Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-anzjani – ilmenti dwar nuqqas ta’ varjetà fl-għażla li tal-ikliet

Question

Jikkunsidra l-Ministru li tittieħed azzjoni minħabba li qed jaslu lmenti ħafna drabi ġustifikati minn mijiet ta’ anzjani li jgħixu kemm fi djar tal-anzjani tal-istat kif ukoll li mhumiex, minħabba n-nuqqas ta’ varjetà fl-għażla li jkollhom għall-ikliet tagħhom? Jistgħu l-fornituri privati tal-ikel jingħataw direttivi biex fejn huwa l-każ, il-menus jinbidlu aktar ta’ spiss biex tikber il-varjetà?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kemm-il kuntrattur li jipprovdi l-ikel fid-djal tal-Gvern kif ukoll il-kuntratturi li jipprovdu sodod lill-Gvern huma obbligati li joffru menu varjat skont l-istaġun u b'ciklu t'erba' ġimgħat. Kull menu għandu 3 għażliet u l-anzjani jidentifikaw l-għażla tagħhom minn qabel u skont il-bżonnijiet tagħhom. Anzjani bi bżonnijiet nutrittivi differenti jiġu pprovduti b'ikel addattat għalihom.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – sejħiet biex jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tas-sejħiet li t-Taqsima tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea għandha miftuħin bħalissa biex permezz ta’ Fondi Ewropej jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)?

Response (DALLI, HELENA)

Bħalissa hemm 4 sejħiet miftuħa li minnhom jistgħu jibbenefikaw kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju permezz ta’ fondi Ewropej. Dawn is-sejħiet jikkonċernaw l-oqsma tal- · Innovazzjoni; · Internationalisation ; · Konsulenza; · E-Commerce. Dawn l-iskemi huma amministrati permezz ta’ sistema ta’ open rolling calls u ġew imnedija fl-2016. Hu ppjanat li dawn is-sejħiet jibqgħu miftuħin sal-aħħar tal-2020.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – sejħiet biex jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-ġejjieni qrib isiru aktar sejħiet biex permezz ta’ Fondi Ewropej jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)? Tista’ l-Ministru tikkonferma wkoll li dawn il-kumpaniji li ħafna minnhom huma żgħar, qed jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex jiġu ggwidati dwar kif għandhom japplikaw għad-diversi skemi ta’ għajnuna għall-Fondi Ewropej?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li hemm il-pjan biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun imnedija it-Tieni Sejħa kompetittiva għall-applikazzjonijiet taħt l-iskemi SME Growth Grant Scheme u l-iStart-up Investment Grant Scheme, li huma żewġ Skemi ta’ assistenza fi ħdan l-inizjattiva Business Enhance ERDF Grant Schemes. Din l-iskema hija ko-finanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-Programm Operattiv I Politika ta’ Koeżjoni 2014 – 2020 ‘It-trawwim ta’ ekonomija kompetittiva u sostenibbli li tilqa’ l-isfidi tagħna’. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Measures and Support Division, fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza tipprovdi għajnuna u gwida lill-intrapriżi permezz ta’ helpdesk, laqgħat mal-intrapriżi interessati fuq bażi one-to-one kif ukoll permezz ta’ numru ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni li jiġu organizzati minn żmien għal żmien.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq - tindif

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’passi għandha ppjanati l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, (ERA) biex is-sit ta’ importanza ambjentali magħruf bħala l-Magħluq ta’ Wied il-Għajn jitnaddaf darba għal dejjem mill-ħmieġ li reġa’ nġemgħa fih u li huwa ta’ dannu għall-ambjent naturali tiegħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit tal-Magħluq ta’ Marsaskala qiegħed jiġi mnaddaf b’mod regolari mill-Cleansing Department, filwaqt li diversi xogħlijiet fuq it-tmexxija tas-sit huma ppjanati għal aktar tard fis-sena mill-Ministeru b’kollaborazzjoni mal-ERA u l-PARKs.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-Magħluq ta' Wied il-Għajn ikun imħares b'xi forma ta' organizzazzjoni dipartimentali permanenti li żżom il-post fl-aqwa stat possibbli tul is-sena kollha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit diġà ingħata status partikolari minħabba l-importanza ġeoloġika u naturali tiegħu. Filfatt is-sit huwa parti min-Natura 2000 network u l-ftehim fuq it-tmexxija tas-sit tal-Magħluq ta’ Marsaskala diġà qiegħed jiġi applikat mill-ERA u l-Ministeru tal-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u tibdil fil-Klima, b’kollaborazzjoni diretta tal-PARKS.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq

Question

Jikkunsidra l-Ministru li l-ħarsien taż-żona tal-Maqħluq ta’ Wied il-Għajn jingħata b'responsabbiltà lil xi NGO li b'fondi speċifiċi tal-Gvern iżżomm il-Magħluq fl-aqwa stat, fuq il-mudell ta' kif siti storiċi għaddew ukoll għand NGOs biex jieħdu ħsiebhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġeriment dwar it-tmexxija tas-sit tal-Magħluq ta’ Marsaskala diġà qiegħed jiġi kkunsidrat mill-ERA, kif ukoll mudelli oħra li wħud minnhom huma applikati f’siti oħrajn.
Leg 13 PQ #552 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Ministeru għas-Saħħa

Twassil tal-mediċini fid-djar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett dwar it-twassil tal-mediċini fid-djar tal-anzjani u morda li ma jkunux jistgħu jiġbru l-mediċini tagħhom mill-ispiżeriji? Hemm il-ħsieb li fil-ġejjini qrib, dan is-servizz jinfirex f’aktar bliet u rħula?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Mejju ta’ din is-sena l-proġett dwar it-twassil tal-mediċini fid-djar tal-anzjani u morda li ma jkunux jistgħu jiġbru l-mediċini tagħhom mill-ispiżeriji, ġie estiż ma’ Malta u Għawdex kollu biex b’hekk din l-iskema issa nfirxet fuq skala nazzjonali.

