Legislature:
Category:
Reset
Active:

Drittijiet u obbligi tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jiddefenixxi b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tat-tfal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-definizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tat-tfal, huma stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda, tad-Drittijiet tat-Tfal tas-sena 1989. Malta kienet iffirmat u rratifikat din il-Konvenzjoni f’1990, li permezz tagħha f’Malta twaqqaf l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, sabiex jippromwovi d-drittijiet tat-tfal. Din il-Konvenzjoni tiġbor fiha ftehim universali ta’ standards u obbligi mifruxa f’54 artiklu. Dawn id-drittijiet huma fuq kollox drittijiet umani, iżda jiffokaw aktar fuq it-tfal u jinkludu d-dritt ta’ mistrieħ, d-dritt għar-rikreazzjoni u logħob, d-dritt għall-edukazzjoni, d-dritt għal kura u kustodja jekk il-ġenituri tagħhom għal raġunijiet varji ma jistgħux jieħdu ħsieb uliedhom u d-dritt għall-ħajja sana u kura. Marbut ma’ kull dritt, hemm ukoll l-obligazzjonijiet tat-tfal. Hawnhekk l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal, jaħdem sabiex jippromwovi kemm huwa importanti li nrawwmu lit-tfal f’ambjent fejn ikun hemm bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi, u ngħallmuhom minn eta` tenera juru rispett lejn il-familja, l-edukaturi tagħhom u sħabhom, fost l-oħrajn, kif ukoll illi jattendu l-iskola u li jagħtu daqqa t’id lill-familja fil-bżonnijiet ta’ kuljum. L-ebda tifel jew tifla m’għandu jew m’għandha tiġi mċaħħda minn xi dritt. Fl-istess ħin, kull tifel u tifla huma mistennija li jkunu jafu x’inhuma l-obbligi u d-dmirijiet tagħhom fis-soċjeta`.

Community Service Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ngħatat lil Community Service Order is-sena l-oħra? Jista’ jgħid fejn twettqu dawn is-sigħat ta’ xogħol u x’tip ta’ xogħol twettaq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ siegħat li ngħataw f’Community Service Order fis-sena 2019 jammonta għal 3,855 siegħa. Ix-xogħol ordnat mill-Qorti permezz ta' Ordni ta' Servizz fil-Komunità sar f'diversi Kunsilli Lokali, kif ukoll fi ħdan numru ta' għaqdiet non-governattivi madwar Malta u Għawdex. It-tip ta' xogħol li sar f`dawn l-għaqdiet non-governattivi huwa varjat u jikkonsisti fosthom: tisbiħ u tindif ta' postijiet pubbliċi, xogħol ta' manutenzjoni ġenerali, għajnuna fil-kċina, xogħol klerikali u xogħol f'santwarji ta' annimali abbandunati.

Ilmenti minn ġenituri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti minn ġenituri kontra l-għalliema f’dawn l-aħħar sentejn? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti tal-ġenituri u x’passi ttieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar sentejn il-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema rċieva tliet (3) ilmenti fuq għalliem. Preżentement għaddejjin ħames inkjesti separati mill-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema sabiex ikun stabbilit jekk kienx hemm ksur tal-kodiċi ta' etika kif allegat. Dawn l-aħħar sentejn ingħalqu tliet (3) inkjesti.

Dipartiment tal-Emerġenza – persuni li ddaħħlu minħabba vjolenza domestika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm iddaħħlu persuni fid-Dipartiment tal-Emerġenza minħabba vjolenza domestika f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li attendew fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, fejn kien allegat li kien hemm vjolenza domestika jidhru fit-tabella hawn taħt: Sena Numru t’attendenzi fid-dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei. 2017 23 2018 40 2019 64 2020 (sal-5 ta’ Frar) 6 Wieħed għandu jkun mgħarraf li jekk persuna tmur fid-Dipartiment tal-Emerġenza minnħabba xi korriment u ma ssemmiex li kien ikkaġunat minn vjolenza domestika, dawn il-każijiet ma jistawx jinqabdu u għalhekk ma jidhrux fit-tabella hawn fuq.

