Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #11668 Sitting 268 2019-10-28 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Trakka tal-Karozzi u Muturi — sit

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma s-sit fejn ser issir it-trakka tal-karozzi u muturi li reġa’ wiegħed għal darb’oħra fid-diskors tal-baġit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li x-xogħol miexi b’ritmu mgħaġġel sabiex fi żmien qrib, inkunu f'pożizzjoni li nħabbru żviluppi konkreti. Konvint li l-Onor. interpellant jifhem li bħalma sar fil-każ tal-korsa taż-żwiemel, il-Gvern se jasal ukoll fuq din it-trakka tal-karozzi u d-dettalji jitħabbru meta jagħlaq il-proċess.
Leg 13 PQ #11627 Sitting 262 2019-10-24 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Strateġija nazzjonali tal-isport

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istrateġija nazzjonali tal-isport li ġiet imnedija ftit tax-xhur ilu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġie mniedi l-qafas tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport, komplew il-konsultazzjonijiet mal-għaqdiet sportivi abbażi tal-feedback li kien sar fuq l-istess qafas bi tħejjija għall-pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport f’Jannar 2020.

Awtoritajiet tal-Artijiet — lista ta' avviżi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' avviżi li ġew ippubblikati fil-gazzetti mill-Awtorità tal-Artijiet, inkluż il-ħlas ta' kull avviż u fuq liema ġurnal ġew ippubblikati minn Jannar 2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #11442 Sitting 253 2019-10-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skema għal traħħis ta' taxxa għall-isportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il plejer jew atleta professjonali qed jibbenefika mill-iskema ta' traħħis ta' taxxa ta' 7% għall-isportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #11443 Sitting 253 2019-10-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Finanzi

Skema għal traħħis ta' taxxa għall-isportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il plejer jew atleta professjonali qed jibbenefika mill-iskema ta' traħħis ta' taxxa ta' 7% għall-isportivi?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni ser tinghata f’seduta ohra.

Il-Fawwara — Kappella tal-Madonna tal-Karmnu – studju fuq il-ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jinkariga d-Direttorat tar-Restawr sabiex jagħmel studju fuq il-ħsarat fil-Kappella tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fawwara, li minkejja li hi proprjetà tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karità ta' San Pawl fil-Belt Valletta, wieħed ikun jista' jasal għal ftehim ta' għajnuna kofinanzjata mal-Knisja kif ġara f'każijiet simili?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ġa jeżistu rapporti fuq dan is-sit. Niġbed l-attenzjoni għad-diversi skemi li matul iż-żmien jinħarġu, fosthom l-iskema Restoration Works Scheme for Local Councils li tinħareġ minn dan il-Ministeru, li permezz tagħhom entitajiet differenti jistgħu jibbenefikaw minn fondi u/ jew proġetti ta’ restawr.

Ħal Qormi – Polyclinic – Lift li ma jaħdimx

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara għalfejn il-lift tal-polyclinic ta’ Ħal Qormi mhux jaħdem, u b’konsegwenza qed joħloq inkonvenjent għall-pazjenti u l-anzjani?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-lift taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi għandu aktar minn 20 sena, hemm il-plan illi jiġi nstallat lift ġdid. Sadanittant qed jingiebu spare parts sabiex il-lift preżenti jibqa operabbli.
Leg 13 PQ #11361 Sitting 250 2019-10-07 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

SportMalta – turġien biswit il-moll bejn Bormla u l-Belt

Question

Jista' l-Ministru jinkariga lil SportMalta sabiex tagħmel it-tiswijiet neċessarji u jinbnew mill-ġdid it-turġien li jinsabu biswit il-moll fejn torbot il-lanċa li topera bejn il-Belt u Bormla li jinsab ħdejn id-Dwana, u li jintuża mid-dilettanti tal-Valletta Regatta Club biex iniżżlu u jtellgħu d-dgħajjes mill-clubhouse tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-turġien biswit il-moll mhumiex responsabbiltà ta’ SportMalta, però se ninforma lill-Ministru responsabbli sabiex isegwi dan il-każ.

Skema ta’ fidi ta’ ċnus temporanji residenzjali

Question

B'referenza għall-istqarrija dwar skema ta’ fidi ta' ċnus temporanji residenzjali, jista' l-Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jniedi din l-iskema?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 10226, f’Seduta 228.

Awtorità tal-Artijiet – applikazzjonijiet għall-fidi ta’ ċnus temporanji residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il applikazzjoni għall-fidi ta' ċnus temporanji residenzjali taħt skemi passati għadhom ma ġewx ipproċessati mill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Artijiet, illi b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari Nu.10908, l-applikazzjonijiet għall-fidi ta’ ċnus temporanji taħt skemi passati li għadhom ma ġewx ipprocessati huma: Skema 2002 - 254 Skema 2012 - 560 Sadanittant infurmat li mill-iskema tal-2002; kienu proċessati 799 sa’ Marzu 2013, minn total ta’ 2057 applikazzjoni. Waqt li kienet proċessata 1 biss sa’ Marzu 2013, mill-iskema tal-2012 u li ghaliha applikaw 1397.

