Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ reati mwettqa fuq turisti f’Malta matul dawn l-aħħar għaxar snin maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jistax jinġabar. Is-sistema tal-Pulizija fiha t-tagħrif dwar Maltin u barranin vittmi ta’ reati, izda mhux reati fejn il-vittmi kienu turisti.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-policy/prassi applikata minn Infrustructure Malta meta jkun qed isir xogħol ta’ toroq u jkun hemm il-bżonn li jsir ilqugħ (catchment grills) sabiex jinġabar l-ilma tax-xita ħalli jimtlew bjar fl-għelieqi? Jista' jgħid dawn l-ilqugħ jitħallsux minn fondi pubbliċi bħala parti mill-proġett jew inkella Infrustructure Malta titlobx lil persuna li tkun ser tibbenefika mill-ilma miġbur sabiex iħallsu huma?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fejn ikun possibli, Infrastructure Malta tinkorpora dawn it-tipi ta’ faċilitajiet fix-xogħol tagħha biex issostni s-settur agrikolu fil-pajjiż.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-annual audited statements għal kull sena mit-twaqqif ta' Projects Malta (issa Malta Strategic Partnership Projects) kif ukoll l-annual reports ta' xogħolhom?
Response (ABELA, ROBERT)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ artijiet li huma proprjetà tal-Gvern Libjan jew aġenziji statali tal-Gvern Libjan f’Malta? Jista’ jikkonferma jekk għadx hemm artijiet li huma proprjetajiet tal-People’s Broadcasting Corporation Tripoli, bħal pereżempju l-art f’Tas-Salib, ir-Rabat? Jista’ jikkonferma min hu l-proprjetarju ta’ St Mark’s House l-Furjana u minn fejn hi bbażata l-LAMHCO?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li ssemmew waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet meta tħabbar il-proġett kif mibdul tal-Imsida, speċifikament dak dwar l-għargħar li kkonferma li sar il-Kap Eżekuttiv? Jista’ jpoġġi wkoll studji oħra li saru wara li kien tħabbar il-proġett oriġinali u li fuqhom ġew ibbażati l-pjanti l-ġodda? Jista’ jagħti dettalji ta’ min għamel l-istudju tal-proġett tal-għargħar tal-Imsida u jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 3324.
Is-Siġġiewi – restawr ta’ emerġenza fuq ħitan ta’ barra tal-Kappella Ta’ Ċwerra
Question
Jista' l-Ministru jagħti direzzjoni biex isir restawr ta' emerġenza fil-ħitan ta' barra tal-Kappella magħrufa bħala Ta' Ċwerra li tinsab fil-pjazza tas-Siġġiewi hekk kif jidhru ġebel li jistgħu jaqgħu taħt bankijiet fejn ikunu bilqiegħda n-nies?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Is-Siġġiewi – restawr ta’ emerġenza fuq ħitan ta’ barra tal-Kappella Ta’ Ċwerra
Question
Jista' l-Ministru jagħti direzzjoni biex isir restawr ta' emerġenza fil-ħitan ta' barra tal-Kappella magħrufa bħala Ta' Ċwerra li tinsab fil-pjazza tas-Siġġiewi hekk kif jidhru ġebel li jistgħu jaqgħu taħt bankijiet fejn ikunu bilqiegħda n-nies?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Direttorat tar-Restawr li l-Kappella ta’ Ċwerra fis-Siġġiewi mhijiex proprjetà pubblika. Madankollu se tkun qed issir spezzjoni tal-allegata ħsara biex tkun tista’ tittieħed azzjoni li titqies meħtieġa fiċ-ċirkostanzi, skont il-qafas legali li jirregola sitwazzjonijiet simili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fih metri kwadri l-post li ġie mikri lill-Malta Business Registry u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relattiv ta' kera?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 23250 fis seduta tat-22.11.21.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu vvotati flus u kemm intefqu mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) fuq Route Development għal kull sena bejn l-2015 u l-2022?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Annual Reports and Financial Statements kif ukoll għall-Financial Estimates tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
MTA – kumpaniji li bbenefikaw minn flus ivvotati għal route development
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kumpaniji li bbenefikaw minn flus ivvotati għal route development mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) għal kull sena bejn l-2015 u l-2022?
MTA — benefiċċji minn flus pubbliċi relati ma’ route development
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhu l-proċess involut biex kumpanija tkun tista’ tibbenefika minn flus pubbliċi relatati ma’ Route Development? Xi proċeduri amministrattivi huma involuti, min jieħu d-deċiżjoni finali u kif l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) tasal għal deċiżjoni bħal din?