Ġenituri mressqa l-Qorti fuq assenteiżmu mingħajr raġuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri li tressqu l-Qorti għaliex naqsu li jibagħtu lil uliedhom l-iskola mingħajr raġuni valida fil-perjodu 2017 – 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-perjodu 2017-2018 kien hemm 1,880 ġenitur li tressaq it-Tribunal Reġjonali għaliex naqas li jibgħat lil uliedu l-iskola mingħajr raġuni valida. Dawn il-ġenituri jkunu ġew irreferuti lis-sistema legali minħabba li ma jkunux taw raġuni valida lill-amministrazzjoni tal-iskejjel rispettivi meta t-tfal tagħhom fallew mill-iskola għal aktar minn tliet (3) ijiem konsekuttivi. Dan jimplika li l-ġenituri ma kkoperawx mal-iskejjel.

Cameras tat-traffiku installati minħabba sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn cameras tat-traffiku installati minħabba sewqan eċċessiv f’pajjiżna? F’liema lokalitajiet huma installati dawn il-cameras?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilità — lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-djar residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità humiex kollha mgħammra bil-faċilità ta’ lift? Jekk le, x’qiegħed isir biex dawn id-djar kollha jkollhom lift sabiex ir-residenti jkollhom aċċessibiltà biex joħorġu fil-komunità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Applikazzjoni għall-Ippjanar fiż-żona

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ħsibijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u għaldaqstant jgħid jekk hijiex skont il-policies li jirregolaw l-ippjanar fiż-żona?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-Applikazzjoni PA 9516/18 ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern fis-7 ta’ Novembru 2018. Dan iffisser illi l-ewwel perjodu ta’ 30 ġurnata, li jwassal għall konklużjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni u fl-istess ħin jagħti ċans għall-kummenti tal-pubbliku, għalaq fis-7 ta’ Dicembru 2018. Id-Direttorat ta’ l-Ippjanar, f’isem ic-Chairperson Eżekuttiv, irid jifli l-każ sew issa li ngħata ċans lill-entitajiet kollha illi jagħtu sehemhom fid-deliberazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Irid jieħu wkoll konjizzjoni tal-kummenti kollha li ntbghatu mill-pubbliku. Dawn kienu numerużi, aktar minn elf u sebgħa mija. Il-proċess jista’ jinkludi wkoll fażi fejn l-applikanti u l-periti ikollhom jissottomettu informazzjoni ulterjuri. Dan jista’ jiskatta t-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Meta l-proċess ikun sħiħ u komplut, id-Direttorat jikteb ir-rapport finali li jkun jinkludi rakkomandazzjoni sħiħa dwar il-każ. Ikun f’dan l-istadju li l-Awtorita’ jkollha l-fatti kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddelibera u tagħmel rakkomandazzjoni favur jew kontra dan il-proġett. Dan ir-rapport imsemmi għandu jitlesta u jintbgħat għand il-Kummisjoni għall-Ippjanar sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Frar 2019, sakemm ma jkunx hemm talba mill-perit sabiex jissospendi l-applikazzjoni. Il-Ministru, minn naħa tiegħu, jista’ biss jiżgura ruħu mill-fatt illi l-process isir tajjeb u bi sħiħ, u jieħu konjizzjoni ta’ l-eżitu tal-proċess meta tittieħed deċizjoni mill-Awtorita’, u dan billi josserva u jirrispetta l-awtonomija assoluta illi għandha din l-istess Awtorita’. Madankollu, mingħajr preġudizzju għal dak li jista’ jirri¿żulta fir-rapport finali, u għad-deċizjoni li għad trid tittieħed mill Awtorita’, il-Ministru diġa ħa konjizzjoni tal-fatt illi prima facie, il-proposta ta’ żieda ulterjuri fl-għoli tal-bini eżistenti jista jkollha mpatti negattivi fuq dan il-bini storiku u fuq l-“Area of High Landscape Value” illi fiha tinstab is-Saqqajja. Għaldaqstant, anke f’dan l-istadju hekk bikri, jidher car illi din l-applikazzjoni sabiex jiżdied l-għoli tal-binja eżistenti ma tikkwalifikax bħala waħda minn dawk illi tista’ tisfrutta il-Policy imsemmija hawn fuq.

