Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #1541 Sitting 25 2017-10-10 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Strateġija tal-Gvern fejn jidħol il-kummerċ elettroniku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed tiġi aġġornata l-istrateġija li għandu l-Gvern fejn jidħol il-kummerċ elettroniku?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fl-2014, il-Gvern adotta strateġija nazzjonali tal-kummerċ elettroniku li qed tiġi imwettqa mill- Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) bħala l-entità li tirregola dan is-settur. Minħabba l-fatt li l-kummerċ elettroniku huwa settur dinamiku ħafna minnu nnifsu, l-iżviluppi identifikati fl-Istrateġija jiġu riveduti u aġġornati kull sena, waqt li d-direzzjoni strateġika minnha nnifisha tiġi aġġornata kull sentejn. Il-proposti li fuqhom hija mibnija r-reviżjoni ġew imfassla minn grupp ta’ esperti magħmul minn diversi speċjalisti mill-industrija tat-teknoloġija diġitali u tal-kummerċ elettroniku. L-MCA ikkonsultat ukoll ma’ bosta stakeholders oħra sabiex tiġbor l-opinjonijiet u rakommandazzjonijiet ta’ dawn għal eserċizzju iżjed komprensiv. Din ir-reviżjoni teżamina l-istat kurrenti tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u tindika l-passi li jmiss sabiex ikompli jissaħħaħ is-settur tal-kummerċ elettroniku f’Malta. Dawn huma minbnija fuq sisien imfassla li jħarsu biex dan ikun settur kreattiv, innovattiv, kollaborattiv, u flessibbli. L-erba’ pilastri li fuqhom hija mibnija l-Istrateġija huma: 1. li tkompli tiġġenera l-fiduċja fil-kummerċ elettroniku; 2. li tittrasforma l-intrapriżi ż-żgħar u tgħinhom sabiex huma wkoll jibdew jiffurmaw parti mid-dinja diġitali; 3. li Malta ssir kompetitur globali tal-kummerc elettroniku; u 4. li tgħolli l-livell tal-użu diġital tal-intrapriżi medji. Fost il-bosta miżuri li ġew proposti fir-Reviżjoni, l-Awtorità stabilixxiet żewġ inizjattivi parikulari, li fuqhom qiegħda taħdem bħalissa, sabiex il-miri ta’ dawn il-pilastri jiġu milħuqa u sabiex tagħti imbuttatura lin-negozji ż-żgħar u tiftħilhom iktar bibien għal opportunitajiet ġodda. Waħda minn dawn l-inizjattivi tirreferi għal programm ta’ taħriġ fuq il-kummerċ elettroniku li se jkun ipprovdut fuq pjattaforma onlajn. Dan il-programm ser ikun iffinanzjat minn fondi Ewropej. It-taħrig ser imiss ma’ bosta suġġetti differenti li għandhom xj’jaqsmu mal-kummerċ elettroniku, u ser ikun miftuħ għall-pubbliku ġenerali. Madanakollu, l-għan tal-MCA huwa li tilħaq lill-intrapriżi ż-żgħar u medji sabiex permezz ta’ dan it-taħrig, dawn ikunu kapaċi jirrikonoxxu l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku u jkunu mgħammra bl-għodod neċessarji sabiex jittrasformaw l-operat tagħhom għal wieħed diġitali. Il-programm ser ikun wieħed akkreditat u mqassam fuq medda ta’ ftit xhur. Il-fatt li dan it-taħrig ser ikun pprovdut onlajn jagħmel il-kors iktar aċċessibbli u flessibbli, żewġ benefiċċji ewlenin tad-dinja diġitali li l-MCA taspira li tippromwovi permezz ta’ din l-inizjattiva. Proġett ieħor li fuqu qiegħda taħdem l-MCA huwa l-Fast Trak, li ser jinvolvi sessjonijiet ta’ taħrig qosra fuq l-użu tal-midja soċjali fil-qasam tan-negozju. It-taħrig huwa mmirat lejn il-bejjiegħa ta’ negozji żgħar, bl-għan li fi ftit sigħat, dawn jagħrfu l-importana u l-vantaġġi ta’ presenza onlajn għal business tagħhom u jitgħallmu kif għandhom jagħmlu użu tajjeb minn dawn l-għodod diġitali. Apparti minn hekk, l-għan hu li wara dan il-kors, il-parteċipanti jkunu kapaċi jidentifikaw il-benefiċċji numerużi li jġib miegħu l-użu tal-midja soċjali, inklużi l-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-bejjieġħ u l-klijent, promozzjoni iktar b’saħħitha tal-prodotti, mezz ta’ kif wieħed jista’ jidentifika x’inhuma jagħmlu l-kompetituri tiegħu f’dak is-settur partikulari, u kif il-midja soċjali tagħmilha faċli għall-klijenti sabiex isibu negozju partikulari, u b’hekk, tiġġenera iktar qliegħ għan-negozju. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi l-Awtorita’ hija kommessa li tkompli tkabbar dan is-settur u toħloq opportunijatiet ġodda għan-negozji.

