġ fis-sena ta’ qabel? Jista’ jgħid jekk din il-miżura tapplikax ukoll għal studenti tal-Junior College li jkollhom jirrepetu sena fil-kors akkademiku tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti universitarji li f’din is-sena akkademika qegħdin, fid-data tal-lum (11.01.2018), jirċievu l-istipendju minkejja li qed jirrepetu sena fil-kors tagħhom huwa 110. Din il-miżura tapplika wkoll għal studenti f’livell post sekondarju inkluż il-Junior College u kif ukoll studenti fl-MCAST.

Żejtun – Triq Cachia Zammit — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jirrapporta lil din il-Kamra dwar l-istadju li fih jinsabu x-xogħlijiet fi Triq Cachia Zammit, iż-Żejtun, partikolarment fl-inħawi viċin is-suq? Peress li x-xogħlijiet fuq din it-triq issa ilhom għaddejjin kważi sena, u dan b’inkonvenjent kbir għar-residenti u nies tan-negozju fl-istess triq, jista’ l-Ministru jindika lil din il-Kamra meta hemm il-ħsieb li tkun tlestiet għal kollox din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħlijiet ta’ Transport Malta fl-imsemmija triq bdew fil-25 ta’ Ottubru u huma stmati li jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

Preparamenti għall-mewġa tal-influwenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega lil din il-Kamra l-preparamenti li saru fil-ħarifa għall-mewġa tal-influwenza li qed taħkem lill-pajjiż bħalissa? Iħoss il-Ministru li dawn il-preparamenti taw ir-riżultati mixtieqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li konna qed nistennew li l-influwenza dan l-istaġun kienet se tkun aktar frekwenti u qawwija, bdejna l-kampanja ta’ tilqim kontra l-influwenza, aktar kmieni propju fis-16 ta’ Ottubru, iġifieri xahar qabel is-soltu. Dan il-pjan ġie mfassal minn xhur qabel u kien ibbażat kemm fuq statistika tal-passat kif ukoll fuq trends ipedimoloġiċi ġodda tal-virus. Barra minn hekk, wara ġimgħa fejn sħaqna li nies bi problemi ta’ mard kroniku u anzjani għandhom ikunu mlaqqma l-ewwel, ftaħna t-tilqima għal kull persuna minn l-eta’ ta’ 6 xhur ‘il fuq. Kellna 100,000 tilqima għad-dispożizzjoni tagħna u s’issa tlaqqmu l-fuq minn 93,000 ruħ. Din il-figura turi żieda ta’ aktar minn 20,000 ruħ li tlaqqmu fuq is-snin ta’ qabel. Saret kampanija intensiva fuq diversi midja, fost l-oħrajn fuq midja socjali, radju, televiżjoni u kif ukoll riklamar fuq it-transport pubbliku. Bħas-snin ta’ qabel, saru l-kuntatti mal-Kunsilli Lokali biex il-vaċċin ikun jista’ jingħata wkoll fil-komunita’ sabiex nersqu aktar viċin il-poplu. B’hekk inwessgħu l-aċċessibilta’ u nħajjru aktar is-setturi vulnerabbli, bħall-anzjani u min għandu problemi fiżiċi, biex jieħdu l-vaċċin. Tkompliet is-sorveljanza fil-komunita’ permezz tat-tobba tal-familja biex waqt l-istaġun tal-influwenza jagħtuna l-informazzjoni meħtieġa dwar każijiet ta’ influwenza li huma jaraw. B’hekk inkunu nafu x’inhi s-sitwazzjoni. Isiru anke testijiet fuq persuni biex inkunu nafu x’tipi ta influwenza tkun tiċċirkula. Din l-informazzjoni tiġi mogħtija lill-persuni kkonċernati biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Fl-isptar Mater Dei ukoll il-preparamenti bdew isiru minn Settembru tal-2017 fejn ġew infurmati l-professjonisti nvoluti bil-perjodi mbassra fejn l-attività tal-influwenza kienet mistennija li toħloq sfidi. Ġiet preparata direzzjoni biex tiffoka fuq Day Care Surgery biex jitnaqqas il-kura matul il-lejl. Din id-direzzjoni ma nkludietx interventi kritiċi jew ibbażati fuq il-ħin. Ġew imfassla numru ta 'protokolli għat-timijiet tal-A&E wara konsultazzjonijiet mad-dipartimenti rispettivi sabiex jiġi evitat id-dewmien u mblukkar mhux meħtieġ fl-Emerġenza. Minkejja n-numri rekord t’attendenzi fl-Emerġenza, xorta ġew milħuqa l-miri tal-Patients Charter b’mod sodisfaċenti. Ġew ippreparati għadd ta 'swali / żoni għall-użu fl-isptar. Ġew imfassla applikazzjonijiet tal-IT fejn il-management ikun jista’ jingħata informazzjoni ta’ x’qed jiġri immedjatament dwar is-sitwazzjonijiet u kif ukoll deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Sar ukoll ftehim minn qabel ma' entitajiet barra l-isptar Mater Dei li għenu biex jiffaċilitaw il-ħajja tal-pazjenti tagħna kif ukoll tnaqqas il-konġestjoni ġeneralment esperjenzata matul dawn il-perjodi. F’entitajiet oħrajn fosthom is-Servizzi għas-Saħħa Mentali, l-isptar Monte Carmeli u d-Dipartiment tal-Kura Primarja saret kampanja edukattiva u ta’ prevenzjoni kemm għal ħaddiema u kif ukoll għal pazjenti. Ingħatat ukoll it-tilqima kontra l-influwenza kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-impjegati li jaħdmu f’dan il-qasam.

Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Kardjoloġija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti dettalji dwar xi progress ġie rreġistrat fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija tal-Isptar Mater Dei fl-aħħar snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar snin sar kambjament u avvanz enormi fil-qasam tal-kardjoloġija. Dawn jinkludu: Listi ta stennija: Għall-intervent tal-angiogram, fl-out-patients naqas minn 6 xhur għal massimu ta’ ġimgħatejn filwaqt dawk li jkunu pazjenti rikoverati f’Mater Dei dan l-intervent naqas minn ġimgħatejn għal ftit sigħat. Għal echocardiograms, fl-out-patients minn sentejn dan qed isir fi ftit xhur u dawk li jkunu pazjenti f’Mater Dei isirilhom fi ftit sigħat. Għal follow up f’dan il-qasam minn 6 snin issa sar isir kif u meta jkun meħtieġ. Innovazzjonijiet/Interventi ġodda: (Interventional cardiology): F’dan il-qasam qed isiru diversi interventi ġodda fosthom percutaneous mitral valve interventions (MitraClip), bioabsorbable vascular scaffolds (BVS), drug eluting balloons (DEB), instantaneous wave-free ratio (iFR), left atrial appendage (LAA), renal denervation, percutaneous pulmonary valve implantation, u intravascular ultrasound (IVUS). Pazjent b’riskju għoli ta’ stroke issa din tista’ tiġi evitata b’intervent f’waqtu. (Innovations in electrophysiology): Lead extractions, smallest injectable loop recorders, 3D mapping system for complex ablation li tinkludi atrial fibrillation u ventricular tachycardia qed isiru fil-Cath Suite ta’ Mater Dei. Fil-passat pazjenti li kien ikollhom bżonn dawn it-trattamenti kien ikollhom imorru barra minn Malta, fejn kienu jiżdiedu ir-riskji għal saħħet il-pazjent minħabba l-iskariġġ tas-safar u aktar spejjeż għal qraba tagħhom. Servizzi ġodda fil- Cardiac Imaging: Kemm f’Mater Dei kif ukoll fl-isptar Ġenerali t’Għawdex inxtara apparat ġdid sabiex ikunu jistaw isiru aktar testijiet lill-pazjenti tagħna. Dawn huma l-iStress echocardiograms with contrast agents, CT calcium scoring and coronary angiograms (CTCA) u cardiac magnetic resonance (CMR). Investiment fit-teknoloġija ta’ l-Informazzjoni (IT): Sar investiment kbir fis-sistema tal- Informazzjoni Kardjovaskulari (CVIS). Ir-rekords kollha tal-pazjenti huma online u aċċessibbli għall-professjonisti kollha li jieħdu ħsieb il-pazjenti bi problemi