Nefqa fi studji u applikazzjonijiet — Periti - Ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas kull perit/uffiċċju ta’ periti sa issa u jaqsam din l-informazzjoni taħt Lot 1, Lot 2, Lot 3, Lot 4, Lot 5 Lot 6 u Lot 7 tal-Framework Agreement for the Provision of Professional Services of a Perit to the Building and Construction Agency (Numru ta’ Referenza: CT2486/2020) mill-Aworità tal-Bini u Kostruzzjoni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet flus sa issa l-Awtorità tal-Artijiet taħt il-Framework Agreement for the Provision of Professional Services of a Perit (Numru ta’ Referenza: CT2132/2021)?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Awwissu tal-2022 sal-lum, l-Awtorita tal-Artijiet nefqet is-somma €403,718.85 skont il-Framework Agreement imsemmi.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 3473 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 228 tad-9 ta’ April 2024)
Awtorità tal-Artijiet — Periti li qed joffru servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il perit hemm li qed joffri servizz lill-Awtorità tal-Artijiet taħt il-Framework Agreement for the Provision of Professional Services of a Perit (Numru ta’ Referenza: CT2132/2021) u min huma?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 56 Perit li qed jagħtu servizz lill-Awtoritá tal-Artijiet skont il-Framework Agreement imsemmi.
Rabat, Malta — Triq Għeriexem – Inawgurazzjoni tal-belvedere
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif wara l-inawgurazzjoni tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, it-tabella li tirreġistra kemm ġiet iġġenerata enerġija solari mill-mogħdija solari ilha mitfija ġimgħat jekk mhux xhur?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-installazzjoni qiegħda taħdem kif ippjanat.
Rabat, Malta — Triq Għeriexem – Units ta’ enerġija iġġenerati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ġenerati units ta’ enerġija mill-mogħdija solari tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta mill-inawgurazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-mogħdija solari tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, ġew iġġenerati 2,343KWh.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14411 dwar il-ftuħ mill-ġdid taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, fejn intqal li hu mistenni jiftaħ lejn it-tmiem tal-ewwel kwart tas-sena 2024, jista' l-Ministru jipprovdi d-data speċifika ta’ meta l-pazjenti ser ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jużaw is-servizzi ta’ dan iċ-Ċentru?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-pazjenti ser ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jużaw is-servizzi taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi mill-20 ta’ Marzu 2024 'il quddiem.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16914 u jgħid x’ser ikun iż-żmien minimu li fih se jibdew jitħallsu l-fondi tal-karozzi elettriċi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li tirċievi l-applikazzjoni Transport Malta tagħmel diversi verifiċi u meta dawn l-verifiċi jkunu saru tinhareġ ittra lill- applikant fejn jiġi infurmat li l-aplikazzjoni tiegħu ġiet aċċettata u approvata u li ser jirċievu il-pagament.
Karozzi elettriċi – Applikazzjonijiet pendenti biex jitħallsu r-rifużjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16915 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jitħallsu r-rifużjoni tax-xiri ta’ karozzi elettriċi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li hemm 1,264 applikazzjoni pendenti li nbgħatu lill-Awtorità sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 u 280 applikazzjoni li inbgħatu bejn Jannar u l-aħħar ta Frar 2024 biex jitħallsu r-rifużjoni tax-xiri ta’ karozzi elettriċi.
In-Naxxar u s-Siġġiewi — Siteplans taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15724, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-art fejn l-Enemalta beħsiebha tibni ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għadha kif ħarġet sejħa għall-offerti għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fis-Siġġiewi, li ġġib numru ta’ referenza TD/T/3795/2023. Dan wara li f’Dicembru li għadda ħarġet is-sejħa għall-offerti għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar, bin-numru ta’ referenza TD/T/3810/2023 u li bħalissa tinsab fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Filwaqt li l-pjanta tas-sit (site plan) fin-Naxxar diġà kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra b’rabta mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8597, qed inpoġġi l-pjanta tas-sit fis-Siġġiewi.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-Enemalta għażlet li tqabbad il-provvista tad-dawl għal 19-il appartament tal-housing li jinsabu fi Triq il-Lewżiet, ma’ Triq San Leonardu f’Ħal Kirkop, f’punt li huwa 80 metru ’l -bogħod, fid-dawl tal-fatt li r-residenti ta’ din it-triq kellhom u għad għandhom problema fil-livelli tal-vultaġġi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kull servizz ġdid li jingħata mill-Enemalta ikun konformi mal-ESR (Electricity supply regulations). Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja bil-proċess li tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni fiż-żona indikat u hemm pjan biex tiġi kkummisjonata substation ġdida fl-istess żona.
Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima -Proġetti Approvati
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 15397 u tgħid kemm approva proġetti u inizjattivi l-Fond dwar l-Azzjoni fuq il-Klima bejn l-2016 u l-2023, kemm kienet in-nefqa kumplessiva fuq dawn il-proġetti u kemm minn dawn il-proġetti kienu relatati ma’ enerġija rinovabbli jew l-użu effiċjenti tal-enerġija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif jaf l-Onor. Interpellant, ftit tal-ġimgħat ilu ressaqt għad-diskussjoni f’dan il-Parlament abbozz ġdid tal-Att fuq Azzjoni Dwar il-Klima bl-iskop ewlieni li pajjiżna jsaħħaħ bis-serjetà l-azzjoni dwar il-klima. Dan l-abbozz jipprovdi għat-twaqqif ta’ Awtorità għall-Azzjoni Dwar il-Klima li l-iskop ewlieni tagħha se jkun li tara li jitwettqu l-azzjonijiet neċessarji biex Malta tersaq lejn newtralità fil-karbonju.
Fost affarijiet oħra, l-abbozz jipprovdi biex jitwaqqaf mill-ġdid il-Fond dwar l-Azzjoni fuq il-Klima li se jitmmexx mill-imsemmija Awtorità u se naraw li dan ikun qed jimbotta ’l quddiem proġetti favur il-klima, kemm mil-lat ta’ mitigazzjoni kif ukoll mil-lat ta’ adattament. Sadanittant, fis-snin li għaddew il-Gvern investa f’inizjattivi u proġetti favur il-Klima bħal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u l-użu effiċjenti tal-enerġija, apparti skemi oħra bħalma huma dawk tal-għotjiet għal vetturi elettriċi fost oħrajn. B’dan il-mod, fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant pajjiżna investa aktar minn €184 miljun.
Karozzi elettriċi – Applikazzjonijiet pendenti biex jitħallsu r-rifużjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jitħallsu r-rifużjoni tax-xiri ta’ karozzi elettriċi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tinghata f seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’metodu ta’ procurement se jintuża mill-Enemalta li beħsiebha takkwista żewg turbini addizzjonali ta’ 60MW?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa li ħarġet l-Enemalta, mhix għal teknoloġija speċifika imma hija għall-kiri ta’ impjant għal ġenerazzjoni t’emerġenza b’kapaċità ta’ 60MW, liema sejħa pubblika ħarġet għall-offerti fil-25 ta’ Jannar 2024.
Tista' l-Ministru tgħid jekk iż-żewġ turbini addizzjonali li ser jinkrew biex jassistu fiż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, humiex ser jitħaddmu bid-diesel jew bl-LNG?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa li ħarġet l-Enemalta, mhix għal teknoloġija speċifika imma hija għall-kiri ta’ impjant għal ġenerazzjoni t’emerġenza b’kapaċita ta’ 60MW. Kif ġie spjegat kemm-il darba, l-Enemalta għandha biżżejjed sorsi ta’ ġenerazzjoni biex tlaħħaq mad-domanda tal-elettriku kemm kurrenti u kemm prevista.
Għaldaqstant, dan l-impjant mhux se jinkera biex jassisti fiż-żieda tad-domanda. Se jkun qed jinkera sabiex ikun standby f’każi ta’ emerġenza skont il-ħtieġa. Dan biex kontinwament nassiguraw is-sigurta tal-provvista għall-konsumaturi.
L-impjant propost li se jkun qed jitħaddem bid-diesel, kif spjegat fis-sejħa għall-offerti u jekk dan jintuża, ikun għal numru ristrett ta’ sigħat.
Siġġiewi – Kundizzjonijiet relatati max-xogħol tal-bini taz-zuntier
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15878, jista’ l-Ministru jispeċifika x’inhuma l-kundizzjonijiet stipulati mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għax-xogħlijiet taz-zuntier tas-Siġġiewi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet stipulati mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għax-xogħlijiet taz-zuntier tal-Knisja ta’ San Nikola fis-Siġġiewi huma parti mid-dokumentazzjoni relatati mal-permess u huma diġa pubbliċi.
Siġġiewi – Bajja ta’ Għar Lapsi — Parati biex jitniżżlu d-dgħajjes
Question
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex il-parati li jintużaw biex jitniżżlu d-dgħajjes fil-Bajja ta' Għar Lapsi fis-Siġġiewi jsiru mill-ġdid, peress li dawn jinkisru kull ftit xhur?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimghat li ġejjin ser ikun qed isir ix-xogħol neċessarju.
Is-Siġġiewi – Kundizzjonijiet relatati max-xogħol tal-bini taz-zuntier
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kundizzjonijiet se jiġu osservati fix-xogħlijiet relatati mal-bini taz-zuntier tas-Siġġiewi biex jiġu preservati xi fdalijiet ta’ wirt kulturali li jista’ jinstab max-xogħol?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xogħlijiet relatati mal-bini taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi ser jiġu osservati l-kundizzjonijiet stipulati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li jagħmlu parti mill-permess ta’ żvilupp maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument maħruġ għall-konsultazzjoni pubblika fil-31 ta’ Jannar 2024 dwar interess għal proġetti ta’ offshore floating photovoltaics?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fil-31 ta’ Jannar 2024 nidejna proċess ta’ konsultazzjoni preliminari, magħruf bħala preliminary market consultation (PMC), biex jiġi evalwat is-suq għall-pannelli fotovoltajċi f'wiċċ il-baħar (nearshore floating solar farms) fl-ibħra territorjali ta' Malta. Il-PMC, li l-konsultazzjoni dwaru se tkun miftuħa sa nhar l-Erbgħa 24 ta' April 2024, jidentifika żona ta’ erba’ mili nawtiċi ‘l bogħod mill-kosta ta’ Delimara bħala l-ewwel post fejn possibilment jista’ jkun hemm żvilupp ta’ proġetti ta’ teknoloġiji solari konnessi mal-grid b’kapaċità ta’ 50 megawatt t’enerġija rinnovabbli.