Inizjattiva “repeat prescription”

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti informazzjoni dwar l-inizjattiva tar-repeat prescription? Għal liema kundizzjonijiet qed isiru dawn ir-repeat prescriptions?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sistema tar-repeat prescriptions tintuża għall-mediċini preskritti għall-kontra l-mard kroniku.Għaldaqstant, pazjent jista’ jkollu riċetti preskritti bil-quddiem u ma jkunx hemm għalfejn imur għand it-tabib kull xahrejn għal riċetta ġdida. Permezz ta’ din l-inizzjattiva t-tabib jista’ jagħmel tlett riċetti u b’hekk il-pazjent jista’ jagħmel użu minn dawn ir-riċetti sa perjodu massimu ta’ sitt xhur.

Echocardiogram – żmien attwali ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-preżent x’inhu ż-żmien ta’ stennija (waiting time) għall-echocardiogram? Hemm xi tibdil meta dan jiġi mqabbel mal-waiting time ta’ snin ilu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal proċedura tal-Echocardiogram huwa ta’ ħames xhur. Ninfurmaha ukoll illi proċeduri urġenti jsiru b’mod immedjat. Dan jikkompara tajjeb maż-żmien ta' stennija ta' madwar 3 snin fi snin preċedenti.

Dipartiment tas-Saħħa — konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu n-numru attwali ta’ konsulenti li qed jagħtu servizz lil pazjenti fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru attwali ta’ konsulenti kliniċi huwa 252 fejn ma dawn wieħed irid iżid konsulenti oħrajn fosthom dawk tas-Saħħa Pubblika.

Operazzjoni tal-katarretti – żmien attwali ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu ż-żmien attwali ta’ stennija għal operazzjoni tal-katarretti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal operazzjoni tal-kataretti huwa madwar erbgħa xhur. Tajjeb li nfakkru illi sa ftit tas-snin ilu, taħt amministrazzjoni nazzjonalista ż-żmien ta’ stennija kien tlett snin. Din hija prova ċara ta’ kemm dan il-gvern joffri stabbilita’ u effiċjenza lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Total hip replacement – żmien attwali ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu ż-żmien attwali ta’ stennija għat-total hip replacement?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal operazzjoni tat-total hip replacement huwa madwar 8 xhur. Tajjeb li ngħid illi sa ftit tas-snin ilu kien hemm pazjenti li kien ilhom sa 18-il-sena jistennew għal hip replacement.

