Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali — Applikazzjonijiet għal speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali għall-introduzzjoni ta’ speed cameras fil-lokalitajiet tagħhom? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li għamlu din it-talba u għal kemm speed cameras talbu biex jiġu installati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Aġenzija Sapport – Ċentru ta’ Matul il-Jum — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiġi l-ispiża għal kull klijent li jattendi fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum immexxija mill-Aġenzija Sapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ispiża għal kull persuna b’diżabilità li tattendi ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport tammonta għal medja ta’ €72 kuljum.

Għabex – spiża għal kull resident

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm tiġi l-ispiża ta’ kull resident/a li jirrisjedi fl-Għabex li huwa xelter għall-vittmi tal-vjolenza domestika?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif elenkat hawn taħt: Għabex – Skont l- Accounts għas-sena 2019 Euro (€) Salarji 273,351 Dawl, Ilma, Kera u telefonija 89,229 Spejjeż mediċi 27 Sipiża għas-sigurtà 2,934 Tiswijiet u mantenzjoni fil-post 5,210 Ikel, assikurazzjoni, liċenzji u transport 21,351 Spiża Totali € 392,102 Bed Nights (għal 87 resident) 3,324 Cost per person per night (ppn) € 117.96

Aġenzija Appoġġ, Sapport u Sedqa – każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13369 u jindika kemm hemm każijiet pendenti fl-Aġenziji Appoġġ, Sapport u Sedqa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fejn jirrigwarda l-Aġenziji Appoġġ u Sedqa, l-FSWS se tippubblika dan it-tagħrif fir-Rapport Annwali tagħha għas-sena 2019 li se jkun ippubblikat f’Lulju 2020. L-informazzjoni mitluba għall-Aġenzija Sapport hija kif elenkat fit-tabella t’hawn taħt: Servizzi ta’ Matul il-Jum 160 Servizzi Residenzjali 294 Servizz ta’ Respite (ĦILA) 2 Servizzi fil-Komunità 91 każ pendenti jistennew li l-Bord jara l-każ tagħhom 42 każ approvat jistennew Servizz fil-Komunità 20 każ approvat jistennew Servizz ta’ Direct Payment 5 każijiet approvat jistennew Independent Community Living Servizz ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali 0 Servizz ta’ Ħidma Soċjali 145 People Assistance Schemes 50 STILC 123 ACTU 124 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni miġjuba fit-tabella t’hawn fuq, tista’ tkun qiegħda tirreferi għal numru ta’ klijenti li jkunu applikaw għal aktar minn servizz wieħed fl-istess ħin. Għaldaqstant, in-numri jistgħu ma jkunux qed jirreferu għal unique beneficiaries, hekk kif l-istess klijent jista’ applika għal numru ta’ servizzi, u għalhekk l-istess klijent ikun qiegħed fuq listi ta’ stennija differenti.

Kunsilli Lokali – użu mill-iskejjel tal-Istat għall-ġid tal-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li qed jagħmlu użu mill-iskejjel tal-Istat għall-ġid tal-komunità u jekk dan is-servizz huwiex qed jingħata mingħajr ħlas?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ċentri tas-Saħħa f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fejn huma mwaqqfa ċ-Ċentri tas-Saħħa f’Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm għaxar (10) Ċentri tas-Saħħa; disgħa (9) f'Malta u waħda (1) f'Għawdex. Dawn jinsabu fil-lokalitajiet tal-Furjana, Ħal-Qormi, il-Gżira, Raħal Gdid, Bormla, Ħal-Kirkop, il-Mosta, Birkirkara, ir-Rabat Malta u r-Rabat Għawdex.

Aġenzija Appoġġ, Sapport u Sedqa – każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13369 u jindika kemm hemm każijiet pendenti (u f’liema servizz) fl-Aġenżija Appoġġ, Sapport u Sedqa sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata waqt seduta oħra.

Social workers li jaħdmu fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm social workers jaħdmu fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali? Kemm sar assessjar minn dawn il-professjonisti ta’ persuni li talbu li jingħataw akkomodazzjoni?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li fi ħdan is-sezzjoni tas-Social Housing Unit fl-Awtorità tad-Djar, jagħtu s-servizz tagħhom żewg Social Workers li huma fuq kuntratt ta’ self mill-FSWS. Matul is-sena 2019 sar assesjar ta’ 384 każ.

Persuni li jagħmlu użu miċ-Ċentri tal-Familja fil-Komunità – talba għal servizz tal-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klijenti mill-1,200 persuna li qed jagħmlu użu miċ-Ċentri tal-Familja fil-Komunità li qed jitolbu s-servizz tal-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, minn tagħrif li ngħata mill-klienti li jiffrekwentaw iċ-Ċentri tal-Familja, 186 persuna għandhom xi tip t’applikazzjoni għal servizzi marbuta mal-akkomondazzjoni soċjali.

