Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Primarja ta’ San Ġorg – lift għal persuni b’diżabilità f’siġġu tar-roti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4365 dwar il-bżonn li jsir lift minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ, jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun kbir dan l-imsemmi platform lift u fejn hemm il-ħsieb li jiġi stallat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-daqs u l-post eżatt fejn se jkun installat il-platform lift huma indikati fil-pjanta li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola Primarja ta’ San Ġorġ – xogħol ta’ tisbiħ u mmodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsir xogħol ta’ tisbiħ u mmodernizzar fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada dwar proġett ta' tisbiħ u mmodernizzar f'din l-iskola.

Skola Primarja ta’ San Ġorg – lift għal persuni b’diżabilità f’siġġu tar-roti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi nstallat lift fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ hekk kif attwalment hemm persuna b’diżabilità f’siġġu tar-roti u hemm nuqqas qawwi ta’ aċċessibilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada (FTS) se tkun qiegħda tinstalla platform lift fuq barra tal-iskola. Bħalissa l-FTS qiegħda tistenna l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Skola Primarja San Ġorġ – estensjoni tal-Iskola Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir estensjoni tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ hekk kif il-popolazzjoni tal-iskola qiegħda tikber??

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada għaddejja b'diskussjonijiet dwar dan il-proġett.

Ħal Qormi – Ċimiterju tar-Reżurezzjoni – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta mistenni jibda x-xogħol bżonnjuż ta’ manutenzjoni fiċ-Ċimiterju tar-Reżurezzjoni f’Ħal Qormi (fil-parti ta’ San Sebastjan) hekk kif hemm problema kbira ta’ ilma li qed iżomm fil-passaġġi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi ppreparat rapport minn persuna teknika biex wieħed jara kif l-imsemmija problema tista’ tissolva.
Leg 13 PQ #4280 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – ingaġġ ta’ individwu bejn l-2003 u l-2012

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’karigi kellu l-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separtament fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn l-2003 u l-2012, id-dati ta’ meta kien ingaġġat f’dawn il-karigi u l-kundizzjonijiet li taħthom kien ingaġġat? Jista’ wkoll jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju li kellu l-istess individwu u ta’ kull ħaġa oħra li kien intitolat għaliha skont il-kuntratt li kellu mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor. Interpellant kien ingaġġat bħala person of trust fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt żewġ amministrazzjonijiet precedenti Nazzjonalisti, l-ewwel darba fl-2003 u t-tieni darba fl-2008. Fit-12 ta’ Novembru 2003, l-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor. Interpellant kien ingaġġat fi hdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bhala person of trust fl-irwol ta’ Projects Co-ordinator. Huwa kellu salarju ta’ skala 6 (€19,162), allowance ta’ 20% ta’ skala 7 (€3,675), car allowance ta’ €1,864 u telephone allowance ta’ €524. Dan il-kuntratt ġie fi tmiemu fl-24 ta’ Marzu 2004 bħala rizultat tal-bidla li saret dak iz-zmien fil-persuna li kien jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru. Fuq il-bazi tal-kuntratt li kien iffirma 4 xhur qabel, l-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor Interpellant ingħata kumpens ta’ €10,402 minhabba din il-bidla fil-Prim Ministru. L-istess individwu reġa ffirma kuntratt fl-1 ta’ Frar 2008 biex gie ingaġġat fi hdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala person of trust din id-darba fl-irwol ta’ konsulent legali part-time. Il-kuntratt dahal fis-sehh b’lura, mill-1 ta’ Settembru 2007. Huwa kien marbut li jaħdem minimu ta’ 25 siegha fil-gimgha b’salarju ta’ €20,271. Fil-kuntratt kien hemm imnizzel b’mod speċifiku li x-xogħol li kien jagħmel, l-ewwel mad-ditta legali Aquilina Portelli Advocates u wara fil-prattika privata, ma kienx meqjus bhala f’kunflitt max-xogħol legali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fl-10 ta’ Dicembru 2012, l-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor Interpellant, iffirma kuntratt ġdid mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li fih iddahhal paragrafu li tah id-dritt b’sehh lura mill-2007, għal kumpens f’kaz ta’ bidla fil-gvern jew fil-Prim Ministru.

