Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema Part-time u Full-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti break down, sena b’sena, ta’ kif żdied l-għadd ta’ ħaddiema (part-time u full-time) f’Malta u Għawdex mill-2013 ’il hawn? Jista’ jgħid kif kien l-għadd ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol sena b’sena u kemm, fis-snin imsemmija, ġew impjegati nies bi bżonnijiet speċjali? Kemm kien hemm f’din il-kategorija li kienu jirreġistraw għax-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fl-erba' tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Settur tal-edukazzjoni – għalliema, kindergarten assistants u LSEs

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'kemm żdied in-numru ta' edukaturi, inklużi għalliema, kindergarten assistants u LSEs fis-settur tal-edukazzjoni pubblika mill-2013 'il hawn? Kemm huwa kkalkulat li kien hemm nuqqas ta' għalliema fil-ftuħ tas-sena skolastika ta' din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ Għalliema, KGEs u LSEs żdied, mill-2013 ‘il hawn, kif se nsemmi: Għalliema - 148 KGEs - 102 LSEs - 715 L-Għalliema jinkludu dawk Regolari, Instructors u Supply Teachers. Jinkludi Għalliema f’dawn il-gradi li qiegħdin jagħmlu xogħol ta’ Sapport u fis-Servizzi. Kif kien tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-25 ta’ Settembru 2018 (PR182042), kien hemm 3 vakanzi ta’ għalliema fil-bidu tas-sena skolastika, li tnejn minnhom kienu minħabba riżenji li ġew sottomessi fil-ġranet ta’ qabel.

Trasport pubbliku b’xejn liż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huwa kkalkulat li bbenefikaw żgħażagħ mit­trasport pubbliku b’xejn minn meta bdiet tiġi introdotta din il-miżura ftit tas-snin ilu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Budget tas-sena 2016 kien tħabbar li dawk il-persuni li kellhom jew inkella kienu sejrin jagħlqu tmintax (18) il-sena fl-2017 kienu sejrin jibbenefikaw minn sena trasport b’xejn meta jużaw it-trasport pubbliku bi skeda. Matul dik is-sena, jiġifieri 2017, kien hemm il-fuq minn 4,200 żagħżugħ u żagħżugħa li bbenefikaw minn din l-iskema. Fil-Budget tas-sena 2017 kien tħabbar li għas-sena 2018 din l-iskema kienet sejra tiġi mwessa’ sabiex tinkludi dawk iż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax (16) u l-għoxrin (20) sena. Infurmat ukoll li sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena kien hemm il-fuq minn 21,800 persuna li bbenefikat minn din l-iskema.

Santa Luċija – roundabout – arranġament ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'arranġamenti ġodda tat-traffiku huwa ppjanat li jsir meta fix-xhur li ġejjin huwa mistenni li jibda x-xogħol fuq il-bini tal-mini taħt ir-roundabout ta' Santa Luċija, minħabba li din it-triq hija arterja prinċipali għan-nies li jgħixu fin-naħa t'isfel ta' Malta?

Response (BORG, IAN)

Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, permezz ta’ Infrastructure Malta, għaddej bl-aħħar tħejjijiet sabiex jibda x-xogħol tal-proġett ta’ żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. Dan il-proġett ser ifisser madwar 30% inqas ħin fl-ivvjaġġar, inqas riskji ta’ aċċidenti għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż, kif ukoll aċċess aħjar għar-residenti ta’ Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. It-tnaqqis drastiku fil-konġestjoni tat-traffiku f’din ir-roundabout ifisser ukoll kwalità ta’ arja aħjar għall-lokalitajiet tal-inħawi. Wara l-approvazzjoni tal-permessi tal-iżvilupp meħtieġa għal dan il-proġett ix-xahar li għadda, Infrastructure Malta mistennija tibda l-ħidma meħtieġa fit-Triq tal-Barrani u fi Vjal Santa Luċija, it-toroq li ser jingħaqdu flimkien bil-mini ġodda, qabel l-aħħar ta’ din is-sena. Is-sejħa għall-offerti għall-kuntratturi meħtieġa għal dan il-proġett ħarġet aktar kmieni din is-sena. Il-proġett beda jitfassal fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, fuq talba tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, sabiex ikomplu jittaffew id-diffikultajiet fl-ivjaġġar għar-residenti u ħaddiema f’ħafna lokalitajiet fin-nofsinhar ta’ Malta. L-investiment f’din il-ħolqa ewlenija tas-sistema tat-toroq Maltin jinkludi disinn ġdid għar-roundabout sabiex issir aktar sikura, u l-bini ta’ ¿ewġ mini ta’ madwar 100 metru ‘l waħda, biex jgħaqqdu direttament Vjal Santa Luċija ma’ Triq Tal-Barrani. B’hekk, meta tkun għaddej minn Vjal Santa Luċija lejn Triq Tal-Barrani, jew bil-kontra, ma jkunx hemm għalfejn li ddur mar-roundabout iżda tkun tista’ tibqa’ għaddej mill-mini, mingħajr waqfien. Din ir-roundabout hija wkoll wieħed mill-aċċessi ewlenin għal Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. Meta jitlestew il-mini l-ġodda, ser jonqsu wkoll id-diffikultajiet tar-residenti biex jidħlu jew joħorġu mid-djar tagħhom f’dawn il-lokalitajiet hekk kif ir-roundabout ser tkun iddisinjata b’mod li jonqsu r-riskji ta’ aċċidenti, waqt li tkun qed tintu¿a ferm inqas. Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil u t-tisħiħ ta’ diversi servizzi tad-distribuzzjoni tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni li hemm bħalissa taħt l-art f’dawn it-toroq. L-ewwel ħidmiet ta’ dan il-proġett ser isiru mal-ġnub tat-triq eżistenti, sabiex isir it-twessigħ tat-toroq meħtieġa. Taħt dawn il-korsiji ġodda ser jitpoġġew ukoll is-servizzi ġodda minflok dawk li hemm taħt il-karreġġjata eżistenti ta’ Vjal Santa Luċija u Triq tal-Barrani. Meta dawn il-korsiji ġodda jkunu lesti, jieħdu post dawk e¿istenti sabiex meta tivvjaġġa minn dawn l-inħawi tibqa’ tu¿a l-istess rotot mingħajr xkiel. Waqt it-twettiq ta’ dan il-proġett, fosthom anke t-tħaffir u l-bini tal-mini, Infrastructure Malta ser tadotta l-istess prinċipju li qed tu¿a fil-Marsa Junction Project fi Triq Aldo Moro u l-inħawi, fejn dejjem toffri korsiji u rotot alternattivi meta t-toroq eżistenti jkunu milquta mix-xogħlijiet. Il-proġett ta’ Santa Luċija qed jiġi kkordinat ukoll ma’ proġetti oħra fl-inħawi sabiex jiġi ¿gurat li dejjem ikun hemm rotot alternattivi adekwati li kapaċi jlaħħqu mad-domanda tal-ivvjaġġar. Fost oħrajn, Infrastructure Malta ser tkun qed tlesti t-tieni fażi tal-Marsa Junction Project fil-ġimgħat li ġejjin biex Triq Aldo Moro jkollha 10 korsiji, u ser tibda t-twessigħ ta’ Triq Ħal Luqa, bejn ir-roundabout ta’ Santa Luċja u l-Gudja, kif ukoll it-twessigħ ta’ Triq Ħal Qormi, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi dalwaqt. Kull tibdil li jsir fir-rotot f’dawn l-inħawi minħabba x-xogħol li jkun għaddej jiġi diskuss minn qabel mal-entitajiet u l-komunitajiet kollha konċernati, sabiex jiġi żgurat li l-proġett jitwettaq bl-inqas inkonvenjent possibbli għar-residenti u għal dawk li jgħaddu minn dawn it-toroq.

Roundabout li miż-Żejtun tagħti għal Ħaż-Żabbar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti ħjiel dwar meta huwa kkalkulat li jitlesta x-xogħol kbir li qed isir biex tinbena mill-ġdid it-triq li miż-Żejtun tagħti għal Ħaż-Żabbar, magħrufa aħjar minn ħafna bħala t-Triq taċ-Ċawsli?