MCESD – aġenda ta’ ħidma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet l-aġenda ta’ ħidma tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) matul l-aħħar 12-il xahar u x’riżultati ntlaħqu? Fuq xiex se jkun qed jaħdem il-kunsill fit-12-il xahar li ġejjin? Bl-istess mod, tista’ tgħid x’kienu l-aġendi ta’ ħidma tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex u tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD u x’riżultati ntlaħqu?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Aġenda tal-MCESD tul dawn l-aħħar 12-il xahar kienet tinkludi il-Proposti tal-MCESD għall-Baġit, iz-zieda fil-Paga Minima, l-Att dwar l-Ugwaljanza, il-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali u l-kunċett ta’ Paga Indaqs għal Xogħol Indaqs. Saret ukoll laqgħa mal-President tal-EESC bi tħejjija għal-laqgħat ta’ matul il-Presidenza fl-ewwel sitt xhur tal-2017, laqgħat dwar il-pjan ta’ ħidma tal-MCESD għal dawn it-tlett snin li ġejjin kif ukoll ħidma dwar il-formulazzjoni ta’ mizuri relatati mal-Baġit 2018 li joħorġu minn proċess ta’ konsultazzjoni fl-MCESD u ġew ipprezentati lill-Ministru għall-Finanzi fl-aħħar ta’ Awwissu 2017. Fit-tnax-il xahar li ġejjin, l-MCESD se jiffoka fuq numru ta’ suġġetti. Diġà ġew imwaqqfa tlett gruppi tekniċi li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet differenti. L-ewwel Grupp ta’ Ħidma qed jittratta l-kompetittività tal-intraprizi zgħar u mikro u jindirizza l-ostakli għalihom biex ikunu jistgħu jespandu. It-tieni grupp ta’ ħidma qed jittratta l-kwistjoni ta’ paga indaqs għal xogħol indaqs biex jiġi zgurat li impjegati fl-istess post tax-xogħol jingħataw paga indaqs. It-tielet grupp ta’ ħidma qed jittratta l-Leave tal-Ġenituri u Mizuri Favur il-Familja. Dan il-grupp ta’ ħidma jmexxi wkoll diskussjonijiet marbuta maż-żieda tal-vaganzi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa mal-ġranet tal- leave. Rigward il-ħidma tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex, mill-2016 sal-lum, saru ħmistax-il laqgħa tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex (GRC). L-aġenda ta’ dawn il-laqgħat kient tkopri kwistjonijiet relevanti għal Għawdex, fosthom proposti għall-Baġit 2017, l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport u l-Master Plan kif ukoll l-involviment t’Għawdex fil-Presidenza tal-UE. Saret ukoll prezentazzjoni u diskussjoni dwar l-izviluppi ekonomiċi u soċjali f’Għawdex inkluzi t-taħdidiet u l-opportunitajiet iffaċċjati mill-gzira reġjun. Rigward il-ħidma tal-Kumitat għas-Soċjeta Ċivili (KSĊ) fi ħdan l-MCESD, dan iltaqa’ kull tieni Tnejn tax-xahar. Saru sitt laqgħat li fihom ġew diskussi numru ta’ suġġetti fosthom il-faqar, dwar il-paga minima, skemi tal-pensjonijiet, litterizmu finanzjarju, l-ekonomija s-sewda, is-Sigurtà Soċjali, l-ugwaljanza tal-ġeneru, il-COLA u l-kera.

Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea – involviment tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-involviment tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Bejn it-22 u 23 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali organizza f’Malta l-laqgħa annwali tal-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali tal-Economic Social Committee (ESCs) nazzjonali tal-UE u tal-European Economic Social Committee (EESC). Infurmata li għal din il-laqgħa attendew ’l fuq minn 40 parteċipant li rrappreżentaw 16-il ESC nazzjonali. Din il-laqgħa ffukat fuq it-temi tal-ġustizzja, l-inklużjoni u l-effiċjenza fis-swieq tax-xogħol. Il-parteċipanti kienu mistiedna jaqsmu prattiċi tajba li minnhom ħarġu diversi konklużjonijiet sinifikanti.

Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali — ftehim dwar reviżjoni tal-Paga Minima

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-involviment tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fil-kuntest tal-ftehim milħuq dwar ir-reviżjoni tal-Paga Minima nazzjonali?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-rwol tal-MCESD fir-reviżjoni tal-paga minima kien kruċjali biex jiġi stabbilit il-proċess ta’ diskussjonijiet bejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet konċernati, bil-għan li titfassal proposta fl-interess ta’ dawk kollha involuti.
Leg 13 PQ #1538 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MCA – anzjani li ma jkunux maqtugħin mid-dinja diġitali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’għamlet s’issa l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) biex l-anzjani ma jkunux maqtugħin mid-dinja diġitali u b’hekk ukoll jibdew jieħdu sehem b’mod aktar sħiħ fil-ħajja personali u soċjali tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Sa mill-bidu nett tal-ħidma tagħha fil-qasam tal - inklużjoni diġitali , l-anzjani kienu mira ewlenija tal Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA). Dan kien għaliex propju li fil- bidu nett ta’ din il-ħidma, l-figuri ta’ dawk li ma kienux jagħmlu użu mill-Internet fost dawk li għandhom iktar minn 55 sena, kienet ta’ 82% , figura li kienet ferm iktar għolja mill-medja Ewropeja ippublikata mill-Kummissjoni Ewropea għall-istess żmien. Sitwazzjoni kemm xejn simili kienet teżisti wkoll fir-rigward tal-użu tal-kummerċ elektroniku fejn 42% biss kienu jagħmlu użu min din il- faċilita u l-vantaġġi li jġġib miegħu dan il-forma ta’ kummerċ. L-MCA wettqet numru ta’ inizjattivi sabiex tittejjeb din is-sitwazzjoni speċjalment permezz ta’ sensiela ta’ programmi ta’ taħriġ li ġew varati minn żmien għal żmien. Dan wassal f’titjib sotanzjali kif konfermat mill-istatistka maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2016, il-persentaġġ ta’ persuni li għandhom ikar minn 55 sena li ma jużawx l-Internet niżel għal 48%, filwaqt dawk li li jagħmlu użu min xi forma ta’ kummerċ elettroniku tela’ għall 65%. Fost l-inzjattivi li l-iktar li għamlu differenza kien hemm taħriġ fil-ħiliet bażiċi tal-użu tal-kompjuter lil madwar 4,500 ċittadin, li parti minnhom kienu persuni li jaqgħu fil-kategorija imsemmija. Dan issarraf f’ total ta’ il fuq minn 100,000 siegħa ta’ taħriġ. ‘Leħen Diġitali’ kien kors ieħor li ħarreġ madwar 1,500 anzjan permezz tat-tablets filwaqt li madwar 500 anzjan ieħor ingħataw taħriġ dwar ix-xiri online. Taħriġ ieħor, li wkoll kien immirat primarjament għall-anzjani, kellu l-iskop biex jinkkoraġixxi l-anzjani jużaw aktar is-servizzi bankarji permezz tal-internet. Waħda mill-aħħar inizjattivi kien taħriġ fl-użu iktar produttiv tal-ismartphone li għalih attendew ‘il fuq minn 1,000 anzjan u anzjana. Fil-fatt l-MCA se toffri sensiela ta’ taħriġ ieħor fuq l-użu tal-Internet lil madwar 2,000 persuna oħra. Dan qed isir b’ kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva.
Leg 13 PQ #1539 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Teknoloġija – 5G