Università ta’ Malta – kors ta’ Probation Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux xi pjanijiet sabiex jara li jħajjar aktar persuni jidħlu għall-kors fil-Probation Services ġewwa l-Università ta’ Malta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, id-Dipartiment tal-Probation u Parole (DPP) ħadem sabiex jiġi stabbilit in-numru ta’ vacancies li għandu b¿onn sabiex ikun jista’ jaħdem u jwettaq id-dmirijiet tiegħu ta’ mmanniġġjar u supervizjoni ta’ offenders fil-komunità. Tul dawn l-aħħar snin id-DPP impenja ruħu sabiex ħareġ numru ta’ sejħiet bil-għan li jinstabu kandidati idonei biex iwettqu xogħol ta’ Probation u Parole. Fost dawn is-sejħiet insibu s-sejħa ta’ applikazzjoni ta’ Trainee Probation Officers. Sabiex il-kors tal-Università jkun aktar appellabbli u attraenti f’Mejju 2017 id-DPP ħa l-inizjattiva flimkien mal-Università ta’ Malta fejn il-kandidati magħ¿ula ngħataw salarju bħala ħaddiema tal-gvern u li fl-istess ħin bdew u temmew il-kors universitarju li jwassal għal livell ta’ Masters in Probation Services. Dan wassal li wara li temmew b’suċċess il-kors ta’ taħriġ huma ġew promossi bħala Uffiċjala tal-Probation fi ħdan id-Dipartiment imsemmi. Din l-inizjattiva għenet lill-persuna magħ¿ula li filwaqt li qiegħda ssegwi kors l-Università tkun qiegħda f’impjieg b’salarju u tkun aktar ippreparata għad-dinja tax-xogħol speċjalizzat li dan id-Dipartiment jirrikjedi. Ma’ dan in¿id ngħid li fil-futur qrib se jitjieb il-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema li jaqgħu fil-Probation Class u ri¿ultat ta’ dan kull min japplika l-Università għal kors ta’ Masters in Probation Services jaf li ser ikun qed japplika għal impjieg b’kundizzjonjiet aktar favorevoli.

Ex detenuti – pjanijiet biex jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern sabiex jara li ex-detenuti li jkunu għadhom kif spiċċaw jiskontaw sentenza ta’ priġunerija, isibu dik l-għajnuna neċessarja sabiex jerġgħu jintegraw ruħhom lura fis-soċjetà? Peress li hu fatt magħruf li diversi drabi ex-detenut jispiċċa iżolat/waħdu jiġġerra barra mingħajr saqaf fuq rasu u mingħajr għaxja ta’ lejla, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex jitwaqqfu dawk l-istrutturi neċessarji sabiex ex-detenuti jiġu segwiti u megħjuna sabiex jerġgħu jqumu fuq saqajhom wara li jkunu ħallsu d-dejn tagħhom lejn is-soċjetà?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sa mill-bidu tas-sentenza l-priġunier jibda jiġi megħjun minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti sabiex ikunu identifikati l-fatturi li jeħtieġ ikun megħjun fihom. Apparti dan, kull priġunier li jkun wasal li jtemm is-sentenza, minn xhur qabel, jiġi mitkellem sabiex ikun esplorat jekk hemmx il-b¿onn li jkun assistit għal impjieg jew akkomodazzjoni. Te¿isti kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Faċilità u entitajiet bħal Jobsplus u LEAP. Isiru diversi referrals mit-tim multidixxiplinarju tal-Faċilità lil dawn l-entitajiet sabiex jassistu f’ka¿ li l-priġunier jeħtieġ assistenza għal wara li jtemm is-sentenza u għaldaqstant l-għajnuna ta’ dawn l-entitajiet tkun diġà bdiet minn meta l-priġunier ikun għadu jiskonta s-sentenza. Te¿isti wkoll kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, fejn is-Social Workers tal-Faċilità jirreferu immedjatament, anke fil-bidu tas-sentenza, kull priġunier li jkun se jiffaċċja problemi ta’ akkomdazzjoni u jikkomunikaw mas-Social Workers tal-Awtorità tad-Djar, fejn dawn tal-aħħar i¿uru l-Faċilità u jkellmu lill-priġuniera fuq ba¿i regolari. Hemm ukoll il-programm tal-Fondazzjoni RISE fejn kull sena numru ta’ priġuniera jsegwu programm ta’ rintegrazzjoni fis-soċjetà b’mod gradwali u liema programm qed juri li hu wieħed ta’ suċċess. Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar xi pjanijiet fil-futur biex jitwaqqfu strutturi sabiex eksdetenuti jkunu segwiti u megħjuna biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom wara li jkunu ħallsu d-dejn tagħhom lejn is-soċjetà għadhom jiġu diskussa mal- Board of Governors .

