Djar għal kura tal-anzjani/Sptarijiet tal-anzjani – aċċessibilità għal persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet għandhomx xi pjanijiet sabiex jaraw kif se jnaqqsu t-tbatija ta’ persuni anzjani u persuni b’diżabilità sabiex meta dawn imorru jżuru lil qrabathom li jkunu f’xi istituzzjoni jew f’xi dar għall-kura tal-anzjani jew xi sptar tal-anzjani jew f’xi sptar ieħor fuq bażi permanenti jew long term u jkollhom jagħmlu dan permezz tat-trasport pubbliku u peress li huwa fatt magħruf li persuni anzjani ta’ ċertu età u persuni li jkollhom ċertu bżonnijiet speċjali li jkollhom iżuru lil xi qarib tagħhom f’xi istituzzjoni jew sptar fuq bażi regolari u jkollhom jużaw it-trasport pubbliku sabiex jagħmlu dan, ibatu ħafna minħabba l-iskariġġ li jkollhom jgħaddu minnu sabiex jitraġittaw bit-trasport pubbliku, jistgħu l-awtoritajiet jieħdu in konsiderazzjoni li tiddaħħal xi forma ta’ skema li permezz tagħha dawn il-persuni jiġu megħjuna sabiex ma jibqgħux ikunu sforzati jużaw it-trasport pubbliku sabiex imorru jaraw lill-qrabathom fl-isptarijiet jew djar tax-xjuħ u minflok jiġu provduti bi transport alternattiv li jkun aktar komdu għalihom u fih anqas skariġġ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ngħata bidu għal eżerċizzju biex bl-involviment tal-privat b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Gvern se ntejbu b’mod sinifikanti s-servizz tat-trasport għall-anzjani li jkollhom bżonn kura bħala out-patients. Dan is-servizz se jkun wieħed aktar individwalizzat għall-anzjan u membru tal-familja tiegħu. Is-servizz se jibqa’ jingħata b’xejn.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – servizzi/għajnuna soċjali
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6970 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista eżistenti ta’ servizzi kollha offruti mill-Ministeru tiegħu jew minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jindika min hi l-persuna responsabbli għal kull wieħed minn dawn is-servizzi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija disponibbli pubblikament fil-portal tal-Ministeru li huwa https://family.gov.mt
Servizzi fil-Komunità biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 719, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi indikati fir-risposta u jekk hemmx xi waiting list biex jirċievu dawn is-servizzi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi msemmija, li fil-preżent qed jagħmlu użu minnhom l-klijenti tal-Aġenzija Sapport, huma kif ġej :
·
Direct Payment
- fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità, jkollhom servizz fid-dar għal ħinijiet qosra sa 12-il siegħa matul il-ġimgħa, minn aġenziji privati li jassistu f'għajnuna ta' kura, għal persuna b'diżabilità skont il-bżonn.74 persuna qed tutilizza dan s-servizz.
·
Community Services
- fejn impjegati tal-Aġenzija Sapport, jaħdmu mal-klijenti fil-komunità sabiex jgħinuhom, biex ikollhom kwalità ta' ħajja aħjar. 86 persuna qed tutilizza dan s-servizz.
Il-lista ta’ stennija għas-Servizz ta’ Direct Payment u Community Services bejniethom, hija ta’ 47 persuna.
·
Independent Community Living
(ICL)
- fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità, jkunu jistgħu jkollhom servizz, kemm fid-dar u kemm fil-komunità, għal iktar minn 13-il siegħa, skont il-każ. 78 persuna qed tutilizza dan s-servizz, waqt li hemm 4 persuni fuq il-lista ta’ stennija.
