Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn jingħata resource drink (Clinutreen) li huwa sugar-based, fil-formularju mill-POYC lil min mhux dijabetiku filwaqt li min hu dijabetiku u dan ma jistax jieħdu, mhemmx għażla mill-POYC? Jista' l-Ministru jikkommetti li jindirizza din l-anomalija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċini u mediċinali jitpoġġew fuq il-formolarju tal-Gvern skont pariri tekniċi u kliniċi li jingħataw mill-kumitat GFLEC.
Servizz tat-trasport pubbliku — magni mixgħula sakemm jistennew il-passiġieri
Question
Jista’ l-Ministru jagħti struzzjoni lill-operatur tat-trasport pubbliku sabiex ix-xufiera fil-bidu tar-ronda fil-Pjazza tas-Siġġiewi, ma jħallux il-magna mixgħula sakemm jistennew il-passiġġieri, speċjalment fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu u filgħaxija minħabba l-ħsejjes u inkonvenjent bla bżonn lis-Siġġiwin li joqogħdu fid-djar tal-madwar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li qedgħin isiru spezzjonijiet mis-sezzjoni tal-Infurzar ta’ Transport Malta ġewwa l-Pjazza San Nikola, is-Siġġiewi sabiex jieħdu azzjoni kemm il-darba jinstab li x-xufier jkun ħalla il-karozza tal-linja mixgħula sakemm jkun il-ħin li toħroġ bil-vjaġġ tagħha.
B’referenza għall-aħbar fil-ġurnal The Times of Malta, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm qed jitħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għall-konsulenza b’rabta mal-irkupru ekonomiku wara l-COVID-19?
Response (ABELA, ROBERT)
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat m'għandu ebda konsulenza, u ma qed jitħallas xejn. Hu qed iwettaq biss ħidma bħala Deputat Parlamentari tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Preventive Action Plan and Emergency Plan li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mis-Security of Gas Supply Regulation?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara għalfejn l-ġenituri għadhom ma jistgħux isemmu t-tfal tagħom b'ismijiet li fihom ittri Maltin, hekk kif qed ikunu infurmati mir-Reġistru Pubbliku, meta kien deher artiklu fil-mezzi soċjali li dan kellu jkun possibbli mill-2017?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Identity Malta u l-MITA komplew jaħdmu fuq soluzzjoni biex fil-ġimgħat li ġejjin l-użu tat-tipa Maltija ikun possibbli meta tirreġistra jew tagħmel korrezzjoni għall-isem f’dan ir-rigward. Is-sistema l-ġdida tal-IT tar-Reġistru Pubbliku diġà tippermetti l-użu tat-tipa Maltija iżda ma stajniex nibdew noffru dan is-servizz mal-ewwel għaliex hemm sistemi oħra fis-servizz pubbliku li jirrikorru għal din id-data u li mhumiex kompattibbli jew li ma jaċċettawx il-karattri tat-tipa Maltija. Għalhekk qed issir ħidma kollettiva biex dawn is-sistemi, li ilhom hemm is-snin u li oriġinarjament ma ġewx iddiżinjati għal din il-faċilià, ikunu jistgħu jilqgħu għal dan it-tibdil u b’hekk inkunu nistgħu nibdew noffru dan is-servizz minn l-aktar fis possibbli.
F’abbozz ta’ emendi għall-liġijiet li ħejjejna u li se nkunu qed inresqu daqt se nagħmluha possibbli biex f’dawk il-każijiet fejn hu meħtieġ li jsir dan it-tip ta’ korrezzjonijiet minuri għall-isem, isiru bl-inqas mod burokratiku b’sempliċiment talba lid-direttur tar-Reġistru Pubbliku u mingħajr il-bżonn li l-applikant jagħmel rikors fil-Qorti.
Persentaġġ tal-Enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa – penali
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet il-penali li pajjiżna ħallas minħabba li ma rnexxilux jilħaq il-mira tal-persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa, u meta tħallsu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri tad-Direttivi Ewropej huma stabbiliti għas-sena kurrenti (2020) u għalhekk jekk pajjiżna jilħaqx dawn il-miri jew le ikun stabbilit wara li tgħaddi din is-sena.
Persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa – ħlas mill-Istati Membri
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kull meta jsir il-ħlas mill-Istati Membri li ma jkunux rnexxilhom jilħqu l-persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-evalwazzjoni tal-Kummisjoni Ewropeja dwar il-livell ta’ enerġija rinovabbli milħuq mill-Istati Membri isir wara l-għeluq tas-sena kurrenti, 2020.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra, x’kien il-persentaġġ li Malta naqset milli tilħaq fil-mument li weħlet il-penali għax naqset milli tilħaq il-miri stabbiliti tal-enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri tal-Unjoni Ewropea għall-enerġija rinovabli huma stabiliti għas-sena 2020. Mill-informazzjoni li għandna turi li Malta ser tilħaq dawn il-miri sal-aħħar ta’ din is-sena bl-użu tal-faċilitajiet li jippermettu d-Direttivi Ewropej, u għalhekk pajjiżna m’għandu jeħel l-ebda penali mingħand l-Unjoni Ewropea.
Air Malta — ħaddiema li jaħdmu fis-sezzjoni tar-rampa u taċ-Check-In
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fis-sezzjoni tar-rampa u taċ-check-in tal-Air Malta, u jekk humiex ingaġġati mal-Air Malta jew mal-Gvern? Jista' jgħid jekk humiex se jitkeċċew xi ħaddiema mill-Air Malta li jaħdmu fir-rampa u jew iċ-check-in? Jista' jgħid jekk il-ħaddiema tal-Air Malta li qegħdin fis-sezzjoni tar-rampa jew taċ-check-in u li esprimew li jmorru jaħdmu f'Dipartimenti/Aġenziji/Awtoritajiet tal-Gvern, hux qed ikollhom it-talba tagħhom aċċettata, jew saħansitra nkoraġġiti li jkunu rilokati f'Dipartimenti jew Awtoritajiet oħra tal-Gvern?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta hija entità kummerċjali, din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Ħlas tal-kontijiet tad-dawl u ilma – eżenzjoni ta’ penali għall-anzjani vulnerabbli
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-pagamenti tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ta' dawk l-anzjani li huma vulnerabbli għax għandhom iktar minn 65 sena, u li m’għandhomx il-faċilità li jħallsuhom online, humiex se jiġu eżentati minn penali jew interessi jekk iħallsu l-kontijiet tagħhom meta jingħataw il-permess li jerġgħu jibdew joħorġu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS għandha sistemi differenti ta’ ħlasijiet mingħajr il-bżonn li l-konsumatur imur personalment l-uffiċini tagħha. L-ARMS qed tesplora wkoll il-possibiltajiet kollha kif f’dawn iż-żminijiet diffiċli tkun tista’ tgħin lill-konsumatur. Min ikollu xi diffikulta jista’ jagħmel kuntatt mal-customer care permezz tal-freefone 8007 2222 jew tintbagħat e-mail fuq customercare@arms.com.mt
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ Facility Managers li huma responsabbli mill-kumplessi sportivi madwar Malta, meta ġew appuntati, jekk ħarġitx call interna, u jekk hux kollha qegħdin fuq l-istess skala ta’ paga?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li t-tagħrif dwar Facility Managers tal-kumplessi sportivi ta’ SportMalta huwa kif ġej:
Cottonera Sport Complex – persuna trasferit bħala Facility Manager mit-28 ta` Frar 2013
Kirkop Sport Complex – appuntat b’sejħa interna mit-12 ta` Ġunju 2018
Marsa Sport Complex – appuntat b’sejħa interna mit-12 ta` Ġunju 2018
National Pool Complex – appuntat b’sejħa interna mit-18 ta` April 2017
Dawn il-Facility Managers kollha qegħdin fl-istess grad skont Direttiva 7 bħala Managers ma’ SportMalta.