Iż-Żejtun – Triq il-President Anton Buttigieg — periklu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’biħsiebu jagħmel il-Gvern Ċentrali sabiex jiġi eliminat il-periklu kbir li jeżisti fil-preżent fi Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun, peress li ta’ spiss qed isiru diversi inċidenti serji f’din it-triq u mhux l-ewwel darba li vetturi li jkunu għaddejjin b’veloċità qawwija minn din it-triq, qed jispiċċaw jitilfu l-kontroll u jidħlu fil-bini ta’ din it-triq fejn kien hemm anke okkażżjonijiet li karozzi li jkunu tilfu l-kontroll, baqgħu deħlin b’veloċità kbira fil-parapetti tad-djar, kif ukoll kien hemm xi rapporti fejn nies mexjin minn fuq il-bankina f’din il-bypass, kien għoddhom intlaqtu minn karozzi li jkunu tilfu l-kontroll? Peress li f’din it-triq kellha ssir service road li taqdi lir-residenti li joqogħdu f’din it-triq u li tissepara r-residenzi f’din it-triq mill-karreġġjati minn fejn jgħaddi t-traffiku u peress li din is-service road hi bżonnjuża wkoll għall-pedestrians sabiex ikunu jistgħu jimxu bla periklu bħalma kien sar fil-bypass ta’ Ħal Għaxaq fejn hemm service road imma din għal xi raġuni mhux magħrufa għadha ma saritx fi Triq il-President Anton Buttigieg, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Infrastruttura Malta għandhiex pjanijiet sabiex din it-triq titwessa’ fejn hu possibbli u ssir service road? Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Aġenzija Infrastruttura Malta sabiex tassigura li jiġu maqtugħin darba għal dejjem l-abbużi min-naħa tas-sewwieqa li jsuqu b’mod eċċessiv matul Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun (bħal speed cameras u sleeping policemen /traffic humps) sabiex tiżdied is-sigurtà u jonqos il-periklu f’din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qed tikkunsidra u tippjana diversi alternattivi sabiex titjieb is-sigurtà u l-kwalità tat-triq imsemmija waqt li jittaffew id-diffikultajiet indikati. Ġaladarba dawn il-pjanijiet ikunu ffinalizzati jagħddu għand Transport Malta biex jiġi assigurat li l-miżuri neċċessjarji rigward traffic calming u sigurta’ huma l-aħjar possibli. Filwaqt li dan qed issir, Transport Malta ser tkun qed tikkomunika mal-pulizija biex kemm jista’ jkun ikun hemm l-infurzar neċessarju.

Vjolenza Domestika – ammont ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ flus li ntefqu f’dawn l-aħħar tliet snin fuq il-vjolenza domestika?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-nefqa totali mill-2015 sa Ottubru 2018, fuq servizzi relatati ma’ Vjolenza Domestika, hija ta’ €4,038,108.

Kummissarju għas-Saħħa Mentali – rwol prinċipali

Question

Jista’ d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuwa l-irwol prinċipali tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali? X’għandha tagħmel persuna jekk ikollha lment dwar xi servizzi mogħtija lilha dwar il-qasam tas-saħħa mentali? Kemm kien hemm ilmenti quddiem il-Kummissarju matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-irwol tal-Kummissarju gžall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Di¿ordni Mentali huwa deskritt fl-artiklu 6 paragrafu (1) tal-Kapitlu 525 tal-Att dwar is-Saħħa Mentali. Persuna li jkollha xi lment dwar xi servizz mogħti lilha fil-qasam tas-saħħa mentali għandha l-ewwel tressaq dan l-ilment ma’ dik l-istituzzjoni li pprovdiet is-servizz oriġinarjament u wara, jekk ma tkunx sodisfatta bir-rimedju u/jew risposta li tingħata, għandha tressaq l-ilment tagħha għand il-Kummissarju. Ilmenti li jirrigwardaw allegat ksur tad-drittijiet tal-pazjent għandhom jiġu mressqa direttament għand il-Kummissarju. In-numru ta’ lmenti formali kien ħmistax (15) fl-2015, dsatax (19) fl-2016 u sittax (16) fl-2017. L-Uffiċċju tal-Kummissarju jirċievi wkoll medja ta’ għaxar talbiet fil-ġimgħa għall-assistenza u/jew informazzjoni, il-maġġor parti tagħhom b’mod telefoniku.