Dan il-Gvern huwa mpenjat li jkompli jixpruna aktar investimenti fl-enerġija nadifa biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta’ Malta għad-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà. Qed nipprovdu diversi għajnuniet biex ninkoraġġixxu lill-familji u l-imprendituri jiżviluppaw aktar sistemi t’enerġija nadifa fuq l-art. Ta’ kull sena qed naraw żieda t’enerġija mir-rinnovabbli fit-taħlita tas-sorsi t’enerġija tal-pajjiż. Madankollu, fi stat ta’ gżejjer bħal tagħna, hemm limitazzjonijiet biex insibu spazji kbar għal sorsi t’enerġija fuq l-art. Nemmnu bi sħiħ li l-opportunitajiet li joffru l-ibħra madwarna jistgħu jkunu soluzzjoni importanti. L-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi f'wiċċ il-baħar hija teknoloġija li għadha fil-bidu tal-iżvilupp tagħha, li se tkompli tikber fis-snin li ġejjin, b’aktar riċerka u żvilupp. Permezz ta’ din il-konsultazzjoni, qed niskattaw proċess li jista’ jinkoraġġixxi lill-investituri u l-innovaturi biex ipoġġu lil Malta fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija ambjentali innovattiva.
Il-PMC għandu l-għan li jiġbor proposti minn operaturi għall-użu ta’ proġetti ta’ teknoloġiji solari f’wiċċ il-baħar, inkluż photovoltaic farms, li jestendu sa 12-il mil nawtiku mill-kosta ta’ Malta u Għawdex. Operaturi ekonomiċi se jkunu jistgħu jipproponu proposti bbażati fuq iż-żona identifikata, jew f’postijiet oħrajn li jitqiesu fattibbli għal dawn it-tip ta’ proġetti. Dan il-proċess se jiffaċilita l-evalwazzjoni ta’ kemm l-investituri huma interessati f’din it-teknoloġija, biex il-Gvern ikun jista’ jevalwa kemm is-suq huwa mħejji għalih. Fl-istess waqt, il-proċess se jgħin fl-istudji tekniċi li għaddejjin biex tkun tista’ tinħareġ sejħa għall-offerti għal dawn il-proġetti.
Investituri li eventwalment jistgħu jintgħażlu għal dawn il-proġetti jkunu meħtieġa li jiksbu l-permessi tal-iżvilupp u ambjentali meħtieġa, u jagħmlu diversi studji, inkluż dawk biex jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ qiegħ il-baħar u aspetti oħrajn ambjentali u tekniċi għal kull sit.
Infakkar li qed naħdmu wkoll fuq proċess separat għal investimenti f'sistemi t’enerġija rinnovabbli offshore, bħal floating wind farms, fiż-żona esklussiva ekonomika ta’ Malta. Fl-2023 ġiet varata għal konsultazzjoni pubblika abbozz tal-politika bl-isem National Policy for the Deployment of Offshore Renewable Energy. Din il-politika se tkun qed tiġi ppubblikata fix-xhur li ġejjin. Fl-istess waqt, qed nippjanaw ukoll li nniedu pre-qualification questionnaire (PQQ) biex nistiednu lill-investituri jipproponu proġetti t’enerġija rinnovabbli offshore.
Filwaqt li qed inpoġġi kopja tad-dokument tal-PMC fuq il-Mejda tal-Kamra, inżid li dan id-dokument qiegħed aċċessibbli għall-pubbliku nġenerali fuq is-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) rews.org.mt/pmc u ilu aċċessibbli minn meta nedejnih għall-konsultazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-għotja ta' kumpens li ngħatat għal qtugħ fil-provvista tad-dawl fix-xhur li għaddew, kinitx waħda awtomatika? Tista’ wkoll tgħid jekk kienx hemm individwi li applikaw għall-kumpens huma u t-talba ġiet milqugħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti l-kbira tal-għotja ta’ kumpens li ngħatat għal qtugħ fil-provvista tad-dawl kienet waħda awtomatika.
Barra minn hekk, konsumaturi li għandhom il-kont tagħhom reġistrat għall-użu residenzjali jew domestiku u ma ngħatawx il-kumpens b’mod awtomatiku, kellhom ukoll il-fakultà li jirreġistraw minn fuq is-sit tal-ARMS Ltd. Wara li saru l-verifiki neċessarji, dawn ingħataw il-kumpens kif suppost. Dawk li għandhom il-kont reġistrat għall-użu kummerċjali, kellhom japplikaw direttament mal-Malta Enterprise.