Legislature:
Category:
Reset
Active:

Cables taħt l-art — Pjanta

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta u tindika t-toroq minn fejn se jgħaddu s-70km ta’ cables li se jitpoġġew taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Is-sajf li għadda l-Gvern wiegħed li se jaċċellera l-investiment għall-2024 fuq l-infrastruttura elettrika ta’ Malta biex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizzi elettriċi għall-familji u għan-negozji, u biex nilqgħu għad-domanda futura u l-ħtiġijiet tat-tibdil fil-klima. Bħala parti minn dan l-investiment estensiv, Enemalta qed tikkollabora ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta li għaqqdu r-riżorsi tagħhom flimkien biex fi ftit xhur inżidu aktar minn 70 kilometru ta’ cables ta’ 11-il kilovolt taħt l-art mal-grid nazzjonali. Dan ix-xogħol ta’ rinfurzar huwa importanti għaliex qed joħloq aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tal-pajjiż, filwaqt li jgħinu lill-Enemalta tagħti lura l-provvista f’inqas ħin meta jinqalgħu emerġenzi u interruzzjonijiet oħrajn. Flimkien ma’ xogħlijiet li għaddejjin u dawk li se jiġu implimentati fiż-żmien li ġej, inklużi ċentri ta’ distribuzzjoni u substations ġodda, dan l-investiment se jikkontribwixxi għal servizzi tal-elettriku aktar reżiljenti. Barra l-proġett ta’ cables ta’ 11-il kilovolt, Enemalta qed tkompli timplimenta l-pjan tagħha ta’ sitt snin li kien imniedi fl-2022, biex tissaħħaħ l-infrastruttura fid-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż. Bħala parti minn dan il-pjan, din is-sena Enemalta se tagħmel 45 substation ġdida, filwaqt li twettaq xogħljiet ta’ tisħiħ f’ħafna oħrajn eżistenti. Għaddejjin ġmielhom ukoll it-tħejjijiet għal żewġ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda li se jsiru fin-Naxxar u fis-Siġġiewi. F’Diċembru li għadda nħarġu sejħiet għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar kif ukoll għall-immodernizzar u t-tkabbir taċ-ċentru tad-distribuzzjoni fl-Imsida. Enemalta qed tara wkoll li żżid il-kapaċità fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni f’St Andrew’s, u li tiżviluppa ċentri tad-distribuzzjoni oħrajn fl-inħawi ta’ Ħad-Dingli u fiż-żona tal-Kottonera. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infrastrutturali qed jirreferi għaliha hija meqjusa bħalainfrastruttura kritika. It-toroq li f’partijiet minnhom se jsiru x-xogħlijiet b’rabta mat-tqegħid t’aktar minn 70 kilometru ta’ cables biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku jinsabu fil-lokalitajietta’ Birżebbuġa, Bormla, Fgura, il-Gudja, Ħ’Attard, Ħad-Dingli, Ħal Għaxaq, Ħal Lija, Ħal Luqa, Ħal Safi, Ħaż-Żabbar, l-Imdina, l-Imtarfa, il-Kalkara, il-Mosta, in-Nadur, in-Naxxar, ir-Rabat, Santa Luċija, ix-Xagħra, ix-Xgħajra, ix-Xlendi (Munxar) u ż-Żurrieq. Wara li jsiru x-xogħlijiet imsemmija, it-toroq ser jerġgħu jingħataw l-asfalt skont ir-rekwiżiti tal-permessi li jkunu nħarġu minn Transport Malta, kif ukoll f’konsultazzjoni li qiegħda ssir mal-Kunsilli Lokali.

In-Naxxar u s-Siġġiewi — Siteplans taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-siteplans taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni li qed isiru fin-Naxxar u fis-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8597, ninfurmah li l-proċess biex jinbena ċ-ċenrtu tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar għaddej b’ritmu tajjeb u fl-aħħar ta’ Diċembru 2023 saret sejħa għall-offerti. Fir-rigward taċ-ċentru tad-distribuzzjoni li se jsir fis-Siġġiewi għadu għaddej il-proċess biex tinkiseb l-art inkwistjoni. Il-pjanti jiġu ppublikati malli dawn jgħaddu għand l-Awtorità tal-Ippjanar għall-konsultazzjoni pubblika.