Aġenzija Sapport – Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie mwaqqaf iċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali għall-Aġenzija Sapport? Minn mindu ġie inawgurat dan il-post, x’taħriġ ingħataw il-professjonisti s’ issa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali tal-Aġenzija Sapport f’Santa Venera ġie inawgurat fis-27 ta’ Marzu 2017. Minn meta ġie inawgurat dan il-post, kien hemm numru kbir ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ u laqgħat li saru f’dan iċ-ċentru ta’ taħriġ, fosthom: 1. Workshops regolari għal ġenituri ta’ tfal b’diżabilità; 2. Workshops u gruppi ta’ sostenn regolari għal aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità; 3. Sessjonijiet regolari ta’ taħriġ għal professjonisti li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità bħala parti mill-proġett INK; 4. Sessjonijiet regolari ta’ taħriġ għal ġenituri ta’ persuni b’diżabilità bħala parti mill-proġett INK; 5. Sessjonijiet regolari ta’ taħriġ għal min iħaddem bħala parti mill-proġett INK; 6. Sessjonijiet regolari ta’ taħriġ għal persuni b’diżabilità bħala parti mill-proġett INK; 7. Konferenza u taħriġ dwar l-użu tal-lingwa tas-sinjali; 8. Sessjoni dwar l-awtiżmu lill-kandidati tal-Parlament Ewropew b’kollaborazzjoni mal- Office for Disability Issues (ODI) 9. Sessjonijiet ta’ taħriġ fuq bażi regolari fuq suġġetti varji lil professjonisti tal-Aġenzija Sapport fosthom: taħriġ dwar il-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data; taħriġ dwar l-użu tal-AEDs; taħriġ kontinwu lil impjegati ġodda tal-Aġenzija ( induction training ); taħriġ lill-professjonisti tal-Aġenzija dwar il-mezzi tax-xandir; taħriġ lill-professjonisti tal-Aġenzija dwar kif wieħed jirrappreżenta lill-Aġenzija; taħriġ fuq Mental Health First Aid ; taħriġ relatat ma’ NAPPI UK; taħriġ fuq proċeduri u prattiċi għall-impjegati tal-Aġenzija; taħriġ dwar Active Support; taħriġ lir-rappreżentanti tas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol; taħriġ lil Fire Wardens; taħriġ fuq vizzji; kors tal-Kitba bil-Malti; taħriġ dwar trobbija ( Parent Practice UK ); taħriġ dwar ideat sistematiċi relatati mad-diżabiltà; taħriġ dwar l- istandards tas-Servizzi Residenzjali; u taħriġ kontinwu lil senior support workers ġodda tal-Aġenzija.

Programm LEAP: Persuni vulnerabbli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13368 u ċjoè: Billi skont il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali kien hemm aktar minn 15,000 każ ta’ persuni vulnerabbli tul is-sena li għaddiet, jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm minn dawn il-persuni/familji li ngħataw l-għajnuna mill-Programm LEAP? X’tip ta’ għajnuna ngħataw dawn il-persuni? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-persuni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fir-Rapport Statistku Annwali tal-2019. Dan ir-rapport huwa ppublikat fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni, fil-link pprovduta hawn taħt: https://fsws.gov.mt/en/fsws/Pages/FSWS-Publications.aspx F’ din il-paġna, l-Onorevoli Interpellant jista’ jaċċessa ir-Rapporti Annwali sal-2018, kif ukoll Rapporti Statistiċi ta’ kull aġenzija, sal-2019. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar il-ħidma tal-LEAP, tista’ tinkiseb mir-Rapporti dwar l-ACTS, ( Agency for Therapeutic and Community Services ) li issa hija responsabbli wkoll mill-programm LEAP!