Avukat Ġenerali – rwol ta’ prosekutur ewlieni

Question

Peress li qegħdin isiru ħafna allegazzjonijiet fis-sens li f'Malta hawn kriżi istituzzjonali sistemika li ġejja mill-fatt li l-Avukat Ġenerali għandu rwol kemm ta’ prosekutur ewlieni kif ukoll rwol ta’ konsulent legali ewlieni tal-Gvern, jista' l-Ministru jiċċara jekk ir-rwol tal-Avukat Ġenerali bħala konsulent legali tal-Gvern ifissirx li huwa b'xi mod obbligat li jagħti pariri personali lill-Ministri jew lill-uffiċjali pubbliċi f'materja li tmiss kwistjonijiet personali jew il-liġi kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Avukat Ġenerali jagħti pariri lill-Gvern bħala istituzzjoni u ma għandu ebda rwol f’ kwistjonijiet ta’ natura personali ta' Ministri jew ta' impjegati oħra tal- Gvern. Dan tant hu hekk illi anke meta impjegat pubbliku jitressaq quddiem qorti krimnali minħabba xi ħaġa magħmula fil-kors tax-xogħol tiegħu huwa dejjem jigi dirett biex iqabbad avukat privat. F’każijiet hekk il-Gvern jidhol biss biex jiggarantixxi d-difiża tal-impjegat bi ħlas ta’ ammont ragjonevoli ta spejjez. Pero jekk il-akkuza tkun dwar nuqqas li ma jkollux x jaqsam mat-twettiq ta' dmirijiet pubbliċi l-Gvern ma jidħol xejn. Infakkar li l-Ufficju ta' l-Avukat Generali spiss jigi sottomess ghal skrutinju minn entitajiet internazzjonali bhall-GRECO u l-Kummissjoni Ewropea u qatt ma ġie senjalata din id-diffikulta' li qed titqanqal minn xi whud. Wara kollox huma diversi l-gurisdizzjonijiet u pajjizi bi storja ta' demokrazija u rule of law b'saħħithom ħafna li għandhom l-istess sistema bħal tagħna.

Awtorità tal-Artijiet – sistema ta’ accounting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sistema ta’ accounting tintuża mill-Awtorità tal-Artijiet u xi pjani hemm għall-futur?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet għadha qed tagħmel użu mis-sistema ċentralizzata tal-Gvern, dik tad-DAS. Huwa ppjanat li sa l-aħħar tas-sena l-Awtorità tkun tista taqleb għal sistema li tkun għall-użu tal-Awtorità biss.

Awtorità tal-Artijiet – Fondi Ewropej għall-programmi tal-informatika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet hijiex f’pożizzjoni li tibbenefika minn Fondi Ewropej għall-programmi tal-informatika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ l-Artijiet qiegħda f’diskussjonijiet avvanzati sabiex l-investiment li għandu jsir fis-snin li ġejjin fuq programmi, sistemi u hardware tal-informatika tibbenefika għalihom minn Fondi Ewropej.

Awtorità tal-Artijiet – investiment ġdid fl-informatika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal l-investiment il-ġdid fl-informatika fl-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Awtorita ħarġet sejħa għall-offerti sabiex tingaġġa konsulenti sabiex iseħħ “a high level organisation and business systems review” li minnu jiġi determinat in-nuqqasijiet u bżonnijiet tal-Awtorità fil-qasam tal-informatika. Hu maħsub li sal-aħħar tas-sena toħroġ sejħa internazzjonali sabiex jinstab dak is-software addattat għal bżonnijiet ta’ l-Awtorità.

Awtorità tal-Artijiet – ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fl-Awtorità tal-Artijiet, maqsumin bejn nisa u rġiel, sal-aħħar tal-2012 u sal-aħħar tal-2016? Jista jgħid jekk dawn humiex biżżejjed u x’inhuma l-pjani għat-tliet snin li ġejjin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fl-2012 kien hemm mija u erbatax (114) rġiel u wieħed u ħamsin (51) nisa jaħdmu fl-Awtorità tal-Artijiet filwaqt li fl-2016 in-numru kien għal sebgħa u tmenin (87) rġiel u sitta’ u tletin (36) mara. L-Awtorita għanda pjanijiet li żżid l-impjegati sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha aħjar, b’aktar effiċjenza, kontabilita u trasparenza. Għal dan il-għan l-Awtorita għandha pjan li fuq it-tliet snin li ġejjien iżżid l-impjegati taghha. Dawn ser jiżdiedu f’kull dipartiment u direttorat minħabba n-nuqqas serju li jeżisti.