Response (BORG, IAN)

Aktar kmieni din is-sena, Infrastructure Malta bdiet ix-xogħol biex tinbena mill-ġdid Triq Bormla, magħrufa bħala “taċ-Ċawsli”, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Din it-triq ewlenija tintuża minn ħafna persuni li jgħixu jew jaħdmu fil-lokalitajiet tal-inħawi, fosthom Ħal Tarxien, il-Fgura, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Għal snin twal, din it-triq b’tul ta’ madwar kilometru, kienet fi stat ħażin ħafna, bi ħsarat li saħansitra anke wasslu għal aċċidenti b’konsegwenzi għal dawk li jivvjaġġaw minnha. Permezz ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €4 miljun, it-triq kollha qed tinbena mill-ġdid fuq pedamenti ġodda, u b’diversi faċilitajiet għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi. Fost oħrajn, it-triq ser ikollha korsija maqtugħa għaliha mit-triq biex minnha jkunu jistgħu jgħaddu dawk li jivvjaġġaw bir-roti jew bil-mixi (segregated shared use track). Dan ifisser li l-korsija għar-roti, f’żewġ direzzjonijiet, u l-passaġġ għall-mixi ser ikunu separati mit-triq innifisha permezz ta’ faxxa ta’ art bil-pjanti jew bis-siġar. B’hekk, l-ivvjaġġar bir-roti jew bil-mixi jkun ferm aktar sikur. Mal-ġnub tat-triq ser jinbnew ukoll għadd ta’ bus bays li permezz tagħhom dawk li jużaw it-trasport pubbliku jkunu jistgħu jinżlu jew jitilgħu fuq tal-linja mingħajr periklu. Fl-istess waqt, jonqsu d-diffikultajiet ta’ dewmien fl-ivvjaġġar peress li meta l-karozza tal-linja tkun qed ittella’ jew tniżżel il-passiġġieri ma tkunx qed tagħlaq il-korsija li minnha jgħaddu l-karozzi. Ser jiġu installati wkoll diversi sistemi oħra li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jużaw it-triq bil-karozzi, muturi jew mezzi oħra. Qed jittieħdu wkoll diversi miżuri li s-siġar storiċi taċ-ċawsli li hemm f’din it-triq jiġu salvati u protetti wara li fis-snin li għaddew kienu ntlaqtu mill-marda tas-susa. Il-proġett kollu ser jitlesta sa qabel is-sajf li ġej, iżda ż-żewġ korsiji ġodda tat-triq, li qed jinbnew bħalissa, mistennija jinfetħu fiż-żewġ direzzjonijiet sal-aħħar ta’ din is-sena.

Iż-Żejtun – Triq Ħal Tarxien – twessigħ ta’ triq

Question

Minħabba li minn kemm ilu li ngħatat it-tarmak Triq Ħal Tarxien (li miż-Żejtun tagħti għal Bulebel), żdied ħafna t-traffiku f’din it-triq, partikolarment fil-ħinijiet ta' filgħodu, jista' l-Ministru jikkunsidra li fil-partijiet l-aktar dojoq tat-triq fejn ma jgħaddux żewġ karozzi, titwessa’ bi ftit metri b'mod li tittieħed mill-inqas art possibbli biex b'hekk ikun qed jiġi evitat periklu u tonqos il-konġestjoni f’din it-triq f’ħinijiet partikolari tal-ġurnata?

Response (BORG, IAN)

It-triq indikata qed tintuża aktar ta’ spiss bħalissa sakemm jitlesta l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Bormla (taċ-Ċawsli). Meta Triq Bormla tinfetaħ mill-ġdid wara li jkun tlesta dan il-proġett ta’ €4 miljun, id-domanda għat-triq indikata tonqos. Madankollu, xorta waħda qed jiġu kkunsidrati xi miżuri addizzjonali li ser jittieħdu għal aktar sigurtà u effiċjenza f’din it-triq. L-idjaq partijiet tat-triq indikata għandhom il-bini fuq żewġ naħat u mhux daqstant faċli jitwessgħu.

