Legislature:
Category:
Reset
Active:

Testijiet ġodda fuq trabi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk bdewx isiru testijiet ġodda lil trabi fl-ewwel jiem tat-twelid tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti aktar informazzjoni dwar dawn it-testijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel jiem ta’ din il-leġiżlatura beda’ jsir screening test ġdid lil trabi tat-twelid li jkunu twieldu ġewwa Malta u Għawdex. Dan huwa l-heel prick test għal congenital hypothyroidism. Dan l-iscreening test huwa ħafna aktar preċiż minn dak preċidenti. Apparti dan, qed isir ukoll it-test għat-thalassaemia.

Sptar Mater Dei – appuntamenti fid-Dipartiment tal-Outpatients – messaġġi fuq il-mobile

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk sarx xi titjib fl-appuntamenti fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei minn meta bdew jintbagħtu d-dettalji tal-appuntamenti lill-pazjenti permezz ta’ messaġġi fuq il-mobile?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena minn meta bdew jintbagħtu d-dettalji tal-appuntamenti lill-pazjenti permezz ta’ messaġġi fuq il-mobile sal-aħħar t’Awwissu n-numru ta’ nies li ma kinux jattendu għal appuntament tagħhom fl-Outpatients Department naqqsu bi 11%. Dan it-tnaqqis seta’ jiġi nnutat f’diversi dipartimenti fosthom fid-dipartiment tal-Ġenetika, tal-Mediċina, Oftalmoloġija, Ortopedija, Podjatrija u f’tal-Kirurġija.

Operazzjonijiet li tnaqqset il-lista ta’ stennija tagħhom

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma dawk l-operazzjonijiet li l-lista ta’ stennija tagħhom tnaqqset? Jista’ jgħid x’inhu ż-żmien ta’ stennija? X’miżuri ttieħdu biex tnaqqset il-waiting list?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tnaqqis tal-waiting lists għall-operazzjonijiet hija waħda mill-ewwel prijoritajiet li dan il-gvern ħadem fuqha fil-qasam tas-Saħħa. Diversi operazzjonijiet f’oqsma differenti f’dan is-settur tnaqqset il-lista ta’ stennija kif ukoll iż-żmien ta’ stennija. Uħud minn dawn l-operazzjonijiet huma tal-kataretti, gastroscopy, total knee replacement, knee arthroscopy, total hip replacement, operazzjonijiet fl-ispalla, Tonsillectomy u Columnelloplasty. Tajjeb li ngħidu illi ż-żmien ta’ stennija ta’ uħud minn dawn l-interventi tnaqqset in-nofs meta kkumparata ma żmien amministrazzjoni nazzjonalista. Matul l-aħħar snin żdiedet l-effiċjenza u ngħataw bidu diversi inizjattivi fosthom żieda fil-ħinijet tal-operazzjonijiet, bdew isiru operazzjonijiet nhar ta’ Ħadd u saru ukoll operazzjonijiet fi sptarijiet privati fejn uħud mill-pazjenti ngħataw kura f’dawn l-istess sptarijiet bi spejjeż għal-gvern. F’Mater Dei kien hemm żieda ukoll f’diversi appart fosthom CT Scanner u Angiosuite ġdida.

Sptar Mater Dei – tfal li għamlu użu mill-Emerġenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar kemm tfal għamlu użu mill-Emerġenza speċifikata għalihom fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 10,393 attendenza ġewwa d-dipartiment ta’ l-emerġenza fl-ispeċjaliżazzjoni tal-Pedjatrija.

Qormi – Triq il-Belt Valletta – espropjazzjoni ta’ art

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk inbdewx proċeduri ta' esproprjazzjoni sabiex il-Gvern jakkwista art li fuqha hemm parti mill-grawnd 5-a-side ta' Qormi FC li jinsab biswit iċ-ċimiterju fi Triq il-Belt Valletta f'Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward il-ground tal 5-a-side ta’ Ħal-Qormi, għaddejjin proċeduri fil-qrati ta’ Malta bejn il-privat u l-Gvern. Ngħid ukoll li qatt ma kien hemm talbiet għal esproprjazzjoni min naħa tal-kunsill jew xi tip ta’ entità oħra.

Ħal Qormi – Triq il-Wied – speed camera

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf il-Kamra fiex waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li saret ftit snin ilu dwar il-bżonn ta’ speed camera fi Triq il-Wied bħala miżura ta' sigurtà fi Triq il-Wied f'Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq il-Mitħna – devoluzzjoni tal-Mitħna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li saret xhur ilu dwar id-devoluzzjoni tal-mitħna li tinsab fi Triq il-Mitħna u teħtieġ restawr b'mod immedjat qabel jintilef dan il-wirt storiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi ġiet milqugħa u l-proċess qiegħed ikun segwit.
Leg 13 PQ #1367 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – żieda fid-diversifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex iżżid id-diversifikazzjoni filwaqt li tnaqqas l-istaġjonalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem sabiex tiżviluppa marketing u attività turistika aktar varjata bil-għan li tistimula turiżmu ġdid ta’ kwalità għola partikolarment fix-xhur tax-xitwa. L-investiment fil-prodott turistiku li sar u qiegħed ikompli jsir mill-Gvern Ċentrali, Kunslli Lokali, entitajiet oħra kif ukoll mis-settur privat f’diversi oqsma, qiegħed jgħin mhux ftit sabiex jirnexxielna ngħollu il-kwalita’ tal-offerta turistika tagħna. B’din il-ħidma irnexxielna nkabbru niċeċ eżistenti kif ukoll niżviluppaw inizzjattivi ġodda f’oqsma bħat-turiżmu kulturali, gastronomiku, sportiv, attiv, tal-konferenzi kif ukoll dak reliġjuż u edukattiv. Ir-riżultati miksuba kemm mil-lat ta’ numru ta’ turisti kif ukoll mill-qliegħ reġistrat mill-industrija turistika jikkonferma li qegħdin fit-triq it-tajba. Mandanakollu, l-Ministeru tat-Turiżmu flimkien ma l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu jinsabu mpenjati sabiex tkompli tinfirex aktar il-ħidma tagħna lill hinn mis-swieq tradizzjonali u titkabbar l-attivita’ u n-numru ta’ turisti lejn pajjiżna minn swieq ġodda, fejn it- travel trends huma differenti mis-swieq tradizzjonali u għalhekk ghandhom potenzal qawwi li jgħinu sabiex inkomplu insaħħu x-xhur tax-xitwa.
Leg 13 PQ #1368 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – pjanijiet għal branding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fejn jidħol il-branding tal-gżejjer tagħna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara snin fejn l-Awtorita’ użat branding li għen sabiex niksbu suċċess għal pajjiżna fi swieq barranin, inħass li wasal iż-żmien li nibnu kampanja ta’ branding ġdida li għandha l-għan li twassal messagġġ frisk u iktar addattat għax-xenarju tal-lum. Huwa ppjanat li l-Awtorita’ tniedi l-kampanja l-ġdida għas-sena 2018.
Leg 13 PQ #1369 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

L-Imqabba – riabilitazzjoni tas-sit tal-ġibjun

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk għandux xi pjan biex jirriabilità s-sit fejn hemm il-ġibjun tal-Imqabba, li ilu snin twal mitluq u qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ dan il-lokal?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit qed jiġi studjat flimkien ma’ Ministeri oħra.