Question

Peress li l-Gvern għadu kemm iffirma dikjarazzjoni li tikkonferma li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea huma kommessi li jaħdmu biex l-Ewropa ssir suq ewlieni għat-teknoloġija 5G, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jippromwovi l-investiment u l-innovazzjoni f’din it-teknoloġija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-impenn tal-Gvern biex Malta tkun fost l-aqwa anke fis-settur tat-teknoloġija, kien ikkonfermat meta il-Gvern iffirma id-dikjarazzjoni imsemmija fil-mistoqsija magħmula mill-interpellant. Dan jikkonferma d-determinazzjoni tal-Gvern biex Malta tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tal-innovazzjoni fit-teknoloġija tal-broadband veloċi, ultra-veloċi u “5G”. Sa mil-bidu ta’ din is-sena, il-Gvern beda ħidma intensiva relatata ma l-investiment u l-innovazzjoni f’ teknoloġiji ġodda li jistgħu jwasslu għal tkabbir ekonomiku u titjib fil-kwalità tal-ħajja. Ta’ min wieħed isemmi li fuq livell Ewropew, il-Presidenza Maltija rnexxiela tagħlaq kapitlu ewlieni li jarmoniżża l-banda ta’ frekwenzi msemmija bħala 700 MHz (megahertz) għal servizzi “5G”. Fost l-oħrajn, din il-banda tippermetti l-introduzzjoni ta’ servizzi innovattivi diġitali kif ukoll tiffaċilita il-ġarr ta’ traffiku ta’ broadband fuq teknoloġiji wireless , liema traffiku qiegħed jiżdied b’rata mgħaġġla. Għal dan il-għan, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) qed taħdem sabiex Malta tkun tista’ toffri l-aċċess għal din ir-riżorsa importanti fl-iqsar żmien possibbli. ¯viluppi fis-settur tal-komunikazzjoni, joffru numru ta’ sfidi ġodda fir-rigward ta’ implimentazzjoni u anke amministrazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji. Il-Gvern, bl-għajnuna tal-MCA, qed jaħdem bi sħieħ sabiex jassigura li l-qafas meħtieg biex jkunu jistgħu joperaw dawn it-teknoloġiji ġodda, ikun mwettaq fil-ħin. L-MCA qed tniedi diversi inizzjattivi biex tassigura li radio spectrum neċessarju għall-iżvilupp u l-investiment fit-teknoloġiji ġodda, ikunu disponibbli bl-aktar mod ġust u effiċjenti. Dan il-qafas ta’ xogħol qed isir mhux biss fir-rigward tas-700 Mhz li irreferejt għalih qabel, imma kif ukoll fuq firxa ta’ radio spectrum bands eżistenti oħra jew li ser jiġu iddentifikati fiż-żmien qarib għall-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda, inkluża it-teknoloġija tal-“5G”. Għaldaqstant, l-MCA diġà nehdiet pjan ta’ ħidma biex tkun tista’ toffri frekwenzi tar-radju ġodda għal servizzi innovativi wireless bħal-“5G”, kemm għall-operaturi biex jipprovdu servizzi kummerċjali kif ukoll għal diversi entitajiet interessati biex jagħmlu testijiet u provi ta’ natura pre-kummerċjali. Dan għandu jiffaċilita żvilupp ta’ l-aqwa servizzi ta’ kommunikazzjoni diġitali biex jiġu offruti fis-suq lokali. L-MCA ikkonkludiet ukoll xogħol fuq qafas ta’ liċenzjar ta’ frekwenzi għat-testijiet u prova ta’ teknoloġiji ġodda u innovattivi. Matul din is-sena diversi entitajiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali għamlu użu minn dan il-qafas biex jiżvilluppaw is-servizzi ġodda tagħhom. Din il-ħidma ser tissokta fix-xhur li ġejjin anki permezz ta’ inizjattivi ġodda li qed jiġu studjati bil-għan li nkomplu niffaċilitaw l-iżvilupp ta’ servizzi tal- broadband veloċi, ultra-veloċi u “5G”.
Leg 13 PQ #1540 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni – tech startups