Is-Siġġiewi – Kappella Ta’ Ċwerra — ġebel

Question

B’referenza għar-rapporti li dehru llum fuq il-midja soċjali b’ritratti li juru biċċiet tal-ġebel li qed jaqa’ mill-kappella magħrufa bħala Ta’ Ċwerra fil-pjazza tas-Siġġiewi, jista’ l-Ministru jinkariga d-Dipartiment tar-Restawr biex isir restawr ta’ emerġenza biex jiġu evitati inċidenti simili oħra li jista’ jkollhom konsegwenzi koroh?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Direttorat tar-Restawr se jkun qed jispezzjona l-Kappella fil-ġranet li ġejjin bil-għan li jidentifika jekk hemmx elementi oħra ta’ periklu u fil-każ ineħħihom. Tajjeb li wieħed ifakkar li f’sitwazzjonijiet fejn bini potenzjalment jesebixxi elementi ta’ periklu, l-pubbliku għandu jdaħħal rapport fl-għassa tal-Pulizija tal-lokalità peress li hemm sistema stabilita li permezz tagħha jissejjaħ awtomatikament Perit biex jagħmel rapport tekniku. Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li r-reponsabilità li jiġi żgurat li bini ma jikkostitwix periklu lil terzi tibqa’ dejjem tas-sid tal-istess bini.
Leg 13 PQ #10796 Sitting 246 2019-07-08 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Pixxina Nazzjonali — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ittieħdet id-deċiżjoni minn SportMalta li titneħħa s-sħubija (membership) għall-pixxina nazzjonali li kienet tiswa’ €140 fis-sena, biex issa l-Maltin se jkollhom iħallsu għaxar darbiet iżjed biex imorru l-pixxina kuljum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhuwiex minnu li min juża l-pixxina ser ikollu jħallas għaxar darbiet iżjed. Anzi persuni li jużaw il-pixxina bejn is-13:00 u t-15:30 kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, iħallsu €50 fis-sena li huwa ferm irħas minn dak li kien jitħallas qabel. Infurmat ukoll li minħabba li l-pixxina laħqet in-numru massimu ta’ nies jużawha, il-management iddeċieda li kull min irid juża l-pixxina meta jkunu qed jagħmlu taħriġ klabbs tal-waterpolo, għawm, għawm sinkronizzat, programmi ta’ SportMalta u skejjel, dan iħallas €2 kull sessjoni, meta l-korsiji jkunu disponibbli. Persuni ‘l fuq minn 60 sena jibqgħu jidħlu b’xejn.
Leg 13 PQ #9758 Sitting 213 2019-04-01 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Malta Racing Club — generator

Question

B'referenza għall-inkjesta dwar il-Malta Racing Club tas-27 ta' Awwissu 2014, f'paġna 24 jingħad li "In case of a power failure on the national grid the generator on the Club's premises kicks in 30 seconds after black out." - il-Ministru huwa konxju li dan mhux il-każ, u li minflok, id-dwal iridu jinxtegħlu manwalment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill huwa konxju ta' dan għall-fatt li minn meta ġie installat u inawgurat id-dawl, fit-22 ta' Frar 2003, dan dejjem kien mixgħul manwalment.
Leg 13 PQ #9759 Sitting 213 2019-04-01 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Malta Racing Club – persuni eletti fil-kumitat

Question

B'referenza għall-istatut tal-Malta Racing Club (MRC) fejn jingħad li f'Diċembru ta' kull sena għandha ssir elezzjoni bejn is-sidien taż-żwiemel, jista' l-Ministru jgħid min kienu s-sidien li ġew eletti fl-elezzjoni ta' Diċembru 2018 sabiex jagħmlu parti mill-Kumitat tal-MRC?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-istatut ma jindika l-ebda xahar li fih għandha ssir l-elezzjoni però l-Kunsill qed jippjana li din l-elezzjoni ssir sal-aħħar ta' dan ix-xahar.
Leg 13 PQ #9760 Sitting 213 2019-04-01 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa – wiċċ ġdid tal-korsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-kunsill responsabbli mill-Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa meta beħsiebu jagħti wiċċ ġdid ta' ramel lill-korsa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li r-ramel ġie mixtri xi ġimgħat ilu minn barra minn Malta u dan mistenni jkun mogħti skont ix-xewqa tas-sidien.

