Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Imdina — Ġnien Ġużè Howard - Screen - Spiża

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22125, jista' l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża involuta biex ġie installat l-iscreen fi Ġnien Ġużè Howard, fl-Imdina?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li dan l-iscreen kien parti minn proġett ikbar. L-iscreen u l-installazzjoni swew madwar €5,468.

Iż-Żejtun – New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jitwassal is-servizz tan-New Water fi Sqaq Nru 2, Triq il-President Anton Buttigieg, iż-Żejtun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm l-imsemmi sqaq mhuwiex parti mill-pjanijiet preżenti, dan ma jeskludix il-possibiltà li jkun parti minn proġetti li fi ħsiebha twettaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma iktar ’il quddiem.

Karozza elettriċi — Grants

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kull min se jixtri karozza elettrika qabel l-aħħar ta’ din is-sena, se jieħu l-grant?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi min ser jixtri karozza elettrika ser jieħu l-grant.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Clerical Officer

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu r-riżultati tal-interviews ta’ Clerical Officer maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-31 ta’ Mejju?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi l-proċess jinsab fi stadju avvanzat.

L-Imdina — Monument tal-ewwel Prim Ministru Malti Ġużè Howard - Screen

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn screen li twaħħal maġenb il-monument tal-ewwel Prim Ministru Malti Ġużè Howard fil-ġnien imsemmi għalih biswit il-Bieb tal-Imdina, qatt ma nxtegħel minn meta twaħħal tliet snin ilu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li ġejt infurmat li l-iscreen se jitneħħa dalwaqt.

Ir-Rabat, Malta — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija tat-Rabat, Malta, hux ser terġa’ tkun miftuħa u tiffunzjona sa qabel il-Milied 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet importanti li għaddejjin fl-għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Malta hu previst li jitlesta lejn Marzu/April tas-sena 2025, fl-istess żmien meta hu maħsub li l-għassa tkun tista’ terġa’ tiftaħ. Ninsab infurmat ukoll li sakemm qed isir dan ix-xogħol saru l-arranġamenti biex il-pubbliku jinqeda aħjar mill-għases tal-Imdina u l-Imtarfa, filwaqt li għaddej xogħol kontinwu mill-pulizija tal-komunità.

Ir-Rabat, Malta — Ċentru tas-Saħħa - Tisbiħ u rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tisbiħ u r-rinovar taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta, hux se jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru 2024 u jgħid jekk hux se jkun hemm il-faċilità ta’ X ray?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tisbiħ u r-rinovar taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta għaddej b’ritmu tajjeb, u kif diġa weġibt għall-mistoqsija parlamentari 21340, għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Ġunju 2025. Mhux ippjanat li jkun hemm il-faċilità ta’ X-ray minħabba d-daqs limitat taċ-Ċentru. Madankollu, wieħed irid jgħid li fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta hemm il-faċilità tal-X-Ray.

Ġebla storika (Stone marker)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ġebla storika (stone marker) li ġiet ġentilment ritornata mill-individwu li d-dettalji dwar qed jingħataw separatament hijiex esposta għall-pubbliku, u jekk iva, fejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ġebla li dwarha qed issir id-domanda qiegħda miżmuma fir-repositorju tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Transitional allowance — Rekwiżiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti biex Ministru jieħu transitional allowance ta’ sena salarju meta jispiċċa mill-kariga tiegħu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Light Passenger Transport System (LPTS) — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21589 u jgħid għalfejn ma jeżistix revision of paper għall-eżamijiet li qed isiru biex xufiera jġibu tag biex isuqu karozza ta' servizz għal passiġġieri (LPTS), biex wieħed ikun jaf x’għamel ħażin fl-eżami?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-riżultati ta’ dawn it-testijiet huma dejjem finali u mhux disputabbli, u li hija r-responsabbiltà tal-istudenti li jitlob kopja tas-sillabu relatat mill-iskejjel awtorizzati, li jinkludi t-tagħrif meħtieġ sabiex ikunu preparati għall-eżami.

Light Passenger Transport System (LPTS) — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma jeżistix revision of paper għall-eżamijiet li qed isiru biex xufiera jġibu tag biex isuqu karozza ta' servizz għal passiġġieri (LPTS), biex wieħed ikun jaf x’għamel ħażin fl-eżami?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Dipartiment tal-ARPA – ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħaddiema li ġew ingaġġati fil-livelli kollha fil-front desk tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda? Għal kull ingaġġ, jista’ jagħti l-livell tal-kariga u f’liema sezzjoni ġiet assenjata din il-persuna?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti li telenka rendikont tal-ħaddiema li ġew ingaġġati fil-livelli kollha fil-front desk tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) mill-2014 sal-lum. Grad Numru ta’ ħaddiema Unità Senior Manager 1 Front Office / Back Office Senior Principal 1 Front Office Manager 2 Front Office / Back Office ICT Business Analyst 1 Front Office Project Officer 3 Front Office Agricultural Officer 5 Front Office Assistant Project Officer 1 Back Office Assistant Principal 2 Front Office Executive Officer 1 Front Office RSSL Employee 1 Front Office