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’qed isir mill-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni (MCA) biex ikun hemm attività ekonomika ġdida fir-rigward ta’ tech startups?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fl-2014 il-Gvern ħass il-ħtieġa li jdaħħal fis-seħħ emendi fil-liġi tal-MCA li fost oħrajn taw poter lil din l-Awtorità biex tippromwovi u tmexxi ’l quddiem lil Malta bħala destinazzjoni għall-utenti ta’ valur kummerċjali għoli fir-rigward tal-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni u tal-ICT. Dan ir-rwol ta’ faċilitatur għall-innovazzjoni, jikkumplimenta rwoli oħra li għandha l-Awtorità, jiġifieri dak tradizzjonali ta’ regolatur tas-settur tal-komunikazzjoni u tal-posta, kif ukoll il-mandat li għandha biex tavvanza l-kummerċ elettroniku u l-information society. Kien għalhekk li twaqqfet funzjoni ġdida fi ħdan l-istess Awtorità, dik ta’ Business and Innovation Development maħluqa appositament biex taqdi din il-funzjoni il-ġdida. Għaldaqstant l-Awtorità imbarkat fuq programm ta’ attività li jinkludi l-inizjattivi kif elenkat hawn taħt: 1. Din is-sena ġie ippubblikat ir-riżultat ta’ studju dwar kif l-ekosistema Maltija għal negozji diġitali, partikularment tech startups, tikkompara ma’ ekosistemi oħra madwar id-dinja. Dan kien riżultat ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità u Startup Genome, aġenzija Amerikana speċjalizzata f’dan il-qasam. L-istudju wera biċ-ċar il-potenzjal li Malta għandha biex tattira aktar tech startups lejn xtutha . Il-valur tal-ekosistema Maltija huwa stmat madwar €770 miljun. 2. L-Awtorità qiegħda tiżviluppa qafas ta’ politika ħolistika immirata sabiex tgħin il-gvern ikabbar ekosistema ta’ tech startups f’Malta u kif din għanda tirrifletti f’aktar attività ekonomika. 3. Bil-parteċipazzjoni tagħha f’fora medjatiċi u workshops , l-Awtorità qiegħda wkoll tgħin sabiex jiżdied l-għarfien fost l-i stakeholders kollha dwar ir-realtajiet speċifiċi u uniċi li jiġu affaċċjati mill-i startups f’Malta. Dan qed isir flimkien ma’ attività li qed twassal għal aktar kuntatt u djalogu bejn l-i stakeholders ewlenin tal-ekonomija diġitali. Eżempju ta’ dan hija l-konferenza annwali ZEST li mhux biss tattira interessi lokali f’dan il-qasam, iżda wkoll tiġbed l-interess ta’ intraprendituri, talent, u investituri barranin minn ekosistemi stabbiliti. 4. L-Awtorità qiegħda wkoll taħdem sabiex tagħti ‘l Malta aktar viżibilità fuq livell internazzjonali. Dan qed isir permezz ta’ riżorsi promozzjonali li ġew żviluppati mil-Awtorità bl-għajnuna ta’ intrapriżi li qed jagħmlu suċċess fil-qasam diġitali. Barra minn hekk, fl-2016 l-Awtorità wkoll irrappreżentat lil Malta fil-konferenza Web Summit ġewwa Lisbona, flimkien mal-MIMCOL u TradeMalta. B’mod rikorrenti, l-Awtorità qiegħda wkoll taqdi l-funzjoni ta’ focal point għal intraprendituri u investituri b’interess li jiftħu n-negozju diġitali tagħhom jew jinvestu f’Malta. 5. Flimkien ma’ msieħba oħra inkluż l-Università, id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l- Junior Achievement Young Enterprise , l-Awtorità qed tippromwovi l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ Maltin. F’dar-rigward, iktar tard din is-sena l- Awtorità ser torganizza it-tielet edizzjoni tal-konferenza annwali Budding Rockstars immirata għal high achievers fl-aħħar sena sekondarja fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Din il-ħidma qiegħda tgħin biex f’Malta ikun hawn aktar intrapriżi diġitali, hekk imsejħa tech startups , li joperaw minn Malta b’ambizzjoni li jservu swieq globali.