Aġenzija Sapport — Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie inawgurat iċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali għall-impjegati tal-Aġenzija Sapport? X’taħriġ ġie organizzat minn mindu nfetaħ u kemm-il professjonist ħa sehem f’dan it-taħriġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali tal-Aġenzija Sapport, f’Santa Venera, ġie inawgurat fid-29 ta’ Marzu 2017. Dan iċ-ċentru jinkludi faċiitatjiet għall-konferenzi, seminars u taħriġ. Minn meta ġie inawgurat, saru diversi sessjonijiet ta’ taħriġ organizzati mill-Aġenzija, għall-istaff tagħha. Dan it-taħriġ jinkludi, taħriġ għall-benefiċjarji ta’ proġetti tal-UE, mmexxija mill-Aġenzija u benefiċjarji ta’ skemi oħra fi ħdan l-Aġenzija, u kif ukoll induction training flimkien ma’ taħriġ speċjalizzat ieħor, lill-istaff tal-Aġenzija. Dan iċ-ċentru jakkomoda fuq bażi regolari, gruppi ta’ sapport u workshops għall-ġenituri u aħwa ta’ persuni b’diżabilità u gruppi ta’ sapport lil staff minn aġenziji oħra fis-servizzi soċjali. Mhuwiex possibli li tingħata figura totali ta’ kemm kien hemm benefiċjarji, (staff, klijenti u membri tal-pubbliku) li ġieli għamlu użu minn dawn il-faċilitajiet, hekk kif dan iċ-Ċentru jintuża regolarment għal attivitajiet varji kif diġa’ ġie elenkat u ma tinżammx statistika.

Marsaskala – persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’diżabilità li joqogħdu f’Marsaskala skont ir-Reġistru Nazzjonali Persuni b’Diżabilità tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD)? X’inhija d-diżabilità tagħhom? X’etajiet għandhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Il-Kummissjoni iżżomm statistika fuq il-persuni kollha li tinħarġilhom identifikazzjoni għall-finijiet tad-diżabbilta` tagħhom (Special ID u European Disability Card), u tippubblika statistika nazzjonali f'dan ir-rigward, kull sena, fir-rapport annwali tagħha, li jitpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta' statistika mqassma skont l-lokalita`, in-konsiderazzjoni tad-daqs ta' Malta, u l-possibilita` ta' stigma li tista' titpoġġa fuq lokalita` partikolari, il-Kummissjoni hija tal-fehma illi jekk tagħti tali statistika kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, ikun qiegħed jinkiser Artiklu 5 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilita' (UN CRPD), illi jittratta l-Ugwaljanza u n-Non-Diskriminazzjoni. Għal din ir-raguni, il-Kummissjoni mhux f'pożizzjoni li tagħti tali` statistika kif mitlub.

Marsaskala – Ċentru Edukattiv tal-Kunsill Lokali — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qegħdin jingħataw fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala? X’għandha tagħmel persuna biex tagħmel użu minn xi wieħed minn dawn is-servizzi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li joffri bosta servizzi fiċ-Ċentru ta’ Taħriġ. Min hu nteressat għandu javviċina lill-Kunsill. Fosthom hemm: • Servizz tal-LEAP b’bosta servizzi fosthom it-tqassim tal-ikel lil nies fil-bżonn; • Korsijiet tal-kompjuter kemm; • Korsijiet tal-lifelong learning; • Inizjattiva favur il-qari ‘Aqra Miegħi’ għat-tfal, bil-Malti u l-Ingliż; • Servizz ta’ counselling; • Privat tal-Maths b’xejn għall-Maths O level; • Support group disability darba fix-xahar; u • Inizjattiva ‘Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar’.