Dipartiment tal-ARPA – ingaġġ ta’ aktar ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra l-ingaġġ ta’ aktar ħaddiema biex jaħdmu fil-front desk u back office tal-uffiċċju tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) biex titnaqqas il-pressjoni kbira fuq il-ħaddiema eżistenti u jitjieb is-servizz lill-bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir proċess ta’ tisħiħ u ristrutturar tal-operat ġewwa l-uffiċini tal-Front Office tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), fejn matul dawn l-aħħar xhur ġew ingaġġati Senior Managers responsabbli mill-Front Office, flimkien ma’ Manager responsabbli għall-Back Office li ġie kkrejat bħala parti minn dan il-proċess. Barra minn hekk, ġew imħabbra ħinijiet tal-ftuħ ġodda għall-Front Office bil-għan li tiżdied l-effiċjenza fis-servizz li jingħata lill-klijenti tal-Aġenzija. L-Aġenzija hija wkoll detentriċi tal-Premju ta’ Servizz ta’ Kwalità li jservi bħala rikonoxximent tas-servizz ta’ livell għoli li tagħti lill-klijenti tagħha, u li jitfa’ wkoll ir-responsabbiltà fuq l-Aġenzija li żżomm standards għoljin hekk kif meħtieġ mill-awditjar regolari li jsir mid-dipartiment responsabbli ta’ dan il-Premju. Madankollu, l-Aġenzija kontinwament taħdem sabiex dejjem iżżid l-effiċjenza u tiffaċilita n-numru ta’ proċessi għall-klijenti tagħha, li huma fil-maġġoranza bdiewa lokali. Dan huwa rifless ukoll fil-politika ta’ reklutaġġ fejn l-ARPA tniedi b’mod regolari sejħiet għall-impjieg ta’ ħaddiema li jistgħu jkomplu jsaħħu l-operat tal-Aġenzija.

Delimara – kuntratti u side agreements bejn l-Enemalta u Kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti u side agreements/ittri bejn l-Enemalta u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li jitratta l-kiri tal-generators f’Delimara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament u li ma sarux side agreements. Dettalji personali ta’ individwi ġew mgħottijin għal raġunijiet ta’ data protection.

Charging stations

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ser ikunu ġew installati charging stations ġodda mill-bidu sal-aħħar ta' din is-sena 2024? Tista' wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra programm bil-milestones ta' kemm ser jiġu installati charging stations sal-aħħar tas-sena 2030?

Response (DALLI, MIRIAM)

Dan il-proġett ġie fdat lill-Aġenzija għall-Eenerġija u l-Ilma (EWA). Il-qofol tax-xogħol li sar din is-sena kien jinvolvi l-preparamenti tekniċi għal 600 charging pillar ġdid, biex jipprovdu 1,200 charging point ġdid. Dan ix-xogħol kien jirrikjedi diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali, Enemalta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fost oħrajn, fejn ġew identifikati aktar minn 1,000 sit li setgħu jiġu kkunsidrati biex fihom isiru charging pillars. Minn dawn intgħażlu s-600 sit meħtieġa għal dan il-proġett u sussegwentement, malli tlesta d-disinn tekniku għal kull sit, saret ukoll l-appllikazzjoni għall-approvazzjoni minn Transport Malta. Diversi applikazzjonijiet sottomessi lil Transport Malta diġà ġew approvati. Inħarġet ukoll sejħa għall-offerti li tinsab fl-aħħar stadju tal-evalwazzzjoni biex jibda x-xogħol infrastrutturali fuq l-ewwel charging pillars ġodda. Sadattant, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li tiġi ppubblikata sejħa oħra għal aktar siti fejn se jsiru charging pillars oħrajn ġodda. Qed titħejja wkoll it-tielet sejħa li se tkun tinkdludi partikolarment ammont ta’ charging pillars ġodda li se jsiru f’Għawdex. Tlesta wkoll ix-xogħol preparatorju sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jibdew jinħarġu anke s-sejħiet għall-offerti għall-installazzjoni taċ-charging pillars. B’dan il-proġett sal-aħħar tas-sena d-dieħla n-numru ta’ charging pillars madwar Malta u Għawdex se jilħaq total ta’ 786, għal total ta’ 1,572 charging point. Il-Gvern kommess li sal-2030 jkun hawn total ta’ 6,500 charging point kif tistipula l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp b’livell baxx ta’ karbonju (LCDS).

L-Imsida — Skola - carbon neutral

Question

B'referenza għall-istqarrija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni maħruġa fil-5 ta' April 2024, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kalkoli li saru li permezz tagħhom ġie kkonfermat li l-Iskola tal-Imsida hija carbon neutral?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti neċessarji li permezz tagħhom ġie kkonfermat li l-Iskola msemmija hija carbon neutral, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karozzi elettriċi

Question

Fid-dawl tal-fatt li pajjiżna għadu ’l bogħod milli jilħaq il-miri tiegħu ta’ karozzi elettriċi, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-għotja għall-karozzi elettriċi hijiex se tibqa’ fis-seħħ għas-sena 2025 u jekk iva, hijiex se tibqa’ bl-istess ammont?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet dwar il-Baġit għas-sena 2025 għadhom għaddejin.

Is-Siġġiewi — Triq is-Siġġiewi - problema taż-żbroff tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma beħsiebha tirranġa l-problema tal-iżbroff tad-drenaġġ hekk kif toħroġ mis-Siġġiewi fi Triq is-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-aħħar xhur il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma reċeviet l-ebda rapport dwar żbroff ta’ drenaġġ fl-akkwati indikati u minn spezzjoni li għamlet wara li saret din il-mistoqsija parlamentari lanqas ma ġew identifikati diffikultajiet fis-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

Xjenza Malta — Spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tinkludi l-ispiża kollha magħmula mill-aġenzija Xjenza Malta f’reklamar (online, billboards, gazzetti, magazines, etc) li sar marbut mat-twaqqif tagħha li jkopri l-perjodu minn tliet xhur qabel twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, u jinkludi fejn sar dan ir-reklamar bid-dati rispettivi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ spiża kienet ta’ €48,477.39. Infurmat li dan huwa l-istess total li jintefaq matul is-snin bħala marketing u promozzjoni mill-budget tal-entità msemmija.