Marda tas-Siġar — Xylella fastidiosa- miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħif dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu biex il-pubbliku jkun iktar infurmat dwar ir-riskji tal-marda tas-siġar Xylella Fastidiosa li qiegħda teqred is-siġar taż-żebbuġ fl-Italja?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti fi ħdan id-Diviżjoni għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti qed iwettaq kampanja ta’ informazzjoni biex iżid l-għarfien dwar il-mard Xylella fastidiosa u jqajjem kuxjenza dwar ir-riskju ta’ dħul ta’ din il-marda ġewwa Malta, li tnediet fl-2016. Din il-kampanja hija mmirata lejn il-pubbliku inġenerali b’attenzjoni partikolari għall-vjaġġaturi, peress li dan il-pesti jista’ jkun preżenti fil-pjanti mingħajr sintomi u għalhekk il-moviment ta’ pjanti minn pajjiżi fejn dan l-organiżmu huwa preżenti jippreżenta riskju. Il-messaġġ prinċipali tal-kampanja li huwa wkoll assoċċjat ma’ karattru li ġie żviluppat apposta, huwa li meta jsiefer, wieħed ma għandux iġib miegħu xitel ta’ pjanti. Għas-snin 2016 u 2017 il-Gvern ivvotta €110,000 għal din il-kampanja li parti min-nefqa qed tiġi ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea.

Laboratorju Veterinarju Nazzjonali — akkreditazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali ġie akkreditat skont ISO/IEC 17025 u xi tfisser din l-akkreditazzjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali jaħdem sabiex jissalvagwardja s-saħħa tal-annimal kif ukoll is-saħħa pubblika. L-irwol ewlieni tal-Laboratorju huwa l-kontroll u s-sikurezza fil-produzzjoni primarja tal-ikel li joriġina mill-annimali. F'April tal-2015, il-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali kiseb l-akkreditazzjoni skont l-Istandard Internazzjonali ISO 17025. Dan l-istandard ikopri ir-rekwiżiti għall-kompetenza tal-laboratorji. F'ħafna pajjiżi ewlenin, inkluż fi ħdan l-Unjoni Ewropea, laboratorju ikun jitqies bħala teknikament kompetenti jekk ikollu l-akkreditazzjoni għal dan l-istandard. Sal-lum il-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali kiseb l-akkreditazzjoni għal ħames testijiet li jinkludu: l-i screening ta' l-Antibijotiċi fil-bajd u l-laħam; l-analiżi ta' Sulphanamides fil-ħalib, bajd u laħam; l-analiżi tat-' Trichinella '; l-analiżi tas-' Salmonella ', u l-analiżi tal- presenza ta' antibijotiċi. Il-kisba tal-akkreditazzjoni tkompli ssaħħaħ il-kompetenza, l-imparzjalità, u l-integrità operattiva ta' dan il-Laboratorju. F'dan ir-rigward il-Laboratorju jibqa’ jaħdem sabiex jibqa’ jagħti servizz ta' kwalità kif ukoll jibqa’ jikkontribwixxi s-servizzi tiegħu għas-saħħa pubblika.

Testijiet biex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il test sar matul l-2016 mis-servizzi veterinarji biex jissalvagwardja s-saħħa tal-annimali, kif ukoll is-saħħa pubblika fil-gżejjer Maltin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Stħarriġ u monitoraġġ fuq organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti – fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2015 s’issa, biex ikompli jsir stħarriġ u monitoraġġ fuq organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2015, skont il-liġi li ġiet ippublikata fil-15 ta’ Mejju 2015, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti ġie mogħti finanzjament sabiex iwettaq stħarriġ annwali dwar il-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti fit-territorju Malti, li jammonta għat-total ta' €394,000 għas-snin 2015, 2016 u 2017 hekk kif ġej:- 2015: €85,000 (50% of €170,000) 2016: €141,000 (75% of €187,000) 2017: €168,000 (75% of €224,000)