Operazzjoni tal-katarretti, ortopedija u radjoloġija – lista ta’ stennija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont lil din il-Kamra ta' f’liema stat jinsabu l-listi ta' stennija għall-operazzjoni tal-katarretti, ortopedija, u għal servizzi konnessi ma' radjoloġija u kardjoloġija u kif dawn il-listi jikkomparaw ma' dawk li kien hemm fl-2013?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ pazjenti li qegħdin jistennew għall-operazzjoni tal-katarretti, interventi prinċipali tal-ortopedija, u għal servizzi konnessi ma' radjoloġija u kardjoloġija jinsab fit-tabella hawn taħt ikkumparat mas-sena 2013. Lista ta’ stennija Dipartiment Interventi 2018 2013 Ophthalmic Cataract 1952 3344 Orthopedics Total hip replacement 191 345 Total knee replacement 924 1835 Cardiology Angiograms 26 227 Percutaneous Coronary Intervention 4 39

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2015 – 2020? X’twettaq s’issa minn din il-politika nazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’referenza għal din il-mistoqsija dwar xi twettaq s’issa mill-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2015 - 2020, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata dwar: Pjan ta’ Azzjoni 1 - Spazji ġodda fil-komunità lokali għaż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Pjan ta’ Azzjoni 2 - Sensibilizzazzjoni, nisimgħu u nappoġġjaw il-vuċijiet taż-żgħażagħ Pjan ta’ Azzjoni 3 - Inizjattivi għall-impenn attiv, l-empowerment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Sentenzi ta’ sigħat xogħol fil-komunità mogħtija mill-ġudikatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sentenza ta’ sigħat xogħol fil-komunità ngħatat mill-ġudikatura f’dawn l-aħħar ħames snin? X’tip ta’ xogħol twettaq mill-akkużati u f’liema lokalità sar dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Persuni li jikkwalifikaw għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li jikkwalifikaw għall-għajnuna legali? Kemm huwa n-numru ta’ avukati allokati biex jgħinu lil dawn il-persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm 22 avukat tal-għajnuna legali f’Malta u 5 avukati tal-għajnuna legali f’Għawdex. Jassistu lill-avukati f’Malta hemm 23 prokuratur legali. Intant infurmat ukoll li persuna tikkwalifika għall-għajnuna legali skond din il-proċedura li ġejja: Persuna li tikkwalifika mingħajr it-test tal-mezzi ( means test ): 1. Fil-kamp kriminali hija (kif stipulat fil-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta): i. Persuna akkużata waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija; ii. Persuna akkużata li tinġib quddiem il-Qorti f’kawżi kriminali u ġurijiet; 2. Bħala vittma tal-kriminalità hija: i. Kull persuna li hija vittma tal-kriminalità kif stipulat fil-kapitolu 539; Persuna li tikkwalifika wara li jsir it-test tal-mezzi: 3. Fil-kawżi ċivili (kif stipulat fil-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta) persuna eleġibbli trid tippruva li (u wara li jaħilfu l-applikazzjoni): i. Minbarra l-oġġett fil-kawża, hi ma għandha ebda xorta ta’ proprjetà li l-valur nett tagħhom jammonta għal, jew ikun aktar minn, €6988.12; ii. Li l-qliegħ tiegħha fis-sena huwa inqas mill-paga minima nazzjonali stabbilità għal persuni li jkunu għalqu tmintax-il sena. 4. Fil-kawżi ċivili dwar l-Ordinanza li Tneħħi l-Kontrol tad-Djar kif stipulat fil-Kapitolu 158 persuni eleġibbli jridu jippruvaw illi (u wara li jaħilfu l-applikazzjoni): i. Ma jkunux impjegati full-time bi qliegħ.

Każijiet fil-qorti li ġew preskritti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fil-Qorti li ġew preskritti f’dawn l-aħħar ħames snin? Fuqiex kienu jittrattaw dawn il-każijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika fir-rigward ta’ każijiet li jiġu preskritti.

Sptar Mater Dei — Spiża tas-sodod

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hija kkalkulata li tiswa sodda għal kull lejl fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa ta’ kull sodda għal kull lejl fl-Isptar Mater Dei, dik li hija Low Dependency tvarja bejn €163 u €347 u għal High Dependency tvarja bejn €283 u €1,291.

Skejjel tal-Knisja u Skejjel Indipendenti – skema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-għadd ta' studenti mill-iskejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti li mill-ftuħ tas-sena skolastika bdew jibbenefikaw mill-iskema ta’ trasport b'xejn għall-istudenti kollha? Jista' jgħid ukoll kemm huwa kkalkulat l-għadd ta' studenti li għalihom għadha ma nstabitx soluzzjoni biex huma wkoll ikollhom trasport b'xejn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jitħejja sommarju tal-inizjattiva ta' servizz ta' trasport b'xejn lill-istudenti kollha inkluż l-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti. Dan ħa jkun maħruġ pubblikament din il-ġimgħa.