Awtorità tal-Artijiet – skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi hemm miftuħin jew li għadhom m’għalqux u xi skemi biħsiebha tiftaħ l-Awtorità tal-Artijiet fil-ġejjieni? Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha files l-Awtorità tal-Artijiet u jekk dawn humiex diġitalizzati u, jekk le, hemmx ħsieb li dawn jiġu diġitalizzati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikazzjonijiet għall-iskemi ingħalqu kollha iżda għadhom qed jiġu proċessati. Dawn jinkludu l-iskema tal-qbiela, skema tal-garaxxijiet li kienu jinsabu fiż-żoni tal-qasam tad-djar tal-Gvern, ħwienet tal-Belt Valletta u fidi ta’ ċnus temporanji għal residenza ordinarja u villeġġjaturi. L-Awtorita fiż-żmien li ġej ser tkun qed toħroġ skemi ġodda hekk kif imħabbar fl-aħħar baġit. Dawn jinkludu skema tal-ħwienet għal Malta u Għawdex kollu u għal min għandu proprjeta’ tal-gvern b'titolu ta' ċens temporanju, fejn il-perjodu ta' ċens skada jew wasal biex jiskadi, ser toħrog skema sabiex ikollu l-perjodu ta' ċens ieħor bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċens originali, ħlief għal ħlas ta' ċens li jrid jiġi stmat mill-ġdid. L-Awtorità għandha madwar 250,000 file li ftit minnhom huma diġitalizzati. L-Awtorità qed tagħmel eżerċizzju sabiex jibda proġett li jiġu diġitalizzati l-files kollha tal-Awtorità.

Dipartiment tal-Inforzar fl-Awtorità tal-Artijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu attrezzat id-Dipartiment tal-Inforzar fl-Awtorità tal-Artijiet, il-funzjonijiet ta’ dan id-dipartiment u xi pjani hemm biex ittejjeb ħidmietu u r-riżorsi allokati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament is-sezzjoni ta’ l-infurzar hija komposta minn ħames uffiċjali, inkluż Direttur. L-Awtorità qiegħda timpennja ruħha sabiex issaħħaħ is-sezzjoni tal-infurzar biex tkun tista taqdi l-funzjonijiet tal-infurzar b’aktar effiċjenza. Għal dan il-għan L-Awtorità’ qiegħda fil-proċess li tingaġġa numru ta’ uffiċjali oħra, uħud minnhom klerikali, fi ħdan is-sezzjoni. Fost il-funzjonijiet ta’ din is-sezzjoni hemm li jara li jitħarsu l-permessi kollha maħrugarelatati mal-Awtorità tal-Artijiet, għal Malta u Għawdex.

WSC – ċertifikazzjoni ta’ kwalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ċertifikazzjoni ta’ kwalità tħaddan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħaddan ċertifikazzjoni ta’ ISO9001 fuq l-operat kollu tagħha u l-postijiet tal-operat tagħha. Għandha wkoll ċertifikat ta’ l- ISO14001 fi tlett postijiet speċifiċi u l-operat li jsir fihom, li huma l-operat kollu li jsir f’Ħal Luqa Head Office, dak li jsir f’ Kandja Pumping Station kif ukoll fl-impjant ta’ Pembroke. Iż-żewġ ċertifikazzjonijiet ingħataw mill-kumpanija SGS UK Ltd. Apparti minn hekk il-laboratorju fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huwa ukoll laboratorju akkreditat għal- ISO17025 mill-NAB-MALTA.