Inventarju ta’ Siġar tat-Tin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif fuq il-progress li sar biex jiġi stabbilit inventarju ta’ siġar tat-tin? Kemm hemm bdiewa inklużi f’dan l-inventarju u kemm siġar tat-tin ġew irreġistrati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Mejju tal-2016 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti nieda eżerċizzju ta' reġistrazzjoni tas-siġar tat-tin bil-għan li jinħoloq inventarju li jindika n-numru ta' siġar tat-tin u l-firxa tagħhom fil-gżejjer Maltin. L-istħarriġ ippermetta wkoll studju xjentifiku dwar it-tkabbir ta' din is-siġra u l-mard li jattakha. Fil-perjodu ta' reġistrazzjoni li kien miftuħ bejn April u Settembru 2016, ġew reġistrati madwar 20,000 siġra tat-tin minn 2,800 bidwi. L-informazzjoni li nġabret waqt il-perjodu tar-reġistrazzjoni tas-siġar tat-tin qegħda tiġi diġitalizzata fis-sistema ġejografika li għandu d-Direttorat.
Leg 13 PQ #1370 Sitting 22 2017-10-03 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Żoni kummerċjali – nuqqas ta’ parkeġġ

Question

Hekk kif kulma jmur qed tkompli tiżdied il-problema tan-nuqqas ta’ parkeġġ f’pajjiżna, mhux l-inqas u b’mod partikolari f’lokalitajiet fejn hemm żoni kummerċjali, jista’ jindika x’qed isir f’dan ir-rigward biex tittaffa din il-problema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attwalment Projects Malta u Projects Plus qed jaħdmu fuq diversi proġetti ta’ ħolqien ta’ parkeġġi ġodda f’lokalitajiet differenti f’pajjiżna.

Skema tal-Glucose Sticks

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta bdiet l-iskema tal-glucose sticks b’xejn u kif se tiġi mifruxa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2016 l-iskema tal-glucose sticks b’xejn ġiet estiża sabiex tkopri l-pazjenti kollha li jbatu mid-dijabete tat-Tip 1 irrispettivament mill-eta’ tagħhom u qegħdin jirċievu sa 4 glucose sticks kuljum bla ħlas.Sal-aħħar ta’ din is-sena kull pażjent li jbati mid-Dijabete tat-Tip 2 fuq l-insulina se jkun qed jingħata monitor taż-żokkor fid-demm u sa 4 glucose monitoring sticks kuljum mingħajr ħlas. Din l-inizzjattiva bdiet fis-17 ta’Lulju tal- 2017 permezz ta’ proġett pilota għal pazjenti rreġistrati ma’ spiżeriji fil-komunita’ f'4 lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Matul ix-xhur li ġejjin u l-aħħar ta’ din is-sena, din l-iskema se tkompli tiġi mifruxa mal-lokalitajiet kollha. Għaldaqstant, pazjenti ntitolati qegħdin jirċievu ittra ta’ intitolament mis- Central Procurement and Supplies Unit (CPSU), kif ukoll ittra ta' informazzjoni mill- Pharmacy of Your Choice (POYC). Il-pazjent għandu jippreżenta dawn id-dokumenti fl-ispiżerija li huwa rreġistrat, flimkien mar-riċetta tat-tabib li tindika n-numru ta’ drabi kemm il-pazjent huwa rrakkomandat li jiċċekkja l-livelli taz-zokkor fid-demm sa 4 glucose sticks kuljum. L-istess pazjenti qed ikunu mħeġġa biex iżommu rekord tal-qari taz-zokkor fid-demm tagħhom kif spjegat fil-fuljett b’informazzjoni li tingħata lil kull pazjent. Għas-sena 2018 għaddejjin id-diskussjonijiet sabiex ukoll jibdew jingħataw monitors u glucose sticks lil dawk il-pazjenti tad-Dijabete Tip 2 li qed jirċievu xi trattament ieħor (mhux insulina).