Ta` Kandja Shooting Facility – persuna qiegħed jagħmel xogħol ta` Acting Facility Manager mill-1 ta` Ġunju 2018 sakemm toħroġ sejħa interna. Is-salarju għadu dak l-istess ta` Grad 1 fil-collective agreement ta` SportMalta.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-għajnuna finanzjarja li ngħatat direttament (mhux tramite l-MFA) lill-Clubs tal-Football inkluż dawk amateur matul is-snin 2018 u 2019?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ assistenza mgħoddija direttament lill-klabbs tal-futbol fl-2018 u 2019 hi kif ġej:
2018 – Ewro 702,113.57
2019 – Ewro 570,503.68
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm reġistrazzjonijiet ta’ tfal u adulti li rreġistraw għall-programmi ta’ SportMalta matul is-snin 2016/2017, 2017/2018 u 2018/2019 u kemm minn dawn baqgħu jattendu għas-sessjonijiet sal-aħħar (retention rate) tal-programmi ta’ dik is-sena partikolari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt:
Programm
Reġistrazzjonijiet
Waqfu
Baqgħu jattendu sal-aħħar
Summer on the move 2016
4,633
32
4,601
Academies 2016
238
8
230
On the move 2016/2017
5,525
10
5,515
Summer on the move 2017
5,230
3
5,227
Academies 2017
279
14
265
On the move 2017/2018
5,934
24
5,910
Summer on the move 2018
5,645
39
5,606
Academies 2018
288
7
281
On the move 2018/2019
5,844
37
5,807
Summer on the move 2019
5,108
32
5,076
Academies 2019
271
6
265
On the move 2019/2020
6,051
61
5,990
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti li ġew sottomessi lill-uffiċċju tiegħu wara li għaddiet il-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, u f’liema fażi waslu? Jista’ jgħid kemm-il proġett ġie approvat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kummissjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi rċeviet 12-il applikazzjoni minn dawn l-għaqdiet sportivi:
Sliema Wanderers FC, Vittoriosa Stars FC, Santa Luċija FC, Pembroke Athleta FC, Sirens FC, Floriana FC, Gudja United FC, Valletta Waterpolo Club, Marsaxlokk FC, Msida St. Joseph FC u Mosta FC.
L-applikazzjonijiet kollha qegħdin fil-fażi ta’ evalwazzjoni.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamenari 13457 fejn ġie kkonfermat li sar audit dwar l-operat tal-Gozo Sports Board, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet kollha u jgħid x'kien l-eżitu ta' dan l-audit u x'irregolaritajiet instabu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 13457.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ ħaddiema li qegħdin jaħdmu ma’ SportMalta u li huma seconded minn Dipartimenti u entitajiet pubbliċi oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li hemm 35 persuna detailed u li qegħdin jaħdmu ma’ SportMalta. Il-grad jew pożizzjoni tagħhom hija kif ġej:
CEO
Director Finance
Director Regulatory Affairs
Head of Programmes
Facility Manager – 2 persuni
Senior Administrative Officer
Administrative Officer
Executive Officer
Senior Clerk/Clerk II – 2 persuni
SPU – 9 persuni (inklużi 1 Għawdex, 1 Waterpolo/Swimming Coordinator, 1 Handball Association, 1 CEO Office u 1 Procurement)
Senior Tradesman – 8 persuni
Messenger Driver
Sport Attendant
Maintenance Officer
Groundsman
General Hand
Operative
Watchman
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema kariga, paga u skala kien impjegat l-eks uffiċjal tal-GWU li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi ħdan SportMalta? Jista’ jgħid ukoll meta spiċċa mill-impjieg, għaliex u min hija l-persuna li issa se tassumi r-rwol li kellu fi ħdan SportMalta?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament kienet ingaġġata fil-kariga ta` konsulent b’remunerazzjoni ta` €60,000 fis-sena. L-ingaġġ ġie fi tmiemu fis-16 ta` Awwissu 2019.
Kumpless Sportiv tal-Cottonera – xogħlijiet fuq il-pixxina indoor
Question
Jista’ l-Ministru jagħti update tax-xogħlijiet li qed isiru fuq il-pixxina indoor fl-eks bocce dromo fil-Kumpless Sportiv tal-Cottonera?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li wara li tlestew l-ewwel żewġ fażijiet, ħareġ it-tender tat-tielet fażi li però l-evaluation board skwalifika kull offerta. It-tender ser jerġa’ joħroġ fil-jiem li ġejjin.
Assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi – assistenzi finanzjarji
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-assistenza finanzjarji kollha li ngħataw lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi matul is-snin 2018 u 2019? Kemm hu stmat li se jingħataw assistenza matul is-sena 2020?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.