Stennija ta’ anzjani li jridu jidħlu fid-Djar tal-Anzjani

Question

Jistà l-Ministru jindika x'miżuri se jkompli jieħu fix-xhur u fis-snin li ġejjin biex tkompli tonqos il-lista ta' stennija għal dawk l-anzjani li jridu jidħlu fid-Djar tal-Anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fost il-miżuri li qegħdin nieħdu u ser inkomplu naħdmu fuqhom fix-xhur u s-snin li ġejjin, il-Ministeru flimkien mas-Segretarjat għad-Drittijiet ghall-Anzjani u Persuni b'Diżabilità u d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, ser ikompli jara li jissaħħaħ il-proċess ta' assesment u matching meta l-anzjan jiġi biex jidħol f'dar tal-anzjani, u dan sabiex niżguraw li jkun hemm użu aktar effettiv tas-sodod. Din il-ħidma qegħda ssir ma' sforzi oħra biex jissaħħu s-servizzi fil-komunità, bil-għan li kull persuna tingħata l-opportunità li tibqa' tgħix ġewwa darha kemm jista' jkun. Fl-aħħar nett qegħdin u ser inkomplu naħdmu biex jiżdied in-numru ta' sodod disponibbli għal dan is-settur.

Inċentiv għall-familji li jżommu l-anzjani fi djar tagħhom.

Question

Peress li huwa fatt magħruf li l-popolazzjoni Maltija aktar ma jmur, aktar qed tixjieħ, għandu ħsieb li l-Ministeru tiegħu jkompli jinċentiva aktar il-familji li jiddeċiedu li jżommu l-anzjani tagħhom fil-familji tagħhom, minflok ma jintbagħtu fid-Djar tal-Anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, l-Ministeru qiegħed jaħdem u għandu l-ħsieb li jkompli jaħdem biex jinċentiva aktar lill-familji biex iżommu lill-anzjani fil-familji tagħhom. Din il-ħidma qegħda tkun possibbli bis-saħħa tal-Istrateġija għall-Anzjanità Attiva, li l-Gvern ħadem fuqha fil-leġislatura li għaddiet u ser ikun qiegħed ikompli jara li jsegwi tul din il-leġislatura.

Persuni li jiddeċiedu li jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb l-anzjani — għajnuna mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni qed jibbenefikaw mill-għajnuna li qed jagħti l-gvern lill-persuni li jiddeċiedu li jibqgħu d-dar u ma joħorġux jaħdmu biex jieħdu ħsieb anzjani fid-dar? Il-gvern għandu indikazzjoni li dan in-numru qed jiżdied minħabba ż-żieda fil-benefiċċji li qed jagħti l-gvern lil dawn il-persuni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li. bil-miżura tal-Bagit 2017, saret riforma fil-Pensjoni tal-Wens u li issa ġiet sostitwita bl-Allowance Miżjuda għall-Carers. Il-pagament żdied minn €105.30 għal €140 fil-ġimgħa. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, matul ix-xahar ta' Ġunju 2017, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ħallas total ta' 272 benefiċjarju/a li minnhom kien hemm 69 beneficjarju/a li qabel kienu jieħdu l-Pensjoni tal-Wens. Dan ifisser li kien hemm żieda ta' 203-il każ ġdid bir-riforma li saret. Il-proċess tal-evalwazzjoni medika tal-applikazzjonijiet kollha li daħlu għadu għaddej u għalhekk hu mistenni li ż-żieda imsemmija fl-ammont ta' benefiċjarji tkun akbar.
Leg 13 PQ #544 Sitting 14 2017-07-05 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Ministeru għas-Saħħa

Koppji gay – konsultazzjoni dwar is-saħħa tal-partner

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt kellux rapporti kif ntqal f’din il-Kamra, li f’każijiet ta’ koppji gay, minflok ma jissejjaħ wieħed mill-partners, jissejħu qraba oħra għal konsultazzjoni dwar is-saħħa tal-partner l-ieħor? Ittiedu passi biex ikun żgurat li dan ma jiġrix?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-isptar Mater Dei jipprovdi servizz ġust għall-pazjenti kollha li jkunu jeħtieġu kura u ma joħloqx differenza bejn razza, kulur, reliġjon jew orjentazzjoni.

Proġett tal-Junction tal-Addolorata– pjani ta’ traffic management

Question

Minħabba li qed joqrob iż-żmien li jingħata bidu għall-proġett tant meħtieġ għan-naħa t’isfel ta’ Malta, dik tal-junction ta’ ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata, jista’ l-Ministru jikkonferma hux qed jitħejjew pjani serji ta’ traffic management biex jiffaċilitaw it-traffic flow għal waqt il-perjodu li fih ikun qed isir il-proġett biex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun mill-inqas, bħalma fil-fatt ġara fil-proġett tal-Kappara?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar

Proġett tal-Junction tal-Addolorata

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ kemm hu mistenni li jieħu żmien biex jitwettaq il-proġett tal-Junction tal-Addolorata minn meta jingħata bidu? Għall-proġett tal-Junction tal-Addolorata hemm il-ħsieb li jinġiebu strutturi maħdumin lesti minn barra minn Malta bħalma ġara fil-proġett tal-Junction tal-Kappara?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.