Aġenzija Sapport — Proġett REACH

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12216 u jgħid jekk bediex jiffunzjona l-Proġett REACH tal-Aġenzija Sapport? Fiex jikkonsisti dan il-proġett?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett REACH ġie mniedi f’Mejju 2019. Dan huwa proġett ko-finanzjat mill-UE u x-xogħol fuq il-proġett hu mifrux fuq medda ta’ 3 snin b’investiment ta’ €32 miljun. Il-proġett huwa mistenni li jibda jopera fl-2023. Il-proġett REACH huwa ddisinjat fuq il-kunċett ta’ Universal Design . Il-proġett għandu l-għan li joħloq ambjent li huwa kemm aċċessibli kif ukoll adattat għal persuni b’diżabilità fiżika u/jew intelletwali. Is-servizzi li ser ikun qed jinkorpora fih dan il-proġett, jinkludu: § Appartamenti fejn il-persuni b’diżabilità jkunu jirrisjedu, assistiti minn staff imħarreġ , sabiex inkomplu nippromovu l-idea ta’ Independent living, assisted living u supported living, fil-kommunita’, § Ċentru ta’ matul il-jum, § Pixxina, § Gym, § Servizz ta’ Respite, § Numru ta’ uffiċini fejn persuni b’diżabilità jingħataw taħriġ li jservi sabiex itejbu l-abbiltajiet tagħhom u l-possibilitajiet li jsibu mpjieg, § Pjazza bi spazji rikreattivi bħal ġonna, § Kafeterija, § Numru ta’ ħwienet li ser ikunu qed jimpjegaw ukoll persuni b’diżabilità, § U uffiċini ġodda tal-Aġenzija Sapport

Aġenzija Sapport – ħidma b’risq persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’ħidma wettqet l-Aġenzija Sapport matul is-sena l-oħra b’risq il-persuni b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant dwar attivitajiet li saru għall-beneficċċju tal-persuni b’di¿abilità fi ħdan l-Aġenzija Sapport matul il-perjodu msemmi: 1. Modernizzar ta’ numru ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum 2. Xogħol fuq Ċentru ta’ Matul il-Jum għal persuni b’diżabilità ġdid f’Baħar iċ-Ċagħaq 3. Xogħol fuq 2 residenzi oħra ġodda bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta, fiż-Żurrieq u l-Qrendi 4. Workshops u support groups varji għall-familjari ta’ persuni b’diżabilità 5. Ħidma għal xiri ta’ 15-il vann ġdid għall-u¿u fl-għoti ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità 6. Ħidma għal xiri ta’ Automated External Defibrillators għar-residenzi, ċentri u uffiċini kollha tal-Aġenzija Sapport 7. Tkompla l-proġett INK, kofinanzjat mill-UE, li jinkludi taħriġ u job placements għal persuni b’diżabilità, kif ukoll tqassim ta’ tablets għall-istess benefiċjarji tal-proġett 8. Tnedija ta’ REACH fin-Naxxar u ħidma ta’ skavar fis-sit tal-proġett 9. Iffirmar ta’ ftehim mal-Università ta’ Malta għal opportunitajiet ta’ placements ta’ studenti u kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Sapport u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà għal riċerka fis-settur tad-di¿abilità 10. Iffirmar ta’ ftehim mal-Assoċċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (Malta Employers Association) għal promozzjoni tas-servizzi u proġetti tal-Aġenzija Sapport ma’ min iħaddem. 11. Iffirmar ta’ ftehim ma’ SVP u bidu għall-proċess ta’ servizz ġdid Narċis. 12. Introduzzjoni tas-Sharing Lives f’Għawdex 13. Attivitajiet soċjali u edukattivi fi-Ċentri ta’ Matul il-Jum, residenzi u servizzi fil-komunità għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità 14. Ħidma mal-Ministeru għall- Edukazzjoni u x - Xogħol dwar trasferiment tal- (ACTU) li issa jaqa’ taħt l-operat tal-Aġenzija Sapport – dan hu servizz li għad irid jiġi mniedi 15. Ħidma mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Di¿abilità (CRPD) dwar trasferiment ta’ Sonia Tanti Independent Living Centre (STILC) li issa jaqa’ taħt l-operat tal-Aġenzija Sapport – dan hu servizz li għad irid jiġi mniedi. Dawn il-proġetti huma apparti proġetti u programmi li jitwettqu fil-ħidma tal-Aġenzija b’mod regolari direttament mal-klijenti tagħha bħal life skills, għajxien indipendenti, u active support. Numru ta’ persuni b’diżabilit à li bbenefikaw mis-servizzi tal-Aġenzija Sapport bejn Jannar u Diċembru 2019: 1. Madwar 700 persuna bbenefikat mis- Servizzi ta’ Ħidma Soċjali tal-Aġenzija Sapport. 2. 70 persuna b’diżabilità ibbenefikat mis- Servizzi Residenzjali tal-Aġenzija Sapport. 3. F’Diċembru 2019, 534 persuna b’diżabilità kienu reġistrati fiċ- Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport. 4. 373 persuna b’diżabilità ibbenefikat mis- Servizzi fil-Komunità tal-Aġenzija Sapport. 5. 112 persuna b’diżabilità ibbenefikat mis-Servizzi ta’ Sharing Lives tal-Aġenzija Sapport. 6. 89 persuna nieqsa mis-smiegħ ibbenefikat mis-Servizzi ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali tal-Aġenzija Sapport. 7. 181 persuna b’diżabilità ibbenefikat mis-servizz ta’ respite ĦILA , bi sħab mal-privat. 8. 101 persuna b’diżabilità ibbenefikat mill-proġett INK 9. 725 persuna b’diżabilità ibbenefikat mill- Empowerment Scheme , skema mmexxija mill-Aġenzija Sapport sabiex tipprovdi għajnuna finanzjarja lil persuni b’diżabilità sabiex jixtru apparat speċjalizzat u assistiv. 10. 78 persuna b’diżabilità ibbenefikat mill-iskema tal- Eżenzjoni mill-Ħlas tal-Liċenzja tat-Triq . 11. 24 persuna b’diżabilità ibbenefikat mill-iskema tal- Eżenzjoni mit-Taxxa tar-Registrazzjoni fuq Vettura . 12. 101 persuna b’diżabilità ibbenefikat mill-iskema tal-Eżenzjoni mill-Ħlas tal-Liċenzja tat-Triq. 13. 20 ġenitur ta’ tfal b’diżabilità attendew workshops u gruppi ta’ sostenn għall-ġenituri 14. 15 -il parteċipant attendew workshops u gruppi ta’ sostenn għall-aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità.

Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali – ilmenti dwar l-Aġenzija Appoġġ u Sapport

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali rċevew ilmenti dwar is-servizzi tal-Aġenzija Appoġġ u Sapport matul is-sena 2018 u s-sena l-oħra? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx solvuti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fl-2018 ma irċivietx ilmenti dwar l-Aġenzija Appoġġ filwaqt li irċiviet 2 ilmenti dwar l-Aġenzija Sapport. Wieħed mill-ilmenti dwar l-Aġenzija Sapport, kien dwar il-proċedura tal-amministrazzjoni tal-mediċina fejn l-Awtorità ħadet il-passi neċessarji sabiex isir it-tibdil meħtieġ fl-aħjar interess tal-klijenti. It-tieni lment fuq l-Aġenzija Sapport kien rigward sitwazzjoni partikolari fejn wara l-investigazzjoni neċessarja irri¿ulta li l-persuna li għamel l-ilment kellu nuqqas ta’ informazzjoni. Fl-2019, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, rċiviet 2 ilmenti dwar l-Aġenzija Appoġġ u 3 ilment dwar l-Aġenzija Sapport. L-ilmenti kollha kienu dwar nuqqasijiet fl-għoti tas-servizz fejn seta’ jsir titjieb fil-livell tal-kwalità. L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji sabiex isir it-titjieb meħtieġ fl-attivitajiet u fit-taħriġ lill-ħaddiema.

Sptar Mater Dei – pazjenti barranin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti barranin li ngħataw kura fl-Isptar Mater Dei fl-2018 u s-sena l-oħra? X’kienu r-raġunijiet prinċipali li dawn il-pazjenti barranin kellhom jiġu ammessi f’dan l-Isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tal-pazjenti barranin li ngħataw kura fl-Isptar Mater Dei fis-snin imsemmija tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Accident and Emergency 2018 18,866 2019 22,278 Ward Admissions 2018 4578 2019 5957 Outpatient Appointments 2018 50,837 2019 57,417

NSO — persuni illitterati f'Malta

Question

Mill-aħħar studju li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-illitteriżmu f’pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hawn nies illitterati? Kemm minnhom huma tal-età tal-iskola?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellan illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

IIP — Kontribuzzjonijiet lill- NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għotjiet ingħataw lill-Għaqdiet mhux Governattivi mill-Individual Investment Programme (IIP) kull sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Imwiet Traġiċi

Question

Jista’ d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni mietu traġikament is-sena l-oħra u x’kienet ir-raġuni tal-mewt tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni rikjesta minnu għadha qed tinġabar għalhekk għadha mhux disponibbli. Għadd ta 'ċertifikati tal-mewt għadhom proviżorji minħabba li għad trid tingħata l-informazzjoni tossikoloġika.

Programm LEAP: Persuni vulnerabbli

Question

Billi skont il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali kien hemm aktar minn 15,000 każ ta’ persuni vulnerabbli tul is-sena li għaddiet, jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm minn dawn il-persuni/familji li ngħataw l-għajnuna mill-Programm LEAP? X’tip ta’ għajnuna ngħataw dawn il-persuni? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-persuni?

Response (FALZON, MICHAEL)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.