fil-qalb. Innovazzjonijiet fil-kardjoloġija klinika: Test ġdid ġie introdott permezz ta’ programm ġdid. Ġew introdotti ukoll il-Glycoprotein IIb/IIIa receptor blockers għal percutaneous coronary interventions. Issa, pazjenti li jkollhom load ta’ trombożi b’interventi f’waqthom jistaw jiġu salvati. Kliniki ġodda ta’ subspeciality ġew imnedija: Sabiex il-pazjent jibqa jirċievi l-kura meħtieġa infetħu kliniki ġodda li jinkludu: l-Pre-Assessment Clinic for coronary angiograms, Inherited Cardiomyopathy Clinic, Chest Pain Clinic, Valve Clinic, TAVI Clinic, Inherited Arrhythmias Clinic kif ukoll Specialist Heart Failure Clinic. Ġew imwaqqfa ukoll l-ECG out-patient unit, Klinika tal-Kardjoloġija fic-Ċentri tas-Saħħa, Pacemaker Clinic fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule (SVPR) u fl-isptar Ġenerali t’Għawdex. Attivitajiet Akkademiċi: Sabiex il-kura tal-pazjent dejjem tibqa’ aġġornata jiġu organizzati diversi laqgħat u lectures kuljum, dawn jinkludu: State of the Art Lectures, Grand Round, Imaging Meetings, Journal Clubs, laqgħat dwar l-ECG, Morbidity & Mortality Meetings kif ukoll Webinar sessions. It-trainees tal-kardjoloġija ta’ Malta kienu fost l-ewwel fl-Ewropa biex jipparteċipaw f’eżami Ewropew tal-Kardjoloġija Ġenerali (EEGC) li huwa amministrat mill-European Society of Cardiology (ESC) flimkien mal-European Union of Medical Specialities (UEMS) Cardiac Section. L-Konferenza Annwali li tiġi organizzata f’Mater Dei fejn issa qed issir fuq livell internazzjonali għaliex qed ikun hemm attendenza ta l’ fuq minn 700 persuna bil-parteċipazzjoni tal-aqwa kardjologi fl-Ewropa inkluż il-President tas-Soċjetà Ewropea tal-Kardjoloġija. Dawn l-attivitajiet akkademiċi jiżguraw aġġornamenti kontinwi, titjib fl-għarfien u ħiliet biex tavvanza aktar il-kwalità tal-kura tal-pazjent tal-qalb. Dan id-Dipartiment qed jieħu sehem fi programmi ta’ riċerka barranin li uħud mis-suggetti jinkludu mard kardijaku waqt it-tqala, cardiac oncology toxicity eċċ. Din ir-riċerka kif ukoll ir-reġistri jgħinu sabiex tkompli tiżdied il-kwalita’ tal-kura li tingħata lill-pazjenti tagħna. Riżorsi Umani: Apparti dawn l-inizzjattivi ġodda f’Mater Dei ġew maħtura Konsulenti tal-kardjoloġija ġodda, Resident Specialists and Higher Specialist Trainees kif ukoll iktar tekniċi tal-ECG. Dan ukoll ġab titjib notevoli fil-kura tal-qalb.