Ħal Qormi – Triq il-Kanun – Wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta biħsiebha Infrastructure Malta tagħti wiċċ ġdid lit-Triq il-Kanun f'Ħal Qormi peress li tinsab fi stat ħażin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet ta’ Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, f’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Fi Frar tħabbret lista ta’ 170 triq oħra li wkoll se jibdew jinbnew mill-ġdid din is-sena, u t-triq indikata hija inkluża f’din il-lista. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ asfaltar biex it-triq tingħata wiċċ ġdid. Il-bini mill-ġdid ta’ kull triq jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn. Bħala parti mill-proġett, Infrastructure Malta qiegħda tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-bżonn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq. Fil-fatt, ix-xogħlijiet fl-ewwel 31 triq li nbdew jinkludu t-tqegħid ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma, cables tal-elettriku u trinek għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.
Leg 13 PQ #9423 Sitting 208 2019-03-18 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ħal Luqa – stallazzjoni ta’ pixxina fl-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra l-installazzjoni ta’ pixxina fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Luqa, bħal mudell li hemm fis-seħħ fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi? Jista’ jikkunsidra jadotta l-mudell tal-pixxina li hemm fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, għal skejjel oħra madwar Malta u Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li min-naħa tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) hemm il-konferma kemm tal-Prinċipal tal-Kulleġġ kif ukoll tal-Kap tal-Iskola li talba bħal din qatt ma saret f’dawn il-livelli. Din hija skola fejn l-ispazju huwa wieħed limitat għal proġetti bħal dawn. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-mument m’hemmx dan il-ħsieb.
Leg 13 PQ #9339 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Strateġija nazzjonali għall-isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija titnieda l-istrateġija nazzjonali għall-isport filwaqt li jispjega l-proċedura kif ser tkun qed titfassal?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għall-istrateġija nazzjonali għall-isport u l-attività fiżika għall-għaxar snin li ġejjin twaqqfet fil-bidu ta' Novembru li għadda. Mill-ewwel beda xogħol mal-Kumitat Olimpiku Malti li huma parti integrali minn din l-istrateġija, kif ukoll bdiet diskussjoni interna fuq d-dokument 'politika nazzjonali għall-isport' li ħareġ għall-konsultazzjoni f'Diċembru 2016 u li qed iservi bħala bażi għat-tfassil tal-istrateġija l-ġdida. Minn Diċembru bdew isiru laqgħat regolari ma' entitajiet differenti relatati mas-suġġett li qed jingħataw l-opportunità jagħmlu l-proposti tagħhom. Bħalissa wkoll għaddej studju fuq l-attività fiżika f'Malta, studju mal-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet reġistrati ma’ SportMalta, kif ukoll Economic Impact Assessment għall-isport għas-sena 2018. Il-kummissjoni qed tiltaqa' regolari fejn beda t-tfassil tal-ewwel draft tal-istrateġija li ser tkun qed titnieda f'Ġunju li ġej.

Għar Lapsi — parati ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9087, b'rabta mal-installazzjoni ta' parati ġodda f'Għar Lapsi, jista' l-Ministru jgħid taħt liema Ministeru taqa' din ir-responsabbiltà?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16985 tat-12-il Leġiżlatura. Għalhekk fil-każ speċifiku huwa l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li huwa responsabbli għat-tibdil tal-parati ta’ din l-islipway li hija ta’ aċċess pubbliku.

Is-Siġġiewi – Triq Nikol Azzopardi – bini tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif fl-istqarrija tiegħu tat-Tnejn 18 ta' Frar ma ssemmiex il-bini mill-ġdid ta' Triq Nikol Azzopardi fis-Siġġiewi, minkejja li fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 8569 kien wieġeb li din hija inkluża fil-lista ta' toroq ġodda għal din is-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Onorevoli Callus qed iħawwad iż-żewġ listi ta’ toroq li ħabbarna u li diġa bdejna nibnu mill-ġdid uħud minnhom. Naturalment, dawk it-toroq li hemm f’lista, ma jistgħu jissemmew f’lista oħra, sakemm l-Onorevoli Callus mhux qed jitlob li xi triq issir darbtejn. Fit-tweġiba għall-mistoqsija 8569, ikkonfermajt li t-triq indikata hija waħda minn dawk li se jkunu qed isiru din is-sena bħala parti mill-ewwel kuntratt għall-bini mill-ġdid ta’ 120 triq li permezz tiegħu il-Gvern qed jibda l-investiment bla preċedent ta’ €700 miljun għal toroq aħjar f’pajjiżna. Fil-fatt, kont għidt hekk: “It-triq indikata hija fost il-120 li tħabbru pubblikament fix-xhur li għaddew, u li ser jinbnew din is-sena. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid din is-sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.” Fl-istqarrija ta’ nhar it-Tnejn 18 ta’ Frar, li qed issir referenza għaliha hawnhekk, ma erġajtx irrepetejt il-lista ta’ 120 triq li konna diġà ħabbarna s-sena li għaddiet u li bdejna nibnu mill-ġdid f’Jannar. L-Onor. Callus għandu jinnota li nhar it-Tnejn 18 ta’ Frar jien ħabbart lista ta’ 170 triq oħra li se jinbnew mill-ġdid fix-xhur li ġejjin. Toroq li diġa jinsabu fl-ewwel kuntratt ta’ 120 triq li bdejna nwettqu m’għandhomx ikunu fit-tieni lista ta’ 170 triq li għaliha ħriġna sejħa għall-offerti fit-18 ta’ Frar.