Lista tas-substations kollha ta’ Malta

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-substations kollha f’Malta, bil-lokalità u bis-sena ta’ meta dawn tlestew, fil-perjodu bejn l-1987 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid li l-Enemalta għaddejja bi pjan aċċellerat fis-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha, fejn kull sena qed jiġu kkummissjonati medja ta’ bejn 40 u 50 substation ġdida fis-sena, u jsiru għadd ta’ upgrades f’substations differenti. Qegħdin jitpoġġew ukoll għadd ta’ feeders li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumaturi, u kilometri ta’ cables oħrajn fuq livell ta’ 11kV u 33kV. L-Enemalta għaddejja wkoll bi proġett t’automation, li huwa mmirat biex is-substations tagħha jkunu jistgħu jiġu kkontrollati mill-kamra ta’ kontroll fil-Marsa, u f’każ ta’ ħsara, fejn ikun possibbli jonqos il-ħin ta’ interruzzjoni.

Lista tad-distribution centres kollha ta’ Malta

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-distribution centres kollha f’Malta, bil-lokalità u bis-sena ta’ meta dawn tlestew, fil-perjodu bejn l-1987 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid li filwaqt li fl-aħħar ta’ Diċembru nħarġet sejħa għall-offerti biex jinbena ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar waqt li jinsab fi stadju avvanzat l-ippjanar ta’ ċentru tad-distribuzzjoni ieħor ġdid li se jsir fis-Siġġiewi. Barra minn hekk, l-Enemalta qed tippjana wkoll il-bini ta’ żewġ ċentri tad-disttribuzzjoni oħrajn, wieħed qed ikun maħsub li jsir fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli u l-ieħor fiż-żona tal-Kottonera, kif ukoll sabiex tirdoppja l-kapaċità fiċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-Imsida u St Andrews.

Is-Siġġiewi – Xogħol fuq iz-zuntier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jitlesta z-zuntier tas-Siġġiewi hekk kif ix-xogħol ingħata bidu din il-ġimgħa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi mistenni li jkun lest sal-ewwel kwart tas-sena 2025.

Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima -Proġetti Approvati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm approva proġetti u inizjattivi l-Fond dwar l-Azzjoni fuq il-Klima bejn l-2016 u l-2023, kemm kienet in-nefqa kumplessiva fuq dawn il-proġetti u kemm minn dawn il-proġetti kienu relatati ma’ enerġija rinovabbli jew l-użu effiċjenti tal-enerġija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Enerġija Rinnovabbli – Target Nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex it-target Nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli kif imħabbar ta’ 11.5% ma huwiex ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita mill-Kummisjoni Ewropea u b'konsegwenza ta’ dan, ħafna inqas ambizzjuż milli mistenni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sehem kontributorju ta’ Malta ta’ 11.5% ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli sas-sena 2030 kien stabbilit fl-2019, meta kien pubblikat fl-ewwel pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima, u dan kien f’konformità mal-provedimenti tar-regolament Ewropew applikabbli. Infakkar li s-sehem li writna fl-2013 kien ta’ madwar 2% u sal-2023 konna diġà qbiżna t-13%. Sadanittant, qed jitħejja l-pjan nazzjonali ġdid, li għandu jkun finalizzat aktar tard din is-sena, u dan se jkun jirrifletti żieda oħra li tirrifletti l-ambizzjoni li għandu dan il-Gvern.