Ilma tax-xorb — Testijiet fuq ilma li jasal fid-djar tal-konsumaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ testijiet isiru fuq l-ilma tax-xorb li jasal fid-djar tal-konsumaturi? Kemm il-kampjun ittieħed matul is-sena 2016 u kemm-il test sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma tax-xorb li jasal fid-djar tal-konsumaturi huwa ċċekkjat għall-kwalità skont ma’ titlob id-direttiva tal-ilma tax-xorb tal-Unjoni Ewropea li hija wkoll il-Liġi Maltija. It-testijiet li jsiru huma ta’ natura kimika u fiżika kif ukoll mikrobioloġika. Matul is-sena 2016 ġew ittestjati 1,304 kampjun minn diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u dawn irriżultaw f’ 27,724 ta’ testijiet speċifiċi.

Direttorat tat-Teknoloġija u l-Informatika – investiment mill-Water Services Corporation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fid-Direttorat tat-Teknoloġija u l-Informatika? X’kien ir-riżultat ta’ dan l-investiment?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul dawn l-aħħar snin, fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nbena 'team' speċjaliżżat fl-informatika. L-għan ewlieni kien li jsir 'knowledge transfer' mingħand il-kuntrattur ewlieni li kien jagħti support lill-Korporazzjoni u jiġu ffrankati ħafna flus. Bis-saħħa ta’ dan it-team, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma naqqset ħafna d-dipendenza fuq il-kuntrattur ewlieni u ġew frankati miljuni ta' ewro li kienu jintefqu fuq 'support' tas-sistema. Mis-sena d-dieħla l-Korporazzjoni ser tkompli tinvesti aktar sabiex isir 'upgrade' tas-sistema u l-infrastruttura tal-Automated Meter Management (AMM).

Telf ta’ ilma li jkun ġej minn serq jew problemi ta’ ħsarat fil-meters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jitnaqqas it-telf ta’ ilma li jkun ġej minn serq u/jew problemi ta’ ħsarat fil-meters? Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dwar kemm saru spezzjonijiet mill-Korporazzjoni relatati ma’ serq tal-ilma fl-2016 u sad-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-direttorat tal-informatika, ġie mwaqqaf team li jiffoka fuq l-analiżi tad-'data' li tkun dieħla mis-sistema tal-Automated Meter Management. Dan it-team iħares u janaliżża d-data tal-konsum tal-meters fuq perjodi differenti u jiġu identifikati dawk il-meters li jkun jeħtieġ isirilhom spezzjonar. Wara li ssir l-ispezzjoni, dan it-team ikompli jsegwi dawn il-każijiet sabiex jassigura ruħu li l-problema ġiet solvutha u l-konsum reġistrat huwa dak korrett. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2016 għamlet 684 spezzjoni relatati ma’ serq tal-ilma filwaqt li minn Jannar sa’ Lulju 2017 diġa kienet għamlet 597 spezzjoni.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – pjan fil-qasam tal-enerġija rinovabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-qasam tal-enerġija rinovabbli?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li din is-sena jiġi ffinaliżżat il-proġett ta’ communal solar farmfuq il-bejt tal-ġibjun tal-Fiddien, fejn sejjer jiġi ġġenerat 1 megawatt peak ta’ Enerġija fis-sena li minnu sejrin igawdu madwar 370 familja, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tara x’possibiltajiet hemm biex issib iktar spazji biex tutiliżżahom ħalli jiġu nstallati aktar panelli fotovoltaiċi bil-ħsieb li għas-sena d-dieħla, Malta tkun tista’ tgawdi minn aktar minn 2 megawatt fis-sena ta’ enerġija rinovabbli oħra.

Awtorità tal-Artijiet – sistemi preżenti tal-informatika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma s-sistemi preżenti tal-informatika u dawk maħsubin għall-futur fl-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li preżentament l-Awtorita ta’ l-Artijiet tagħmel u¿u min diversi sistemi li ilhom jintużaw għal snin twal, u li teknoloġikament wasslu fl-“end of life cycle“ taghhom, teknoloġija li spiċċat u m’għadix tiġi żviluppata.Għalhekk l-Awtorita beħsieba tinvesti sostanzjalment fi xhur u snin li ġejjin sabiex tkun tista taqdi il-funzjonijiet tagħha b’effiċenzja, kontabilta’ u trasparenza. Dawn jinkludu sistema integrata sħiħa li tkopri kull direttorat u funzjoni ta’ l-Awtorita.