·
Personal Assistance Fund
(PAF) - sabiex persuni b'diżabilità bi bżonnijiet partikolari, jkun jista' jkollhom persuna li toffrilhom is-servizz bħala
live in carer
u saħansitra jkun hemm l-opportunità li jieħdu servizzi minn professjonisti oħra skont it-talba u l-fond mogħti. 33 persuna qed tutilizza s-servizz, waqt li m’hemmx persuni fuq il-lista ta’ stennija.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti t-taħriġ tal-Sheltered Employment? Kemm kien hemm persuni b’diżabilità li qed jirċievu dan it-taħriġ biex itejbu l-ħiliet tagħhom? X’għandha tagħmel persuna b’diżabilità biex tkun intitolata għal dan it-taħriġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-programm Sheltered Employment Training, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, jipprovdi taħriġ assistit għall-persuni b’diżabilità l-aktar severa bl-għan li jtejbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati sabiex jissapportjaw lill-persuni li jattendu l-programm ta’ taħrig li jinkludi perjodu f’ambjent reali tax-xogħol. In-numru ta’ persuni b’diżabilità li rċevew dan it-taħriġ huwa indikat fit-tabella hawn taħt:
Sheltered Employment Training
MaleFemaleXTotal
20161723040
20172419043
201888016
Total4950099
Persuna b’diżabilità interessata tidħol fid-dinja tax-xogħol għandha tirreġistra ma’ Jobsplus biex tiġi rreferuta mill-professjonisti li jaħdmu ma’ Jobsplus jew mal-Lino Spiteri Foundation.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 718, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Job Bridge Training and Development Centre ? Kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jibbenefikaw minn dan iċ-Ċentru? X’tip ta’ taħriġ speċifiku jingħata lil min qed jagħmel użu minn dan iċ-Ċentru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Job Bridge Training and Development Centre huwa fergħa ta’ Jobplus ġewwa Pembroke li tipprovdi taħriġ speċifiku li jiffoka fuq ħiliet ta' impjegabilità, komunikazzjoni, ħiliet soċjali, kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti. Se jibda wkoll dalwaqt taħriġ addattat għall-persuni b’diżabilità u persuni oħra vulnerabbli biex il-parteċipanti jakkwistaw ħiliet bażiċi tal-uffiċċju u IT. Dan it-taħriġ huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. In-numru ta’ persuni b’diżabilità li rċevew dan it-taħriġ huwa indikat fit-tabella hawn taħt:
Pre-Employment Training
MaleFemaleXTotal
20164318162
20176029089
20181512027
Total118591178
Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jagħmlu użu mill-iskema Bridging the Gap? Jista’ applikant jagħmel użu minn din l-iskema biex jaħdem part-time? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dan is-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-iskema Bridging the Gap (BTG) toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat (skont il-bżonn). Matul il-perjodu miftiehem, Jobsplus tagħti allowance fil-ġimgħa lill-parteċipanti, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra min iħaddem ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħal sick leave.
Individwu għandu jirreġistra ma’ Jobsplus bħala persuna b’diżabilità, kif ukoll għandu jirreġistra għal xogħol full-time jew part-time biex jagħmel użu minn din l-iskema. Mill-2016 sal-lum ibbenefikaw minn din l-iskema 134 persuni b’diżabilità.
Akkomodazzjoni Soċjali – ħlasijiet b’lura ta’ pagament ta’ taxxi fuq id-dħul
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Awtoritajiet sabiex iniedu xi tip ta’ skema li permezz tagħha, persuni u entitajiet kummerċjali u anke entitajiet oħrajn li jkunu sidien ta’ proprjetajiet li jkunu tajba għall-finijiet t’akkomodazzjoni soċjali u li jkollhom jagħtu lill-Gvern ammonti sinjifikanti ta’ flus bħal ħlasijiet b’lura ta’ pagamenti tat-taxxa fuq id-dħul (Income tax) u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll pagamenti tas-social security contributions u dawn ma jkollhomx minn fejn iħallsu dawn l-ammonti ta’ flus lill-Gvern sabiex permezz ta’ din l-iskema jkunu jistgħu jpaċu dawn id-djun billi jgħaddu lill-Gvern dawk il-proprjetajiet li jkunu tajbin għall-akkomodazzjoni soċjali? Hemm xi ħsieb min-naħa tal-Awtorità li jiġi mgħoddi xi att ta’ liġi minn din il-Kamra tal-Parlament sabiex jiġi regolarizzat dan il-mod ta’ tpaċija sabiex b’hekk il-Gvern ikun jista’ jiġbor ammont sostanzjali ta’ flus li għandu jiġbor u kollox isir skont il-liġi u skont regoli u ‘prassi’ stabbiliti mingħajr ħafna qawmien ta’ dubji u tfigħ ta’ tajn bla bżonn minn min suppost jaf aħjar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Korsijiet fil-professjoni tal-infermiera u qwiebel
Question
Jista’ d- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif kien ir-rispons ta’ studenti żgħażagħ għall-kampanja u s-sejħa li saret biex aktar żgħażagħ jieħdu korsijiet fil-professjoni ta’ infermiera u qwiebel minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur? Jista’ jelenka kif żdied il-complement tal-infermiera u l-qwiebel fis-servizz tas-saħħa tal-Gvern fl-aħħar ħames snin u x’miżuri qed jieħu l-Ministeru għas-Saħħa biex itaffi n-nuqqas f’dan il-qasam?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din is-sena mistennija jiggradwaw 153 student mill-Universita’ ta’ Malta, waqt li fl-2019 se jiggradwaw 176 u fl-2020 se jiggradwaw 164. Barra minn hekk fl-istess sena, iġifieri fl-2020, se jiggradwaw ukoll 30 infermiera oħra mill-MCAST b’kollaborazzjoni mal-Universita’ ta Northumbria. Dan ifisser illi, grazzi għal kampanja kontinwa tal-gvern għar-reklutaġġ ta’ studenti nfermiera, bil-kollaborazzjoni tal-Union tal-Infermiera u Qwiebel, u għal-parteċipazzjoni tad-Direttorat għas-Servizzi Infermeristiċi f’diversi Career Convesions li jiġu organzzati matul is-sena, fl-2017 kien hemm żieda ta’ 25% fuq is-sena 2015.