Bajja ta' Lapsi — installazzjoni ta' lift fin-niżla
Question
Jista' l-Ministru jikkonsidra l-istallazzjoni ta' lift fin-niżla għall-bajja ta' Lapsi għall-persuna b'nuqqas ta' mobilità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Il-bajja hija responsabbiltà tal-Kunsill Lokali u fil-każ li l-kunsill iressaq talba biex tali proġett jiġi esplorat, it-talba tiġi kkunsidrata mal-kunsill u l-entitajiet kollha involuti.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista kompluta tal-persuni li ngħataw il-Warrant ta' Inġinier mill-Bord tal-Inġinerija fi ħdan il-Ministeru tiegħu mniżżla b'mod konsekuttiv minn numru wieħed 'il quddiem f'ordni axxendenti skont in-numru tal-warrant? Jista’ jagħti s-sena li fiha kull persuna ngħatat il-warrant?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern kull sena u dan ai termini tal-Kap. 321 tal-Liġijiet ta’Malta.
Wasteserv – Bini tal-Impjant Multi Material Recovery Facility
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement għall-fondi Ewropej li l-Wasterserv daħlet għalih b'rabta mal-bini tal-impjant Multi Material Recovery Facility f'Ħal Far?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement.
Jista’ l-Ministru jagħti data definittiva meta se jitlestew il-proġetti prinċipali ta’ dawn it-toroq:
a. Il-Flyover tal-Airport;
b. Il-Flyover ta’ Ħal Luqa; u
L-Imrieħel Underpass?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mrieħel Underpass Project għandu jitlesta sa tmiem din is-sena. Infrastructure Malta ppjanat dan il-proġett biex ittejjeb l-impatti poħittivi ta’ Central Link Project f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Il-mina ġdida tal-Imrieħel, li nfetħet bħal-lum ġimgħa, tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Din il-mina se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida flok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, l-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), ser jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.
Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) u Luqa Junction Project, li qed jinbnew biswit xulxin, huma l-ikbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali. Kif kien ippjanat l-ewwel korsiji ta’ KTAIP, b’konnessjoni aħjar minn Ħal Far lejn ir-roundabout tal-Ajruport, infetħu fl-ewwel nofs tas-sena u bħalissa qed jinbnew il-mina ħdejn l-ajruport u ż-żewġ flyovers. Rotot oħrajn ġodda li jagħmlu parti mill-proġetti se jinfetħu fix-xhur li ġejjin. Dawn iż-żewġ proġetti huwa mmirat li jitlestew sa nofs is-sena d-dieħla u flimkien ser inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta b’aktar minn 70%, li jfisser ukoll tnaqqis kbir fit-tniġġis tal-arja u l-istorbju mill-konġestjoni.
Siġġiewi – niżla ta’ Sa Meżun f''Lapsi – manutenzjoni fuq il-parati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti struzzjoni sabiex Transport Malta tagħmel il-manutenzjoni fuq il-parati li jinsabu fin-niżla ta’ Sa Meżun f'Lapsi, is-Siġġiewi b'numru minnhom neqsin bl-inkonvenjent li dan qed joħloq lis-sajjieda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta fl-aħħar xhur biddlet diversi parati fiż-żona msemmija u kontinwament tagħmel spezzjonijiet u manutenzjoni biex fejn hemm neqsin jew imkissra jitbiddlu immedjatament. Ser naraw li fejn hemm parati mkissrin jew neqsin jerġgħu jiġu mibdula.
Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi – studji minn Infrastructure Malta dwar tibdil li se jsir fil-junction
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2103 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru minn Infrastructure Malta sabiex waslet għall-għażla tagħha għat-tibdil li se jsir fil-junction ta’ Ħaż-Żebbuġ-Siġġiewi? Jista’ jgħid ma’ min ikkonsultat Infrastructure Malta sabiex waslet għall-għażla tal-junction Ħaż-Żebbuġ-Siġġiewi? Jista’ jippubblika l-konsultazzjonijiet li saru?
Response (FARRUGIA, AARON)
Infrastructure Malta għamlet titjib fil-junction ta’ bejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, fi Triq l-Imdina, sabiex ittaffi d-diffikultajiet ta’ konġestjoni u tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti f’din ir-rotta ewlenija ta’ pajjizna.
Ir-residenti Siġġiwin kien ilhom snin twal jappellaw lill-awtoritajiet sabiex jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw kull filgħodu biex joħorġu mil-lokalità tagħhom u filgħaxija biex jidħlu lura. Matul is-snin, il-konġestjoni f’din il-junction bejn Triq l-Imdina u Triq is-Siġġiewi kompliet tiżdied, tant li kienu qed jintlaqtu ħażin ukoll żoni oħrajn matul ir-rotta ewlenija ta’ Triq l-Imdina, li twassal mill-qalba ta’ Ħal Qormi sa Ħaż-Żebbuġ u tibqa’ sejra sa taħt it-Telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat. Il-konġestjoni kull filgħodu u filgħaxija twassal għal żieda fit-tniġġis tal-arja fl-inħawi residenzjali u postijiet tax-xogħol f’dawn il-lokalitajiet ukoll.