Triq Imdina, Rabat u Triq Imdina, Attard – imwiet reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati mwiet fuq it-toroq Triq l-Imdina, Rabat u Triq l-Imdina, Attard?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Mejju 2018, ma ġew reġistrati ebda mwiet fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Infurmat li ma hemm l-ebda triq bl-isem ta’ Mdina Road, Rabat u għalhekk mis-sistema tal-Pulizija ma nstabet l-ebda referenza għal xi inċidenti tat-traffiku li seħħew fit-triq imsemmija.

Triq Imdina, Rabat u Triq Imdina Attard – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati inċidenti tat-traffiku fuq it-toroq Triq l-Imdina, Rabat u Triq l-Imdina, Attard?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Mejju 2018, il-pulizija rreġistrat u rrikorriet fuq tlieta u disgħin (93) inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Il-figura msemmija ma tinkludix kollużjonijiet ‘Front to Rear’ u inċidenti oħra li kienu referuti lill-Gwardjani Lokali. Infurmat li ma hemm l-ebda triq bl-isem ta’ Mdina Road, Rabat u għalhekk mis-sistema tal-Pulizija ma nstabet l-ebda referenza għal xi inċidenti tat-traffiku li seħħew fit-triq imsemmija.
Leg 13 PQ #6395 Sitting 133 2018-06-19 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Ministeru għall-Finanzi

Akkomodazzjoni Soċjali – ħlasijiet b’lura ta’ pagament ta’ taxxi fuq id-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Awtoritajiet sabiex iniedu xi tip ta’ skema li permezz tagħha, persuni u entitajiet kummerċjali u anke entitajiet oħrajn li jkunu sidien ta’ proprjetajiet li jkunu tajba għall-finijiet t’akkomodazzjoni soċjali u li jkollhom jagħtu lill-Gvern ammonti sinjifikanti ta’ flus bħal ħlasijiet b’lura ta’ pagamenti tat-taxxa fuq id-dħul (Income tax) u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll pagamenti tas- social security contributions u dawn ma jkollhomx minn fejn iħallsu dawn l-ammonti ta’ flus lill-Gvern sabiex permezz ta’ din l-iskema jkunu jistgħu jpaċu dawn id-djun billi jgħaddu lill-Gvern dawk il-proprjetajiet li jkunu tajbin għall-akkomodazzjoni soċjali? Hemm xi ħsieb min-naħa tal-Awtorità li jiġi mgħoddi xi att ta’ liġi minn din il-Kamra tal-Parlament sabiex jiġi regolarizzat dan il-mod ta’ tpaċija sabiex b’hekk il-Gvern ikun jista’ jiġbor ammont sostanzjali ta’ flus li għandu jiġbor u kollox isir skont il-liġi u skont regoli u ‘prassi’ stabbiliti mingħajr ħafna qawmien ta’ dubji u tfigħ ta’ tajn bla bżonn minn min suppost jaf aħjar?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern diġà ddiskuta internament din il-policy u l-Ministeru għal Finanzi lest li jikkunsidra proposti f’dan ir-rigward ‘on a case by case basis’.

Delimara — Restawr ta’ Forti Delimara u Forti San Pawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtoritajiet għandhomx xi pjan sabiex jinstabu l-fondi sabiex jinbeda r-restawr ta’ Forti Delimara u ta’ Forti San Pawl f’Delimara? Jista’ jgħid jekk hemmx xi pjan min-naħa tal-Gvern sabiex jinbdew xi diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea sabiex jinġiebu xi fondi għal dawn iż-żewġ Fortizzi daqshekk maestużi u storikament importanti? Jista’ jikkonsidra wkoll tistax tiġi mnedija xi forma ta’ crowd funding li flimkien ma’ kampanja qawwija online dwar l-importanza li dawn il-fortizzi jiġu restawrati u salvati, żgur għandha twassal għal riżultat pożittiv ħafna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ġbir ta’ fondi għar-restawr ta’ dawn iż-żewġ fortizzi storiċi?