Liġi tal-IVF — implimentazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslet l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-IVF u jekk bdewx isiru proċeduri fl-Isptar Mater Dei skont il-provvedimenti l-ġodda tal-liġi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fid-19 ta' Ġunju ġie approvat l-Att li jemenda l-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijun', skond Artiklu 4 ġie mhejji Protokoll mill-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun għall-Approvazzjoni ta' Fertilizzazzjoni Addizjonali. Dan il-Protokoll ġie mressaq għad-diskussjoni quddiem il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa u ġie approvat unanimament fit-13 ta' Settembru 2018. Tlestew ukoll il-formoli meħtieġa mill-Awtorità għas-Servizzi ġodda li ser jiġu mplimentati. F' Mater Dei iċ-ċiklu li jmiss li ser jibda fil-25 t'Ottubru u se jkun qed joffri l-IVF's bil-providementi l-ġodda.

Ħal Kirkop – effetti tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa ġdid

Question

Wara kważi xahar mill-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien l-effett tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru fuq is-servizzi offruti liċ-ċittadini tal-inħawi u anke fuq ċentri tas-saħħa oħra fejn kienu jinqdew qabel dawn in-nies? X’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru għall-kura fil-komunità għas-snin li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop infetaħ għal-Pubbliku fis-17 ta’ Settembru 2018. Fl-ewwel tlett ġimgħat attendew total ta’ 1,826 pazjent; dawn tnaqqsu mill-lista ta’ pazjenti li sa ftit ilu kienu jirrikorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Madwar 27,000 resident fl-inħawi ta’ Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, l-Imqabba, l-Qrendi, Ħal Safi, Ħal Luqa, Ħal Far u Ħal Farruġ issa bdew jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal-Kirkop minflok dak tal-Furjana. Għaldaqstant, huwa kkalkulat li x-xogħol fiċ-Ċentru tal-Furjana naqas b’madwar 20%. Il-Pjan hu li nkomplu nsaħħu u nikkonsolidaw l-operat tal-kura primarja, inżiedu l-effettivita’ u l-effiċjenza filwaqt li nersqu aktar lejn il-komunità bil-għan li l- Primary Health Care issir l-għażla awtomatika ta’ kuntatt għal-klijenti tagħna. Għaldaqstant, ser nissuktaw: 1. Bl-introduzzjoni ta' servizzi ġodda sabiex il-pazjenti jiġu ttrattati fil-komunità ta’ fejn jgħixu jew jaħdmu, biex ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għall-kura sekondarja fl-isptar; 2. Bit-tisħiħ tas-servizzi eżistenti biex ikompli jingħata u jitjieb l-aċċess għal-kura tal-għola kwalità ta’ possibbli. Fix-xhur li ġejjin ser jibda x-xogħol ta’ immodernizzar fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira. Dan iċ-Ċentru ser jiġi tansformat f’Ċentru tal-għola livell u, għall-ewwel darba, ser ikun aċċessibbli minn kulhadd permezz tal-installar tal-lift. Ser jiżdiedu ukoll is-servizzi, bħal dak tal-fiżjoterapija, li bħalissa il-klijenti ta’ dan iċ-Ċentru jridu jmorru f’Ċentri ohra biex jinqdew. Qedgħin fil-proċess ukoll tal-iżvilupp ta’ Ċentru tas-Saħħa ieħor tal-ogħla kwalità li ser ikun inawgurat f’Għawdex fl-2019. Fix-xhur li ġejjin ser jibda ukoll ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa f’Raħal Ġdid kif ukoll ser tinħareġ sejħa għall-espressjoni sabiex jitnieda Ċentru Reġjonali ieħor fit-Tramuntana ta’ Malta. Barra minn hekk, ser inkomplu ukoll bix-xogħol ta’ immodernizzar tal-bereġ biex inwessgħulhom l-użu tagħhom fil-komunitajiet għall-benefiċċju tal-klijenti tagħna.

Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid – żamma fi stat tajjeb tal-pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jfisser x’arranġament qed jagħmel il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid biex jiġi żgurat li jsir il-manteniment kontinwu tal-pjazza l-ġdida ta’ Raħal Ġdid ħalli din tinżamm fl-aqwa stat li tista’ tinżamm fih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt sabiex l-informazzjoni tingabar.