Sptar Mater Dei – Taqsima tar-Radjoloġija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi progress ġie rreġistrat fl-aħħar snin fit-Taqsima tar-Radjoloġija tal-Isptar Mater Dei, partikolarment f’dawk li huma listi ta’ stennija għas-servizz ta’ CT scans u MRI?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – Bini ta’ outpatients block

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar fejn waslu t-tħejjijiet għall-proġett tal-bini ta’ outpatients block ġdid fil-kumpless tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll xi pjanijiet hemm għat-tkabbir tal-faċilitajiet tal-parking għall-istess sptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-outpatients block fil-kumpless tal-isptar Mater Dei ser jinkludi faċilità ta' parkeġġ taħt l-art ta’ madwar 5 sulari. Rigward dan il-proġett għaddejjin aktar diskussjonijiet u qed jittieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tad-dipartimenti u r-rekwiżiti tagħhom. Ġew ukoll ikkuntattjati disinjaturi tal-isptarijiet barranin sabiex ikomplu jgħinu biex jiġi zgurat li jinkiseb l-aħjar użu possibbli tal-ispazju u l-faċilitajiet eżistenti.

Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali – Ħlas ta’ bolol nieqsa

Question

Jaqbel il-Ministru li l-età ta’ 59 sena għal meta mara tkun tista’ tibda tħallas bolol tas-Sigurtà Soċjali li jkunu nieqsa għal skop ta’ pensjoni, hija għolja wisq u li dawn in-nisa għandhom jingħataw l-opportunità jħallsu dawn il-bolol neqsin anke qabel jilħqu din l-età?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-iskop tal-miżura dejjem kien li jagħti ċans lil nies, speċjalment lin-nisa li jkunu qed jaħdmu u jkunu resqu viċin l-eta’ tal-irtirar, u jkollhom bolol neqsin għax mhux dejjem ikunu ħadmu, biex iħallsu sa 5 snin bolol neqsin milli jkollhom. Huwa għalhekk illi dan id-dritt jinkiseb mal-eta’ ta’ 59 sena u jibqa’ miftuħ sa qabel il-persuna talgħaq 65 sena.

Tqassim ta’ sticks taz-zokkor

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jitkomplew jingħataw sticks taz-zokkor? Jista’ jgħid f’liema lokalità qed jitqassmu? Jista’ jikkonferma li sa l-aħħar tas-sena 2017, din il-miżura se tiġi fis-seħħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2016 bdew jingħataw glucose sticks b’xejn u din l-iskema ġiet estiża sabiex tkopri l-pazjenti kollha li jbatu mid-dijabete tat-Tip 1 irrispettivament mill-eta’ tagħhom u qegħdin jirċievu sa 4 glucose sticks kuljum bla ħlas. Din is-sena ingħata bidu ta’ proġett pilota fejn pazjenti li jbatu mid-Dijabete tat-Tip 2 fuq l-insulina bdew jingħataw 4 glucose sticks kuljum mingħajr ħlas. Din l-inizzjattiva tat bidu fil-lokalitajiet tal-Gudja, San Ġiljan, L-Imġarr(Malta) u Kerċem(Għawdex). Ninfurmah ukoll illi sal-aħħar ta’ din is-sena, din l-inizzjattiva se tkun estiża fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

Proġett tal-Junction tal-Addolorata– pjani ta’ traffic management

Question

Minħabba li qed joqrob iż-żmien li jingħata bidu għall-proġett tant meħtieġ għan-naħa t’isfel ta’ Malta, dik tal-junction ta’ ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata, jista’ l-Ministru jikkonferma hux qed jitħejjew pjani serji ta’ traffic management biex jiffaċilitaw it-traffic flow għal waqt il-perjodu li fih ikun qed isir il-proġett biex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun mill-inqas, bħalma fil-fatt ġara fil-proġett tal-Kappara?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja b’xogħljiet ta’preparazzjoni għas-sejħa tax-xogħlijiet tal-junction inkwistjoni. Fost dawn il-preparamenti hemm dawk li jikkonċernaw l-immaniġġar tat-traffiku biex waqt l-eżekuzzjoni tal-istess xogħlijiet l-impatt fuq it-traffiku jkun l-inqas possibli. Dan se jsir billi jiġu nklużi fis-sejħa numru ta’ klawżoli speċifiċi għall-immaniġġjar tat-traffiku, liema klawżoli eventwalment se jagħmlu wkoll parti integrali mill-kuntratt li jiġi ffirmat mill-Kuntrattur. Tali klawżoli jiġu infurzati mill-uffiċċjali tal-Awtorità biex kif seħħ fil-proġett tal-Kappara jkun assigurat illi s-sewwieqa jibqgħu jużaw ir-rotot ta’ din il-junction bl-inqas inkonvenjent possibli.