Permezz ta’ dan il-proġett, Infrastructure Malta neħħiet ir-roundabout li kien hemm u minflokha ħolqot korsiji diretti li jgħaqqdu r-rotot differenti li jaqsmu kontra xulxin f’dan is-salib it-toroq. Dawn il-korsiji se jagħmluha aktar faċli li tgħaddi mill-junction biex taqsam minn triq għal oħra, fid-direzzjonijiet bejn Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi u Ħal Qormi, hekk kif il-medja tal-ħin tal-ivvjaġġar f’din iż-żona mistennija tonqos b’madwar 30 fil-mija.
Sabiex tagħmel dawn il-korsiji diretti, l-aġenzija għamlet l-aħjar użu tal-ispazju ta’ din it-triq biex fetħet għadd ta’ korsiji ġodda. Fil-fatt, parti minn Triq l-Imdina biswit l-istess junction issa għandha żewġ korsiji ġodda billi twessgħet għal tliet korsiji f’kull direzzjoni. B’hekk, filwaqt li dawk li jkunu jridu jduru mis-Siġġiewi lejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ, jew bil-kontra, jistgħu jużaw il-korsiji diretti, dawk li jkunu qed jaqsmu minn Ħaż-Żebbuġ lejn Ħal Qormi, jew bil-kontra, għandhom zewġ korsiji tista’ tgħid iddedikati għalihom biss.
Filwaqt li qabel bir-roundabout kellek madwar ħames rotot differenti li jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout, bid-disinn ġdid, Infrastructure Malta naqqset dawn il-qasmiet għal waħda biss, li hija l-uniku konnessjoni kkontrollata b’sistema ta’ dwal tat-traffiku (traffic lights). Din is-sistema tista’ tiġi kkontrollata minn Transport Malta b’mod li dejjem tagħti prijorità lill-konnessjoni li l-aktar li tkun qed tintuża, sabiex tkompli tnaqqas il-ħin ta’ stennija fit-traffiku. Dan ifisser li jekk filgħodu jkun hemm ħafna persuni ħerġin mis-Siġġiewi, se jingħataw prijorità fuq rotot oħrajn li dak il-ħin ma jkunux qed jintużaw daqshekk. Filgħaxija, il-ħinijiet tad-dwal tat-traffiku jinbidlu biex iħaffu l-vjaġġi bil-kontra, hekk kif ħafna persuni jkunu sejrin lura d-dar lejn Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi u lokalitajiet oħrajn fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Fl-istess waqt, hekk kif il-proġett ser jaqta’ ħafna miċ-ċirkostanzi fejn karozzi jkollhom jaqsmu kontra xulxin, il-junction ġdida se tnaqqas ukoll ir-riskji t’aċċidenti.
L-iżvilupp infrastrutturali tat-toroq ewlenin f’pajjiżna huwa kullana ta’ ħoloq marbutin flimkien, li jeħtieġ jiġu mtejbin b’mod ippjanat għax kull waħda taffettwa lill-oħra. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li għamlet Infrastructure Malta permezz ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni li saru tal-andament tat-traffiku bħalissa u fis-snin li ġejjin. Fl-eżerċizzju li sar, ġew ikkunsidrati 10 żoni differenti madwar din il-junction, b’46 node u 125 konnessjoni.
L-aġenzija għamlet konsultazzjoni mal-kunsilli lokali tal-inħawi, mal-awtoritajiet konċernati u ma’ dawk kollha li kellhom interess fil-proġett, kemm qabel ingħata bidu għax-xogħlijiet preparatorji tal-proġett u anke waqt li kien qed isir. Fil-laqgħat mal-kunsilli lokali kien hemm qbil li din il-junction kien jeħtieġ li b’xi mod jew ieħor titjieb fl-effiċjenza u fis-sigurezza, sabiex ittaffi d-diffikultajiet ta’ konġestjoni fl-inħawi, speċjalment għal dawk li jkunu jridu jidħlu jew joħorġu s-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. Alternattivi oħrajn kien jkollhom jinkludu esproprjazzjoni u teħid ta’ service road, u għaldaqstant kienu jxekklu l-attivitajiet kummerċjali.
L-intervent li sar minn Infrastructure Malta huwa l-aktar wieħed li jagħti benefiċċji f’termini ta’ ħin fl-ivjaġġar, sigurezza u tnaqqis ta’ tniġġis tal-arja, u li seta’ jitwettaq fi żmien qasir bl-inqas impatt fuq l-artijiet u l-attivitajiet residenzjali, industrijali u kummerċjali tal-madwar.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hux se tkun qed tiġi impjegata ma’ Infrastructure Malta? Jekk iva, x’se jkun ir-rwol tagħha u kemm se tkun ir-remunerazzjoni tagħha? Kif intgħażlet din il-persuna peress li ma kien hemm l-ebda sejħa pubblika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata ġiet trasferita fuq il-kotba ta’ Infrastructure Malta minn entità oħra tal-Gvern u tokkupa kariga maniġerjali fl-istess livell tal-kariga oriġinali li kellha fl-entità indikata.