Enerġija Rinnovabbli — Pjan

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li għandu biex jilħaq il-commitments li ħa l-Gvern Malti f'Dubai, waqt COP 28 li jittripla l-użu ta’ enerġija rinnovabbli sas-sena 2030?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li fl-2013 il-perċentwal t’enerġija rinnovabbli f’pajjiżna kien ta’ ftit iktar min 2 punti perċentwali u li sal-2023 dan il-Gvern tellgħu għal iktar minn 13-il punt perċentwali jew sitt darbiet iżjed. Iżda m’aħniex ser nieqfu hawn. Qegħdin naħdmu bi sfiq fuq proġett ambizzjuż t’enerġija rinnovabbli mir-riħ fuq il-baħar li dwaru s-sena l-oħra ħriġna għall-konsultazzjoni pubblika abbozz ta’ politika nazzjonali u li qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-ġimgħat li ġejjin ser tinħareġ pre-qualification questionnaire. Ser inkomplu wkoll ninkoraġġixxu l-pannelli solari filwaqt li nfakkar li l-Gvern qed jaħdem ma’ diversi pajjiżi fil-Mediterran sabiex tissaħħaħ l-enerġija rinnovabbli fir-reġjun anke b’interconnectors ma’ Malta. Ftit tal-jiem ilu ffirmajna wkoll memoranum of understanding mal-Eġittu għal kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija nkluż dik rinnovabbli. Sadanittant, fil-kuntest globali l-commitments meħuda minn Malta u l-Istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, taħt id-direttivi preżenti, hekk kif riflessi fil-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima, huma suffiċjenti u ġusti fil-kuntest biex jintlaħaq l-għan globali li jittripla l-użu tal-enerġija rinnovabbli sas-sena 2030.

Enerġija Rinnovabbli – Effiċjenza tal-Enerġija

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan biex jintlaħaq il-commitment li ħa l-Gvern Malti f'Dubai waqt il-COP 28, sabiex jirdoppja ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija sas-sena 2030?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nikkonferma r-rieda qawwija tal-Gvern li jwettaq dak li kien mifthiem waqt COP28, fejn il-pajjiżi qablu li jirduppjaw b’mod kollettiv l-isforzi tagħhom lejn l-effiċjenza fl-enerġija. F’dan il-kuntest, il-Gvern jibqa’ mpenjat b’mod kollettiv li jinkoraġġixxi l-użu t’apparat iktar effiċjenti kif ukoll sistemi ta’ insulazzjoni li jnaqqsu l-bżonn t’enerġija fil-bini. Is-settur tal-bini u l-kostruzzjoni għandu sehem ewlieni u l-Onor. Interpellant jista’ wkoll jirreferi għal-Long Term Renovation Strategy immexxija mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kuntest globali l-commitments meħuda minn Malta u l-Istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropeja, taħt id-direttivi preżenti, hekk kif riflessi fil-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima, jindirizzaw il-ħtieġa li jintlaħaq l-għan globali li tirdoppja ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija sas-sena 2030.

Tibdil fl-aperturi – Skema

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi skema hemm miftuħa bħalissa għal dawk li jbiddlu l-aperturi tagħhom minn single glazed għal double jew triple glazed? Tista’ tgħid ukoll liema hija l-aġenzija responsabbli u kemm huwa l-ammont jew persentaġġ tan-nefqa li persuna tkun eliġibbli għaliha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm l-iskema ta’ Roof Insulation u Double Glazing li qed tiġi mħaddma mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. Permezz ta’ din l-skema, applikanti jistgħu jibbenefikaw minn 50% tat-total tal-infiq eliġibbli, inkluż il-VAT sa massimu ta’ €1,000 fuq Retrofitted Roof Insualtion u 50% tat-total tal-infiq eliġibbli, inkluż il-VAT sa massimu ta’ €1,000 fuq Retrofitted Double Glazing. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-websajt rews.org.mt jew billi wieħed iċempel fuq Freephone 153 ta’ servizz.gov.

Ħal Qormi – San Ġorġ – Skola Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan li jkun hemm estensjoni tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Qormi San Ġorġ? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6559.

Memorandum of Understanding — Kooperazzjoni fl-enerġija bejn Malta u l-Eġittu

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat bejn Malta u l-Eġittu dwar kooperazzjoni fl-enerġija?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Onor. Interpellant ġie kkuntatjat biex ikun jista’ jara dan il-Memorandum of Understanding.