Il-figuri ta’ reklutaġġ għal din is-sena għad iridu jinġabru peress li s-sejħa mill-Universita ta’ Malta, u issa anke l-universita’ ta
Northumbria
, jiftħu għal nofs dan ix-xahar.
Mill-2013 sas-sena l-oħra il-
complement
żdied b’400 infermier fejn minn 2,905 fl-2013, tela’ għal 3,306 fl-2017. Aktar tard din is-sena għandom jiġu ngaġġati mhux inqas minn 193 infermiera u qwiebel.
Il-Ministeru għas-Saħħa, din is-sena s’issa ħareġ tlett sejħiet għal rekrutaġġ ta’ infermiera. Dawn is-sejħiet ġew promossi ukoll fuq siti tal-EURES kif ukoll ġurnali
online
fl-Ewropa. Bejnietom mistennija li jiġu ngaġġati madwar 220 infermier. Dawn jinkludu studenti li se jiggradwaw din is-sena, infermiera Maltin li huma diġa rreġistrati, u barranin. Dawn apparti numru konsidervoli ta’ infermiera li se jiġu
re-employed
jew
re-instated
mas-Servizz pubbliku wara li kienu rreżenjaw fil-passat.
Qasam tas-Saħħa – vakanzi – tobba, kirurgi u konsulenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’vakanzi jeżistu fil-qasam tas-saħħa f’dawk li huma tobba, kirurgi u konsulenti u jekk hux kontinwament jittieħdu passi biex dawn il-vakanzi jimtlew?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2015 sal-aħħar tal-2017 kienet hemm 202 sejħiet għal tobba, kirurgi u konsulenti u ġew ingaġġati 817 tobba, kirurgi u konsulenti ġodda. Ninfurmah ukoll illi bħalissa hemm diversi sejħiet miftuħin. Dawn huma għal Resident Specialist (General/Internal Medicine), Resident Specialist (Anaesthetics and Intensive Care), Resident Specialist (Emergency Medicine), Principal General Practitioner in the Primary Health Care.
Identity Malta – tħaffif tal-proċess għal work permits
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu minn Identity Malta biex issa li ninsabu fl-aqwa tal-istaġun turistiku, jitħaffef il-proċess biex ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea (Third Country Nationals) jitħaffilhom kemm jista’ jkun il-proċess għall-ħruġ ta’ work permits f’Malta? Ma jaħsibx li minħabba s-sitwazzjoni ta’ full employment fil-pajjiż, għandna bżonn miżuri urġenti biex il-qasam turistiku u anke oqsma ekonomiċi oħra, ikunu jistgħu jsibu l-ħaddiema li għandhom bżonn kemm jista’ jkun malajr u bl-inqas burokrazija possibbli?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor, Interpellant li l-gvern huwa kommess li jnaqqas il-burokrazija u jħaffef il-proċessi tiegħu fil-livelli kollha. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun jista jinqeda aħjar filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-bżonnijiet tal-ekonomija.
F’dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ single permits, Identity Malta diġà ħadet numru ta’ miżuri biex tħaffef dan il-proċess u mingħajr ma’ tikkomprometti l-kontrolli tas-sigurtà tagħha. Madanakollu, minħabba ż-żieda kbira fin-numru t’applikazzjonijiet li deħlin, b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku bla preċident li qed jesperjenza pajjiżna, qed jinħass il-bżonn li dan il-proċess jieħu inqas żmien.
Fid-dawl ta’ dan, Identity Malta imbarkat fuq eżerċizzju intern biex issaħħaħ l-id operattiva tagħha sabiex tkun tista’ tilqa’ aħjar għal din ir-realtà ekonomika. Fost il-miżuri li ħadet, l-aġenzija nediet il-Key Employee Initiative, liema skema se tiġi estiża biex tilħaq numru akbar t’applikanti, fejn l-applikazzjoni ta’ dawk li jaqilgħu ċertu dħul u li għandhom ħiliet partikolari, tiġi pproċessata f’ħames t’ijiem tax-xogħol. Dawn l-istess ħaddiema speċjalizzati ingħataw ukoll l-opportunità li jġeddu l-permess ta’ residenza u xogħol għal massimu ta’ tliet snin.