Proġett tal-Junction tal-Addolorata

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ kemm hu mistenni li jieħu żmien biex jitwettaq il-proġett tal-junction tal-Addolorata minn meta jingħata bidu? Għall-proġett tal-junction tal-Addolorata hemm il-ħsieb li jinġiebu strutturi maħdumin lesti minn barra minn Malta bħalma ġara fil-proġett tal-junction tal-Kappara?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Junction tal-Addolorata huwa wieħed ta’ skala konsiderevoli u bil-pjanijiet li ġew infassla s’issa jidher li se jkun qed jieħu madwar tlett snin biex jitlesta. Dawn ix-xogħlijiet se jkunu mifruxa fuq numru ta’ fażijiet bl-ewwel fażi tkun dik ta’ demolizzjoni ta’ wħud mill-fabbriki li hemm fl-inħawi. It-tip ta’ strutturi ser ikunu skont is-sistemi li ser ikun qed jaddotta l-Kuntrattur li se jkun qed jintagħżel wara sejħa pubblika. L-istess sejħa se tkun qed teżiġi li l-istess Kuntrattur jagħmel użu minn sistemi effiċjenti li jħaffu l-andament tax-xogħol u biex l-istess xogħol isir bl-inqas inkonvenjent lis-sewwieqa.

Pazjenti li ħadu l-kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li ħadu l-kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo sal-aħħar ta’ Awwissu 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ attendenzi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena kien ta’ 58,216.

Żejtun – Triq Alfredo Cachia Zammit — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jirraporta dwar il-progress fix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Alfredo Cachia Zammit fiż-Żejtun fejn ix-xogħlijiet fiha issa ilhom għaddejjin ix-xhur b’inkonvenjent kbir kemm għar-residenti kif ukoll għan-negozji ta’ din it-triq? Jista’ jagħti data tentattiva għal meta huwa maħsub li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ladarba x-xogħlijiet qed jistennew l-aħħar tħejjijiet u approvazzjoni neċessarja mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Jobsplus – ħaddiema barranin reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema barranin li għandhom permess biex jaħdmu f'Malta li huma rreġistrati ma' Jobsplus? Jista' jgħid kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi terzi? Teżisti statistika dwar kemm ħaddiema barranin jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija u jekk iva, kemm huwa dan in-numru? Jista' jinforma lil din il-Kamra x'passi tieħu Jobsplus biex kemm jista' jkun jiġi kkontrollat l-abbuż ta' ħaddiema barranin li jistgħu jkunu qed jaħdmu Malta illegalment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni barranin li jaħdmu f’Malta u għandhom formola ta’ bidu ta’ impjieg fl-aħħar ta’ Marzu 2017 kien ta’ 37,717-il persuna. Minn dawn 27,334 persuna kienu ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 10,383 persuna huma minn pajjiżi terzi. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus fuq kemm hemm barranin jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija hija indikattiva minħabba li numru ta’ kumpaniji kbar ikollhom l-indirizz fuq Malta però ikollhom nies li jaħdmu f’Għawdex. Għaldaqstant tintuża statistika bbażata fuq ir-residenza tal-impjegati. F’dan il-każ in-numru ta’ persuni barranin li r-residenza hija Għawdex u li kienu qed jaħdmu kien ta’ 1,295 persuna (1,107 mill-Unjoni Ewropea u 188 minn pajjiżi terzi). Sabiex jiġi kkontrollat l-abbuż ta' ħaddiema barranin li jistgħu jkunu qed jaħdmu f’Malta jew f’Għawdex illegalment, Jobplus għandha fi ħdanha sezzjoni ta’ spettorat li tagħmel spezzjonijiet regolari fuq il-lant tax-xogħol f’oqsma differenti tal-ekonomija. Meta jinstabu persuni jaħdmu li mhux reġistrati mal-Jobsplus, tittieħed azzjoni sabiex dawn l-impjiegi jiġu regolarizzati. Jekk dawn l-azzjonijiet jiġu injorati, tittieħed azzjoni kontra min jimpjega billi dawn jittellgħu l-Qorti.