Response (BONNICI, OWEN)

Rigward Forti Delimara, Heritage Malta ma twarrabx il-possibiltà li tikkonsidra dan is-suġġeriment. Rigward Forti San Pawl, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtoritajiet tal-Knisja – kustodji mal-knejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jidħol f’taħditiet mal-Awtoritajiet tal-Knisja lokali sabiex isir xi tip ta’ arranġament li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu impjegati numru ta’ kustodji sabiex numru ta’ knejjes u kappelli antiki u li għandhom ċerta storja li għandna mxerrdin fin-naħa t’isfel ta’ Malta, jiġu miftuħa matul il-jiem kollha tal-ġimgħa?. B’hekk filwaqt li nkomplu nżidu l-prodott turistiku u s-siti storiċi li jistgħu jżuruhom it-turisti, inkomplu nżidu n-numru ta’ turisti f’dik il-faxxa ta’ turiżmu li ġeneralment jinterassahom dawn it-tipi ta’ siti storiċi u li ġeneralment ikollhom spending power akbar u b’hekk ikompli jitferrex il-ġid maħluq minn dan it-tip ta’ turiżmu madwar aktar inħawi ta’ Malta u ma jibqax ikkonċentrat biss fil-Belt Valletta u l-Imdina?

Response (BONNICI, OWEN)

Heritage Malta ma twarrabx il-possibiltà li tikkonsidra dan is-suġġeriment.
Leg 13 PQ #6398 Sitting 133 2018-06-19 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtoritajiet tal-Knisja – kustodji mal-knejjes matul il-jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jidħol f’taħditiet mal-Awtoritajiet tal-Knisja lokali sabiex isir xi tip ta’ arranġament li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu impjegati numru ta’ kustodji sabiex numru ta’ knejjes u kappelli antiki u li għandhom ċerta storja u li għandna mxerrdin fin-naħa t’isfel ta’ Malta jiġu miftuħa matul il-jiem kollha tal-ġimgħa? B’hekk filwaqt li nkomplu nżidu l-prodott turistiku u s-siti storiċi li jistgħu jżuruhom it-turisti, inkomplu nżiedu n-numru ta’ turisti f’dik il-faxxa ta’ turiżmu li ġeneralment jinterassahom dawn it-tipi ta’ siti storiċi u li ġeneralment ikollhom spending power akbar u b’hekk ikompli jitferrex il-ġid maħluq minn dan it-tip ta’ turiżmu madwar aktar inħawi ta’ Malta u ma jibqax ikkonċentrat biss fil-Belt Valletta u l-Imdina?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tip t’arranġament ma jaqgħax taħt il-kappa tal-Ministeru għat-Turiżmu.

Djar għal kura tal-anzjani/Sptarijiet tal-anzjani – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet għandhomx xi pjanijiet sabiex jaraw kif se jnaqqsu t-tbatija ta’ persuni anzjani u persuni b’diżabilità sabiex meta dawn imorru jżuru lil qrabathom li jkunu f’xi istituzzjoni jew f’xi dar għall-kura tal-anzjani jew xi sptar tal-anzjani jew f’xi sptar ieħor fuq bażi permanenti jew ‘long term’ u jkollhom jagħmlu dan permezz tat-trasport pubbliku u peress li huwa fatt magħruf li persuni anzjani ta’ ċertu età u persuni li jkollhom ċertu bżonnijiet speċjali li jkollhom iżuru lil xi qarib tagħhom f’xi istituzzjoni jew sptar fuq bażi regolari u jkollhom jużaw it-trasport pubbliku sabiex jagħmlu dan, ibatu ħafna minħabba l-iskariġġ li jkollhom jgħaddu minnu sabiex jitraġittaw bit-trasport pubbliku, jistgħu l-awtoritajiet jieħdu in konsiderazzjoni li tiddaħħal xi forma ta’ skema li permezz tagħha dawn il-persuni jiġu megħjuna sabiex ma jibqgħux ikunu sforzati jużaw it-trasport pubbliku sabiex imorru jaraw lill-qrabathom fl-isptarijiet jew djar tax-xjuħ u minflok jiġu provduti bi transport alternattiv li jkun aktar komdu għalihom u fih anqas skariġġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.