Fejn jikkonċerna ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li ma jeħtiġux ħiliet partikolari, Identity Malta introduċiet rekwiżiti partikolari li jgħoddu l-aktar għal industriji bħat-turiżmu u l-manifattura. Minn żmien għall-ieħor, Jobsplus jaġġornaw il-lista ta’ karigi li huma eżenti mill-verifiki relatati mas-suq tax-xogħol. Din il-miżura tapplika għal dawk is-setturi li qed jesperjenzaw l-akbar nuqqas ta’ ħaddiema bħall-qasam tas-saħħa, is-servizzi finanzjarji, l-IT u il-gaming.
Identity Malta tinsab ukoll fil-process li tniedi pjattaforma elettronika li tati l-opportunità lil min iħaddem sabiex japplika għall-permess għan-nom ta’ ħaddiem li ġej minn pajjiż terz u li għadu barra mill-pajjiż.
L-aġenzija estendiet ukoll dan is-servizz marbut mas-single permits f’Għawdex u fetħet ukoll it-tieni front-desk office ġewwa l-Belt biex jipproċessa speċifikament it-tiġdid tal-istess permess u b’hekk ikompli jitħaffef dan il-proċess. Barra minn hekk, Identity Malta toffri s-servizz ta’ Outreach fuq il-post lill-entitajiet li jħaddmu magħhom numru kbir ta’ ħaddiema barranin.
Fl-aħħar mill-aħħar, Identity Malta hija impenjata li ittejjeb l-operat tagħha u se tkompli tibni fuq ir-rapport tajjeb li għandha mal-imsieħba soċjali sabiex tkun tista tantiċipa u tilqa aħjar għad-domanda tal-ekonomija.
Kummissjoni Għolja ta’ Malta fi New Delhi — Ħruġ ta’ Visas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed ikun hemm problemi fil-ħruġ ta’ visas mill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fi New Delhi minħabba li jidher li diversi intrapriżi kienu qed jippruvaw jingaġġaw ħaddiema minn dan il-pajjiż?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li t-talba għal viżi mill-Indja żdiedu, l-Ministeru diġà ħa ħsieb li jżid l-istaff tiegħu fil-Kummissjoni Għolja billi żied impjegati kemm lokali kif ukoll minn Malta. Għaldaqstant ma hemmx problema dwar il-ħrug ta' viżi f'dan il-pajjiż, liema ħruġ isir wara l-verifikazzjonijiet meħtieġa mas-Central Visa Unit fi ħdan Identity Malta u l-entitajiet l-oħra konċernati.
Qasam tal-Blockchain u Cryptocurrencies – kumpaniji barranin
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-kumpaniji barranin fil-qasam tal-blockchain u cryptocurrencies li s’issa wrew interess jew li fil-fatt diġà allokaw l-operat tagħhom f’Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej t tieni qari fuq 3 abbozzi ta ligijiet : Att tal-2018 dwar l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta – Abbozz 45/2018; Att tal-2018 dwar Arranġamenti u Servizzi ta’ Teknoloġija Innovattiva – Abbozz 43/2018 Att tal-2018 dwar Attiv Finanzjarju Virtwali – Abbozz 44/2018.
Kif jgħaddi l proċess parlamentari u jiġu kostitwiti l-awtorità u l-istrutturi neċessarji tkun tista' tibda tinġabar din l-istatistika.
Transport Malta – Iż-Żejtun, Marsaxlokk u Marsaskala – pjanijiet għal irranġar ta’ toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq rurali fl-inħawi taż-Żejtun, Marsaxlokk u Marsaskala, li qegħdin fil-pjani ta’ Transport Malta jew tal-Aġenzija li qed tiġi mwaqqfa għat-toroq, biex jingħataw wiċċ ġdid minħabba li stat ħażin li jinsabu fih?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-housing soċjali tas-Siġġiewi li qed isir bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-proġett mhux ser isir bl-għajnuna ta’ fondi li huma ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Rigward l-istadju li fih wasal dan il-proġett, bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ skavar waqt illi ġie ppubblikat l-appalt għall-kostruzzjoni ta’ dan is-sit.
Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun – proċess ta’ tendering għal bini mill-ġdid tal-arterja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-tendering għall-bini mill-ġdid tal-arterja ewlenija li tgħaqqad Ħaż-Żabbar maż-Żejtun u meta huwa maħsub li jinbeda x-xogħol f’din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess sabiex tinbena mill-ġdid Triq Bormla, jew kif inhi magħrufa, it-Triq taċ-Ċawsli, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, beda f’Lulju li għadda, meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa.
Wara li ntagħżlet l-aħjar offerta, wieħed mill-kuntratturi mhux magħżula appella d-deċiżjoni. Għalhekk, ix-xogħol għadu ma jistax jibda.
Ninsab infurmat li s-smiegħ tal-appell mistenni jintemm dalwaqt, sabiex din it-triq ewlenija fin-naħa t’isfel tal-pajjiż tkun tista’ tinbena mill-ġdid mill-aktar fis.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk inħarġux struzzjonijiet ċari lil kull min jimpjega, inkluż l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet tal-Gvern, dwar iż-żieda mandatorja ta’ €1.00 fil-ġimgħa b’żieda ma’ dik tal-għoli tal-ħajja ta’ €1.75 fil-ġimgħa? Jaf jekk hemmx awtoritajiet jew organizzazzjonijiet tal-Gvern li għadhom ma implimentawx iż-żieda mandatorja ta’ €1.00 fil-ġimgħa? Il-Ministeru għall-Finanzi għandu mezz biex ikun jaf jekk din iż-żieda mandatorja ġietx implimentata fis-settur privat kollu minħabba li ż-żieda mħabbra fid-diskors tal-budget jista’ jkun li ma tirriflettix dak imħabbar fl-Avviż Legali konċernat?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux permessi għall-appartament one bedroom, b’inqas metraġġ milli stipulat fid-Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 (DC15) biċ-ċirkolari tal-Planning Authority 3/16 ‘Regularisation’? Jekk iva, kemm inħarġu permessi?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3589, ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar ma żżomx in-numru ta’ kmamar tas-sodda u lanqas il-metraġġ totali tal-iżvilupp f’field separata. L-istess Awtorità ma tistax tagħti l-ammont ta’ applikazzjonijiet approvati, madankollu tikkonferma li inħarġu permessi għall-appartamenti one bedroom b’inqas metraġġ milli stipulat fid-Development Control Policy, Guidance and Standards 2015 (DC15) taħt avviż legali numru 285 tal-2016 - Regolamenti dwar ir-Regolarizazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti.
Jista’ l-Ministru jispjega lil din il-Kamra x’qed isir mill-Ministeru tiegħu biex ikompli jitjieb is-servizz tal-home care lil dawk l-anzjani li jibqgħu jgħixu weħidhom u jkollhom bżonn xi għajnuna fid-dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li, sabiex is-servizz tal-Home Help ikompli jitjieb, id-Dipartiment Għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed jara li:
· Kull klijent ikollu viżita minn
supervisor
tal-anqas sitt darbiet fis-sena, fejn issir osservazzjoni ħolistika u jekk jiġu nnutati ċertu nuqqasijiet u bżonnijiet, niżguraw li dawn jiġu indirizzati;
· Inkabbru n-numru ta’
supervisors
sabiex nilħqu aktar klijenti, kif filfatt ser inżidu n-numru minn 17 għal 20 –il
supervisor
;
· Nagħtu taħriġ regolari lis-
supervisors
;
· Nirristrutturaw is-servizz li qiegħed jingħata u namalgamawh ma’ professjonisti u professjonijiet oħra;
· U isiru diversi laqgħat mal-kuntrattur biex ikun żgurat li s-servizz ikun qiegħed jingħata kif mitlub.
Minħabba li jista’ jagħti l-każ li xi miżuri mħabbra fl-aħħar baġit dwar persuni b’diżabilità għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed, jista’ l-Ministru jelenka l-miżuri soċjali mħabbra fl-aħħar baġit li huma ta’ sostenn għal persuni b’diżabilità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar in-numru ta’ tfal li qed jattendu child care centres f’Malta u Għawdex u kif dan żdied minn meta l-Gvern introduċa dan is-servizz mingħajr ħlas?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 3,827 tfal jattendu child care centres f’Malta u Għawdex taħt l-iskema ta’ Child Care b’xejn.
In-numru approssimattiv ta’ tfal li kienu jattendu child care qabel ma ġiet introdotta din l-iskema kien ta’ madwar 1,800.
Minn meta ġiet introdotta din l-iskema f’April 2014 in-numru ta’ tfal li bbenefikaw huwa ta’ 12,699 (mill-1 ta’ April 2014 sal-10 ta’ Jannar 2018).