Malta Enterprise – proġetti ta’ investiment barrani u lokali – impjiegi ġodda ġġenerati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm huwa kkalkulat li proġetti ta' investiment barrani u lokali approvati mill-Malta Enterprise ġġeneraw impjiegi ġodda, matul l-2016 u sa nofs l-2017? Kemm huwa kkalkulat li kien il-valur ta' dan l-investiment ġdid?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti approvati mill-Malta Enterprise matul l-2016 sa nofs 2017 huwa ikkalkulat li ser joħolqu 2,900 impjieg u investiment ta’ €391 miljun.
Leg 13 PQ #1426 Sitting 26 2017-10-11 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identity Malta – ħruġ ta’ permessi tax-xogħol lill-ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu jew li hemm ippjanati li jittieħdu minn Identity Malta biex jitħaffef il-proċess għall-ħruġ ta' permessi tax-xogħol lill-ħaddiema barranin li jistgħu jaħdmu f'Malta biex tittaffa l-problema kbira li qed iħabbtu wiċċhom magħhom diversi intrapriżi, kbar u żgħar, meta jfittxu impjegati ġodda minħabba l-qagħda ta' full employment li hawn fil-pajjiż?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejin numru ta’ tibdiliet fi ħdan id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates. Fl-aħħar ġimgħat ġew issimplifikati numru ta’ checklists applikabbli għas-settur tal-catering u low-skilled work. Beda jingħata s-servizz tas-single permits ġewwa Għawdex filwaqt li għaddej ix-xogħol sabiex jinfetaħ uffiċċju ġdid f’Evans Building, il-Belt, maħsub sabiex iħaffef il-proċess tat-tiġdid ta’ dawn il-permessi. Qed isir ukoll investiment fir-rizorsi umani ta’ dan id-dipartiment sabiex ikun jista’ jlaħħaq maz-zieda fid-domanda għall-permessi ta’ xogħol u residenza. Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li kompliet tingħata assistenza individwali lil kumpaniji li jħaddmu persuni minn barra l-Unjoni Ewropea u tkompla wkoll is-servizz tal-Outreach Initiative, fejn Identity Malta żżur in-negożji u taċċetta applikazzjonijiet minn barra l-uffiċini tagħha. Żdiedu wkoll il-benefiċjarji taħt il-Key Employee Initiative li hija skema fejn persuni kwalifikati minn barra l-Unjoni Ewropea li jaqilgħu salarju ta’ €30,000 fis-sena jkollhom l-applikazzjoni tagħhom proċessata f’perjodu ta’ ħames ġranet tax-xogħol. Wara konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti, Identity Malta għandha l-ħsieb li testendi dan il-proċess għal ħaddiema oħra barranin li huma speċjalizzati f’xi settur jew ieħor izda ma jleħħqux mal-kriterji ezistenti relatati mad-dħul.

