Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Triq San Ġwakkin – xogħol

Question

Peress li Triq San Ġwakkin f’Ħal Qormi (il-parti li twasslek għall-Imrieħel bypass) qatt ma ġiet asfaltata u tinsab fi stat ħażin ħafna u peress li minnha jgħaddu għadd ta’ persuni bil-mixi u bil-karozza biex ta’ kuljum imorru għax-xogħol fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel, jista’ l-Ministru jagħtiha prijorità u jinkludiha fil-lista ta’ toroq li se jsiru fl-2019 biex b’hekk tikkumplimenta l-proġett tal-bridge tal-bypass tal-Imrieħel?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġa ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Sejħiet oħra għax-xogħol meħtieġ għall-bini ta’ aktar toroq madwar il-pajjiż ser jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Triq li tagħti għal Għar Lapsi – dawl

Question

Peress li t-triq li tagħti għal Għar Lapsi hija mdallma u hija ffrekwentata minn bosta Maltin u turisti, jista’ l-Ministru jassigura li jkun hemm id-dawl neċessarju matul l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – ħajt faċċata taċ-Ċimiterju

Question

Peress li l-ħajt li hemm faċċata taċ-Ċimiterju ta’ Ħal Qormi fi Triq il-Belt Valletta qiegħed jaqa’, jista’ l-Ministru jassigura li permezz tal-ħaddiema tal-Gvern dan il-ħajt issirlu l-manutenzjoni li hemm bżonn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li dan il-ħajt hu privat iżda minħabba li hemm periklu għall-pubbliku ser jitqabbad Perit Tal-MTIP biex jagħmel rapport tad-‘dangerous structures’, li wara ngħadduh lill-Pulizija biex isegwu mas-sidien privati.

Boroż taż-Żibel — bar codes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li l-boroz taż-żibel jiġu bar coded u mqassma mill-Kunsilli Lokali sabiex l-awtoritajiet jkunu jistgħu jinfurzaw il-liġi fuq min joħroġ il-boroz fi ġranet jew ħinijiet li mhux suppost?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ta’ barcoding hija waħda oneruża u tinvolvi piż li għalissa huwa kbir wisq għas-sistema ta’ ġbir ta’ skart preżenti, partikolarment wara żviluppi reċenti li qed naħdmu bi sħiħ fuqhom, bħall-introduzzjoni tal-ġbir ta’ skart organiku separat. La l-Kunsilli Lokali u lanqas il-kolletturi m’huma attrezzati preżentament għall-introduzzjoni tal-barcoding. Ikun prudenti li għalissa nħallu s-sistema bl-inizzjattivi ġodda li daħħalna tindara u tistabbilixxi ruħha u nerġgħu neżaminaw il-potenzjal tal-borcoding fi żmien ieħor.

Negozju relatat mal-agrikoltura — inċentivi

Question

Jista’ l-Minisatru jgħid jekk hemmx il-ħsieb ta’ xi inċentivi għal min għandu negozju relatat mal-agrikoltura?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninformal lill-Onor. Interpellant li fis-settur tal-agrikoltura l-Malta Enterprise tiprovdi għajnuna biss f’kasijiet li jkun hemm produzzjoni jew riċerka.

Eks ħaddiema tal-Gas Board – kumpens finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7441 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-eks ħaddiema tal-Gas Board (li fl-1977 ġiet tagħmel parti mill-Enemalta) jingħataw kumpens finanzjarju?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Eks ħaddiema tal-Gas Board

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7442 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm jammontaw l-eks ħaddiema tal-Gas Board li effetivament jintlaqtu mill-possibilità ta’ kumpens?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #7441 Sitting 149 2018-10-29 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi

Eks ħaddiema tal-Gas Board – kumpens finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-eks ħaddiema tal-Gas Board (li fl-1977 ġiet tagħmel parti mill-Enemalta) jingħataw kumpens finanzjarju?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #7442 Sitting 149 2018-10-29 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi

Eks ħaddiema tal-Gas Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm jammontaw l-eks ħaddiema tal-Gas Board li effetivament jintlaqtu mill-possibilità ta’ kumpens?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6783 Sitting 139 2018-10-02 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi

Pink Tax

Question

Peress li l-Pink Tax hija fiha nnifisha diskriminatorja mas-sess femminili u peress li f’bosta pajjiżi qed tqajjem diskussjoni, inkluż f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u diġà tneħħiet f’bosta pajjiżi u stati Amerikani, jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea tistax tneħħi din it-taxxa minn fuq prodotti li huma bżonn naturali u ta’ kuljum tan-nisa u li skont ma turi r-riċerka (li qed tingħata separatament), jinbiegħu għal prezz li xi drabi jlaħħaq 35 fil-mija aktar?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru mhuwiex qed jikkonsidra din il-proposta.

Ħal Luqa – Triq il-Belt Valletta – xogħol ta’ asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol ta’ asfaltar tant bżonnjuż fi Triq il-Belt Valletta f’Ħal Luqa?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6791 - Ħal Luqa – Triq il-Belt Valletta – xogħol ta’ asfaltar nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, se jiġu ppjanati b’mod gradwali. L-aġenzija se tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu se jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Sptar Mater Dei u Sptar San Luqa — Shockwave Therapy Machine

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ix-Shockwave Therapy Machine għadhiex disponibbli għall-pazjenti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Shockwave Therapy Machine fl-Isptar Mater Dei ilha mill-2016 disponibbli għall-pazjenti tagħna.

Qorti — Individwu mqabbad bħala espert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ġie mqabbad bħala espert tal-Qorti? Jista’ jgħid x’inhi l-expertise li għandu dan in-nominat u liema qorti qabditu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant fir-rigward tal-individwu li d-dettalji qed jingħataw dwaru, l-ebda Maġistrat fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma nnomina lill-individwu bħala espert tal-Qorti.

Għassa ta’ Ħal Qormi – rapporti ta’ llegalitajiet b’filmati mill-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ta’ llegalitajiet akkumpanjati b’filmati lill-Għassa tal-istess lokal mill-2017 ‘l hawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ħal Qormi — Illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali – passi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-ilmenti ta’ llegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ttieħdu effettivament passi dwarhom u jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti wara li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ressaq saħansitra filmati li jagħtu xhieda ta’ tali llegalitajiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kull ilment ta’ illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi jew individwi oħra, jiġu investigati mill-Pulizija tad-Distrett meta dan jaqa’ fil-kompetenza tagħhom, u wara li mill-investigazzjonijiet tinġabar evidenza u provi biżżejjed inkluż l-evidenza permezz ta’ filmati kif imsemmi mill-Onor. Interpellant, kull persuna responsabbli titressaq quddiem il-Qorti Ġudizzjarja. Il-Kunsill dejjem jiġi infurmat bil-passi li jittieħdu.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Numru ta’ priġunieri minn Ħal Qormi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri mil-lokalita ta’ Ħal Qormi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm wieħed u għoxrin (21) priġunier mil-lokalità ta’ Ħal Qormi li huma kollha tas-sess maskili.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Numru ta’ priġunieri minn Ħal Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri minn Ħal Luqa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm seba’ (7) priġunieri mil-lokalità ta’ Ħal Luqa, sitta (6) huma rġiel u mara waħda (1).

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Numru ta’ priġunieri mis-Siġġiewi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri mis-Siġġiewi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm erba’ (4) priġunieri mil-lokalità tas-Siġġiewi, li huma kollha rġiel.

Dar tal-Anzjani f'Ħal Qormi

Question

Peress li l-popolazzjoni Qormija qed issir aktar anzjana, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jsiru djar tal-anzjani f’din l-istess lokalità u jekk le, jikkunsidrax il-Ministru li jesplora din il-possibilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li għal issa, m’hemm l-ebda pjan li jkun hemm xi Dar għall-Anzjani fil-lokalità ta’ Ħal Qormi.