Malta Public Transport — Karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-workings ta’ kif il-Malta Public Transport (MPT) naqqset l-emissjonijiet tagħha b’70% bl-introduzzjoni ta’ 30 karozza tal-linja elettrika? Jista’ jgħid ukoll kemm-il karozza għandha l-MPT?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tal-istudju, dan ġie kkummisjonat mil-Malta Public Transport illi hija kumpanija privata. Madankollu ninfurmak illi l-operatur tat-trasport pubbliku għandu 428 karozza tal-linja li qegħdin joperaw fuq is-servizz.

Saħħa mentali — Assistenza lill-edukaturi u staff

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14401 dwar il-Mental Health First Aid Course li qed jiġi offrut fl-iskejjel, jista’ l-Ministru jgħid x'kien l-għan ta' dan il-kors, min mexxieh, kif kien imqassam, u kemm kien in-numru ta' għalliema mill-iskejjel statali, tal-Knisja u Independenti li spiċċaw il-kors b'suċċess?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ta’ dan il-kors kien biex l-edukaturi jiġu mħarrġa fil-Mental Health First Aid. B’hekk ikunu jistgħu jissapportjaw u jgħarrfu sintomi meta persuna tkun għaddejja minn żmien diffiċli. Dan il-kors kien ikkordinat mar-Richmond Foundation u kien imqassam fuq 25 siegħa. In-numru ta’ għalliema li lestew il-kors b’suċċess huwa indikat fit-tabella t’hawn taħt. Stat Knisja Indipendenti 403 123 55

Saħħa mentali — Assistenza lill-edukaturi u staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' skejjel primarji u sekondarji tal-istat, knisja u indipendenti li qegħdin jimplimentaw programm ta' assistenza fil-qasam tas-saħħa mentali għall-edukaturi u l-istaff tagħhom? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista maqsuma skont il-livell u s-settur?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa qed jiġi offrut il-Mental Health First Aid Course f’31 skola. Hemm ukoll diversi miżuri u inizjattivi fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida li bħalissa tinsab għall-konsultazzjoni pubblika.

Ħal Qormi — Triq Manwel Dimech - Sound reduction barriers

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra l-installazzjoni ta’ sound reduction barriers matul Triq Manwel Dimech, f'Ħal Qormi, biex jitnaqqas l-istorbju ġġenerat mit-traffiku u mill-fabbriki tal-madwar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jindika speċifikament iż-żona eżatta fejn qed jitlob tali intervent.

Ħal Qormi — Triq il-Ħelsien u Triq il-Ħammieri – Sewqan eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti struzzjoni lill-Infrastructure Malta u Transport Malta biex jiżdiedu l-miżuri kontra sewqan eċċessiv fi Triq il-Ħelsien u Triq il-Ħammieri, f'Ħal Qormi, hekk kif qed jiġu rreġistrati numru ta' inċidenti fil-parapetti tan-nies bil-periklu li dan jista' joħloq lir-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet nota tas-sewqan fi Triq il-Ħelsien, f'Ħal Qormi u kkomunikat mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi sabiex jiġu kkontemplati “traffic calming measures”. L-Awtorità qiegħda wkoll tieħu nota tas-sewqan fi Triq Hammieri fl-istess lokalità.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Fortizza tal-Qbajjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-Fortizza tal-Qbajjar f’Għawdex li ilha abbandunata għal diversi snin u tinsab f’kundizzjoni ħazina?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 11838.

Ħaż Żebbug u Siġġiewi — Triq is-Siġġiewi - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall ix-xogħol kollu li sar fix-xhur qabel Marzu 2013 fuq Triq is-Siġġiewi li tagħti minn Ħaż Żebbuġ għas-Siġġiewi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur ta’ qabel Marzu 2013, fi Triq is-Siġġiewi li tagħti minn Ħaż-Żebbuġ għas-Siġġiewi (apparti xogħlijiet minuri li saru minn GO u WSC), sar proġett relatat man-National Flood Relief Projects (storm water projects) mill-Ministeru dak iż-żmien responsabbli għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokumentazzjoni relatata ma’ dan il-proġett.