regolamenti li jirrigwardjaw it-trattament ta’ persuni gay fl-isptarijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li regolamenti li jirrigwardjaw it-trattament ta’ persuni gay fl-isptarijiet jiġu osservati fl-intier tagħhom u meta koppji li jkunu f’Unjoni Ċivili jingħataw drittijiet daqslikieku huma miżżewġin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull persuna hi trattata bl-istess mod irrispettivament mill-ġeneru, orjentazzjoni sesswali jew l-istat tiegħu jew tagħha.
Leg 13 PQ #1395 Sitting 25 2017-10-10 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz ta’ Wi-Fi b’xejn f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispjega x’ħidma qiegħda ssir mill-Gvern biex kemm Malta kif ukoll Għawdex ikomplu joffru servizz ta’ Wi-Fi b’xejn u ta’ kwalità f’postijiet meqjusin pubbliċi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-gvern ilu għal dawn l-aħħar snin jaħdem biex sena wara sena jiżdiedu n-numru ta’ postijiet pubbliċi li joffru WiFi b’xejn liċ-ċittadini. L-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) qed tikkontribwixxi b’ħidma diretta u matul l-2017 kompliet tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex iżżid l-ammont ta’ WiFi hotspots b’xejn madwar Malta u Għawdex. Sa Lulju ta’ din is-sena, l-MCA kienet qed tħaddem mat-340 WiFi hotspot fosthom 40 ġodda introdotti matul din is-sena. Sar ukoll xogħol ta’ upgrading fuq oħrajn eżistenti sabiex jingħata servizz dejjem aqwa lill-pubbliku. L-MCA qed taħdem sabiex f’kull belt u raħal f’ Malta u Għawdex jkun hemm tal-anqas erba' WiFi hotspots b’xejn. Il-mira hi li dawn jitilgħu għal 400 sal-aħħar ta’ din is-sena Sa Lulju 2017, in-numru ta’ nies li għamlu użu mill-WiFi hotspots installati mill-MCA kien ilaħħaq 2.6 miljun persuna, li kwart minnhom huma barranin.
Leg 13 PQ #1396 Sitting 25 2017-10-10 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għarfien dwar riskji ta’ użu ħażin mill-Internet fost it-tfal

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sarux xi inizjattivi riċenti biex jissaħħaħ l-għarfien dwar riskji ta’ użu ħażin mill-Internet fost it-tfal?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Dan is-suġġett huwa għal qalb il-Gvern u l-ħidma fuqu ma tieqafx u ser tkompli tiġi sostnuta b’mod kontinwu speċjalment permezz tal-proġett ewlieni BeSmartOnline! li llum il-ġurnata qed jitqies bħala best practice anki fuq livell internazzjonali. Infakkar li l-BeSmartOnline! huwa proġett koordinat mill-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA), flimkien ma numru ta’ partners li jinkludu l-Aġenzija Appoġġ, l-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal, id-Direttorat tal-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni u bl-għajnuna u l-appoġġ ta’ numru ta’ entitajiet oħra. L-għan tal-proġett BeSmartOnline! huwa li jissaħħaħ l-għarfien fost tfal, żgħażagħ, għalliema, ġenituri u carers tat-tfal, sabiex meta t-tfal jiltaqgħu ma riskji assoċjati mal-użu tal-Internet, dawn ikunu f'pożizzjoni li jgħarfuhom u ma' jisfawx vittmi tal-Internet. Fost l-aħħar inizjattivi taħt dan il-proġett tnehdiet kampanja ta’ informazzjoni fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex, fejn qed jingħatatilhom diversi lezzjonijiet mfassla apposta bħala parti mis-suġġett tal- Personal, Social and Career Development. Għal dan l-għan ġew żviluppati numru ta' riżorsi fosthom: workbooks , ħrejjef bil-Malti miktuba għat-tfal, u logħba diġitali. Tenhdiet ukoll kampanja informattiva dwar il-privatezza u oħra fuq l-użu bilanċjat tal-Internet. Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena ġew organizzati numru ta' sezzjonijiet ta' għarfien mal-ġenituri f'bosta skejjel kif ukoll f’ numru ta’ postijiet ta' xogħol bis-sehem ta’ diversi entitajiet privati. B'kollaborazzjoni bejn Facebook u l-BeSmartOnline!, ġie wkoll organizzat seminar li fih l-għalliema ġew infurmati dwar il-miżuri li tieħu din il-kumpanija biex tipproteġi ż-żgħażagħ fuq dan il-midja soċjali. L-għalliema ingħataw ukoll pariri dwar kif jistgħu jgħinu l-istudenti meta jużaw il-Facebook.